24 ta' Ġunju 2007 • Nr 34

Arkivji




 

 

 

24 ta' Ġunju 2007
Politika ta’ sustanza

1. Drajna wisq f’sistema fejn dak li hu importanti, jew li mhux, irid jiġi dettat lilna mill-media. L-aġenda nazzjonali ħafna drabi trid tinħadem fuq skond x’ikun hemm fit-titli tal-gazzetti. Meta dawn jispiċċaw, allura tqum l-impressjoni żbaljata li aħbar tajba pass ’il quddiem fil-ħajja tagħna lkoll, tilfet mill-piż tagħha għax toħroġ mill-memorja. Għax fid-dinja llum, fejn ma tantx ikollna l-possibiltà li nieqfu nirriflettu, insibu li moħħna jrid jimlihulna ħaddieħor. Għad hemm sfortunatament il-ħsieb li l-poplu tista’ timlilu rasu b’dak li trid int. Timponilu dak li suppost għandu bżonn mingħajr ma għandu l-għajnuna biex isib it-triq li jagħżel għalih innifsu x’verament irid.

2. Għandna mbagħad faċċata oħra tal-munita. Hemm ukoll ċerta medjokrità fl-għażla mill-media ta’ dak li hu importanti. Taqbad il-gazzetti u l-aħbarijiet fuq ix-xandir u ssib li ma hemmx priorità. Lanqas għarfien ta’ dak li hu ta’ ġid u ta’ dak li hu rilevanti. Hemm, iva, l-għaġla tal-jum u tax-xogħol fis-sens li bejn li tidħol aħbar u tispiċċa mxandra ma tantx ikun hemm ħin. Però hemm nuqqas fl-għarfien ta’ dak li hu tajjeb. Il-ġlieda fix-xandir tibqa’ dejjem dik bejn li tkun strument ta’ verità u informazzjoni u, fuq in-naħa l-oħra mezz ta’ opinjonijiet żbaljati u f’numru ta’ drabi, sfortunatament, ta’ nuqqas ta’ verità.

3. Għalhekk għandna d-dmir li naraw li l-verità tingħad u tkun esposta għal għajnejn il-poplu. Proċess li jeħodna wkoll biex nagħmlu d-differenza bejn dak li jingħad b’mod żbaljat jew malizzjuż u dak li hu sewwa. Imma biex dan ikun jista’ jsir trid aċċess għall-istess mezzi tax-xandir. Il-politiku llum il-ġurnata qed isib ruħu maqtugħ mill-ħin biex ikun jista’ jispjega fid-dettal ħidmietu għall-ġid tal-poplu. Dan in-nuqqas qiegħed iservi biex ikun hemm jew nuqqas totali ta’ fatti u possibiltà li wieħed jimla l-istampa sħiħa ta’ l-affarijiet. Għax hu żbaljat min jaħseb li għandu jkun limitat post il-politiċi fuq ix-xandir.

4. Hemm forom ta’ stigmi li ma jippermettux aċċess ġust u tajjeb. Mentri l-esperjenza hi li meta jkun hemm politiċi li jidhru u jieħdu sehem fi programmi ta’ intelliġenza s-sitwazzjoni tinbidel. Tinbidel għax min hu politiku, meta jsib ruħu mistieden, jipprepara ruħu. Jipprepara biex il-kontribut ikun fi kwalità iktar għolja. Għax jekk il-moħħ ma jeżerċitax ruħu fid-diskussjoni u fid-dibattitu ma jissaħħaħx iżda jmur lura. Hu minnu li ħafna drabi huma proprju artikli bħal dawn li jżommuni għaddej naħseb u nipprepara. Dan l-appuntament magħkom għalija hu essenzjali. Għax il-ħidma pubblika tagħmel sens jekk tkun immirata, iffukata u li minnha tista’ toħroġ miżuri u proposti li jsaħħu l-ekonomija, il-kultura u l-ġustizzja soċjali.

5. Il-politika tikber fil-valur tagħha meta ssir min-nies li jagħtuha sens u sustanza. F’pajjiżna hemm bżonn ta’ iktar politika f’din il-linja. Anzi, meta ma ssirx politika ta’ kwalità, issir waħda mill-iktar baxxa u artifiċjali. Waħda li kulma tkun kapaċi tagħti huma attakki personali fejn it-tajn jinxteħet bl-għan finali li jiskredita mhux il-ħsieb imma min jgħidu. Din it-tip ta’ parteċipazzjoni ma tgħinx lill-pajjiż javvanza ’l quddiem anzi tixħtu lura. Għax il-poplu jista’ jikber billi jġib fis-seħħ ideat u miżuri ġodda, mhux il-kontra. Min jiskredita lill-politiċi b’egħmilu, kulma jkun qed jagħmel huwa li jiżra’ ż-żerriegħa l-ħażina – dik li minnha ma toħroġ l-ebda frotta tajba.

6. Il-pajjiż irid jinduna li din il-linja ta’ politika hi żbaljata. Dan għax għandu bżonn politiċi ta’ sustanza li jifhmu li jridu jirbħu l-argument u mhux jippruvaw iċekknu l-kontroparti. Għandu anzi n-neċessità li jkollu persuni kapaċi li jifhmu u japprezzaw dak li għaddej għax issa għandna x-xenarju ta’ l-Unjoni Ewropea li titlob mingħandna li nibagħtu nies kapaċi. Hemm in-neċessità li jkollna nies li jmorru barra minn xtutna u madwar l-imwejjed tad-diskussjoni Ewropea jifhmu jekk miżura hiex favur jew kontra l-interessi tal-pajjiż. Mhux biss, imma s-sens li jdaħħlu fl-aġenda punti li minnhom nistgħu nieħdu benefiċċju.

7. Pajjiżna m’għadux li kien, wieħed li għadu fil-bidu ta’ l-esperjenza tiegħu bħala Stat indipendenti. Illum aħna nies li għandna warajna snin bħala poplu liberu, li qiegħed jissoda d-demokrazija tiegħu u jħares il-ħin kollu biex jissoda l-ġustizzja soċjali. M’aħniex ċittadini ta’ xi klassi inferjuri, u anqas ma aħna gżira li tista’ tiġi traskurata. Dħalna fl-Unjoni bl-ekonomija partikolari u bid-diversità tagħna però f’dawn is-snin bdilna iktar ruħna bl-iżvilupp u bl-investiment li għaddejjin minnhom. Terġa’, bit-twelid ta’ SmartCity, il-piż tagħna nbidel. Dan kollu jkompli jissoda l-bżonn li jkollna politiċi li jħarsu l-verità u li jimmiraw li jagħtu kontribut bis-sens u mhux sempliċement imaqdru u jkissru dak li ma jistgħux jaċċettaw.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt