24 ta' Ġunju 2007 • Nr 34

Arkivji




 

 

 

24 ta' Ġunju 2007
Mħatri u sensji

Fi żminijiet tal-lum li titlef l-impjieg jew li ma ssibux hi traġedja għall-ħaddiem u l-familja tiegħu.
Minbarra t-telf ta’ dħul finanzjarju s-sensja ġġib konsegwenzi diffiċli oħra kemm mil-lat soċjali kif ukoll dak psikoloġiku fuq min ikun involut. Ħafna drabi wkoll sakemm il-ġerħa tas-sensja ma tkunx fuqna nkunu pronti nesprimu s-simpatija u s-solidarjetà ma’ dawk li jitilfu l-impjieg imma fir-realtà ftit jew xejn nifhmu eżattament kemm hi profonda u gravi l-problema li titlef ix-xogħol.
Hu l-ħaddiem li jitlef ix-xogħol li wara li jirkupra mit-trawma ta’ l-aħbar ħażina li jrid jaqdef għal rasu biex jerġa’ jidħol fis-suq tax-xogħol bit-tama li ma jerġax jgħaddi minn esperjenza bħal din.
Sfortunatament illum kulmin ifittex impjieg irid jaħseb hu għal meta jinqalgħu ċirkustanzi li ma jkollux kontroll fuqhom u li minħabba fihom jista’ jispiċċa bla mpjieg. Għalhekk hu importanti li l-impjegat meta jfittex xogħol ġdid irid jagħmel ir-riċerka tiegħu dwar il-post tax-xogħol jew il-kumpanija li magħhom ikun applika għall-impjieg.
Ħafna ħaddiema prospettivi, l-aktar żgħażagħ li jkunu għadhom kemm spiċċaw l-istudji tagħhom, lanqas biss tgħaddilhom minn rashom li jfittxu informazzjoni jew jieħdu parir dwar il-post tax-xogħol jew il-kumpanija li magħha jkunu se japplikaw għall-impjieg.
Dan minbarra l-fatt li bosta ħaddiema prospettivi, l-aktar żgħażagħ li jkunu għadhom kemm spiċċaw l-istudji tagħhom, lanqas ikunu mħarrġa dwar kif għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom u kif għandhom iġibu ruħhom waqt l-intervista.
Iktar importanti minn dan iżda hi l-ħtieġa li l-impjegat jibqa’ jitħarreġ anki meta jkun fl-impjieg.
Donnu f’pajjiżna din il-kultura li llum saret ħtieġa, tat-tagħlim għall-ħaddiema qed tiddaħħal b’pass kajman wisq. Ħafna drabi t-taħriġ, anki f’oqsma li mhux neċessarjament ikunu relatati mal-linja ta’ produzzjoni jew servizz tal-post tax-xogħol, huma meqjusin bħala spiża żejda u ħela ta’ riżorsi għal min iħaddem.
Min-naħa ta’ l-impjegati hemm ukoll element ta’ xettiċiżmu dwar kemm se jiswa dan it-taħriġ għall-futur ta’ l-istess impjegat. F’kumpaniji kbar, l-aktar fl-industrija tas-servizzi, it-taħriġ ta’ l-impjegati jingħata importanza u hemm sinjali li għal min iħaddem dan jitqies bħala investiment u mhux spiża addizzjonali. Imma fil-maġġoranza tal-postijiet tax-xogħol, speċjalment dawk ta’ daqs medju u żgħir li jiffurmaw iktar minn 80 fil-mija tal-postijiet tax-xogħol f’Malta, il-filosofija hi għal kollox bil-maqlub. U hawn fejn irridu nikkonċentraw biex it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol ikun inkorraġit. Nasal biex ngħid li llum dan għandu jkun obbligatorju kemm min-naħa ta’ min iħaddem kif ukoll min-naħa tal-ħaddiem.
Ma naqbilx assolutament ma’ min jgħid li impjegat li għandu livell ta’ edukazzjoni baxxa u li jkun ilu jagħmel l-istess xogħol għal snin sħaħ, jew li jkun inqata’ mill-iskola għal għexieren ta’ snin, ma jkunx kapaċi jitgħallem xi ħaġa ġdida.
Ma naqbilx lanqas li l-età għandha tkun fattur biex tiskoraġġixxi lil dak li jkun milli jersaq ħalli jkompli jitgħallem.
Nifhem li hemm ċirkostanzi li huma eċċezzjoni fejn impjegat ma tkunx tista’ tħarrġu b’xejn – jiġifieri tagħmel x’tagħmel dan ma jkunx jista’ jassorbi t-tagħrif u t-tagħlim u għalhekk it-taħriġ sa ċertu punt ikun inutli.
Dawn il-każi huma waħdiet u m’għandniex nużaw dawn l-eċċezzjonijiet biex inżommu lura milli nieħdu inizjattivi favur it-taħriġ u t-tagħlim ta’ l-adulti.
Ma narax ħlief vantaġġi meta nfasslu politika li tinkoraġixxi t-tagħlim tul il-ħajja. Jiswa kemm għall-individwu nnifsu; kemm għall-azjenda li timpjegah; kemm għas-suq tax-xogħol b’mod ġenerali u anki għall-ekonomija tal-pajjiż. Meta daħlet il-liġi ta’ edukazzjoni obbligatorja sa l-età ta’ 14-il sena, u iktar tard sa 16, kien hawn min ra sal-ponta ta’ mnieħru u esprima n-nuqqas ta’ qbil imma maż-żmien kulħadd għaraf li din kienet deċiżjoni għaqlija li r-riżultati tagħha kellna ngawduhom fiż-żminijiet li ġew wara.
Fin-nuqqas ta’ kultura ta’ kontinwazzjoni tal-formazzjoni edukattiva tal-ħaddiem jew adult għalhekk nara li wasal iż-żmien li l-Gvern jilleġiżla fejn jagħmilha obbligatorja li l-ħaddiema jridu jingħataw ammont ta’ siegħat taħriġ fis-sena. B’hekk min iħaddem ma jkollux għalfejn jabdika milli jagħti taħriġ waqt li l-impjegat ikollu jieħu din l-opportunità mingħajr ma joqgħod iġib skużi.
Nistenna li jekk ma jkun hemm xejn f’dan ir-rigward fil-baġit li ġej almenu fil-manifesti elettorali l-partiti politiċi jmisshom jipproponu xi ħaġa f’dan is-sens. U jekk il-politiċi jibqgħu ma jagħmlu xejn, u anki jekk jagħmlu, il-unions għandhom jaċċettaw li tiddaħħal klawsola fil-ftehim kollettiv li torbot lill-partijiet biex ikun organizzat it-taħriġ obbligatorju għall-ħaddiema.
Il-unions jagħmlu tajjeb li jfakkru fil-ħtieġa ta’ solidarjetà ma’ dawk li jitilfu l-impjieg. Ma jagħmlux ħażin li jiġbdu l-attenzjoni għat-tbatija li jgħaddu minnha u għat-trawma psikoloġika li taħkem lil dawk milqutin. Jagħmlu tajjeb ukoll li japplikaw il-klawsoli tal-ftehim kollettiv f’każ ta’ sensji u jinnegozjaw pakketti finanzjarji aħjar iżda l-ikbar kontribut li jistgħu jagħtu l-unions biex verament itaffu t-tbatija ta’ l-impjegat hi billi jiggarantixxu t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol.
Il-biki u l-ħasra għall-issensjat iġibu simpatija imma ma jġibux is-soluzzjonijiet.
Min jitlef ix-xogħol mhux kelma ta’ kuraġġ ikun irid imma tama li mpjieg ġdid se jakkwistah fi żmien qasir. Ma rrid innaqqas xejn mill-mertu ta’ l-ETC li f’okkażjonijiet bħal dawn jagħmlu sforz iktar qawwi biex jinstab ix-xogħol. Iżda naħseb li qed naġixxu għax jisfurzawna ċ-ċirkostanzi u mhux għax inkunu ħsibna fit-tul għal meta tinqala’ l-eventwalità.
Ħadd m’għandu dritt li joqgħod juża sitwazzjoni bħal din u lill-ħaddiema involuti qishom xi ballun politiku bil-Gvern iwaħħal fil-globalizzazzjoni u bl-Oppożizzjoni twaħħal fil-politika tal-Gvern preżenti.
X’intqal qabel l-elezzjoni u x’ġara fil-fatt jista’ jkollu effett politiku imma mhu se jbiddel xejn mill-qagħda ta’ dawn il-ħaddiema sfortunati.
Ftit ilu l-Ministru Austin Gatt kien qal li l-industrija tal-manifattura tat-tessuti għad trid tispiċċa. Instema’ goff bil-mod li qalha iżda kien qed jgħid il-verità.
Ir-realtà hekk hi… u mhix xi ħaġa ġdida wara kollox għaliex meta snin ilu s-sidien tal-fabbriki tat-tessuti ddeċidew li jiftħu l-fabbriki hawn għamlu dan għax il-pagi tagħna kienu iktar baxxi minn pajjiżi oħra, apparti l-ħiliet tal-ħaddiema Maltin.
Illum is-sidien qed jirraġunaw l-istess u għalhekk qed ifittxu pajjiżi oħra. Din id-darba aħna qegħdin fuq in-naħa l-oħra tal-munita.
Għalhekk hu importanti l-iżvilupp tal-ħiliet tal-impjegati permezz ta’ taħriġ kontinwu. Iżda dan ma jfissirx li l-Gvern u s-sidien tal-fabbriki għandhom ifarfru minn fuq spallejhom ir-responsabiltajiet li għandhom lejn l-impjegati tagħhom.
Ma jistgħux jippretendu li l-piż irid jinġarr kollu kemm hu mill-impjegat “għax issa mħarreġ u jista’ jsib impjieg ieħor!”
Sewwa, mela l-ewwel nagħmlu snin sħaħ ma nwettqu xejn fil-qasam tat-taħriġ fuq ix-xogħol u issa jippretendu li l-impjegat issensjat jaqdef għal riħu!
Biex nassiguraw it-taħriġ għall-ħaddiema għandna bżonn xi forma ta’ regolamentazzjoni, imqar sakemm inqabbdu t-triq tat-taħriġ fuq il-postijiet tax-xogħol. Mar-regolamenti l-Gvern jista’ joffri inċentivi lil dawk li joħolqu skemi ta’ taħriġ fuq il-postijiet tax-xogħol iżda min iħaddem irid juri li mhux xħiħ fejn jidħol l-investiment tat-taħriġ għall-impjegati.
Bl-imħatri s-sensji ma jonqsux!

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt