Il -Griegi ta’ l-Antik kellhom l-Eżopu u l-ħrejjef tiegħu. Il-Lhud kellhom l-Antik Testment tal-Bibbja kollu rakkonti u tixbihat b’simboliżmu qawwi. Mal-miġja ta’ Ġesù Kristu kellna mbagħad l-użu tal-parabboli bħala mezz effettiv ta’ kif tgħallem u tikkonvinċi. Kien hawn ukoll matul iż-żminijiet politiċi li ddakkru minn dan l-istil u kienu jżejnu l-oratrija tagħhom b’ħafna tixbihat u eżempji mlewna mill-esperjenzi tal-ħajja biex iżommu l-attenzjoni u l-immaġinazzjoni tan-nies. Il-kulur, l-emozzjoni u r-rakkonti vivaċi mill-ħajja ta’ kuljum jimmeżmerizzaw u jsaħħru lin-nies, mentri l-abjad u l-iswed taċ-ċifri u ta’ l-argumenti razzjonali u ta’ diskorsi ippreparati minn qabel u moqrija mingħajr wisq emozzjoni jitilfuhom jekk mhux ukoll iraqqduhom.
Il-Perit Mintoff kien kapaċi ħafna biex jartikola l-ħsibijiet tiegħu b’lingwaġġ li jinftiehem, idjoma espressiva u kkulurita u eżempji mill-ħajja u mill-istorja li jispiraw u jkaxkru l-folol.
Fl-‘intimu’ tal-folla bil-mijiet ta’ nies wiċċ imb’wiċċ quddiemu, b’dawk il-pawsi interminabbli biex ikun jista’ jorqom kull kelma, Duminku Mintoff kien ikun kapaċi jsaħħar u jikkomunika daqs Roberto Benigni u Beppe Grillo tal-lum. Fl-‘anonimat’ ta’ bejnu u l-kameras tat-TV mingħajr dawk l-eluf ta’ uċuħ li kien ikollu quddiemu fil-mass meetings, il-Perit Mintoff kien jiffriża u ma kienx ikollu l-istess ħila biex jikkomunika.
Jeżisti wkoll s’intendi l-każ bil-maqlub ta’ min isir qisu statwa tal-melħ meta jsib ruħu fil-folla jew quddiemha imma mbagħad ikun kapaċi jitkellem ġo kamera daqslikieku qed jitkellem minn ġos-salott tiegħek.
Kliem ix-xiħ
Fl-ilsien Malti, bħal f’kull ilsien ieħor, hemm ukoll dak li jissejjaħ kliem ix-xiħ li rridu nżommu fih bħala mezz ieħor effettiv ta’ kif infasslu u nwasslu l-ħsieb tagħna lil ħaddieħor. Dan kliem ix-xiħ li għadda minn ġenerazzjoni għall-oħra għal ma nafx kemm-il darba hu parti mill-patrimonju nazzjonali tagħna daqs il-ġebel mejjet tal-fortijiet u tal-kastelli.
Għax anki jekk ċerti qwiel huma addattati minn ilsien ħaddieħor għal ilsienna, l-għerf warajh, xorta jibqa’ ta’ l-istess saħħa morali. Forsi tajjeb nagħmlu l-mistoqsija lilna nfusna: aħna li għandna dan il-kliem ix-xiħ inebbaħna u jispirana, se nkunu xjaħna, u liema kliem ix-xiħ ta’ żmienna se nkunu ħallejna lil ta’ warajna?
Illum xtaqt niffoka fuq tlieta jew erbgħa minn dawn ‘il-kliem ix-xiħ żomm fih’ biex nasal għal li għandi f’moħħi.
‘Min ma jxaħħamx ma jvarax’, ‘il-qasba ma ċċaqqċaqx għal xejn’, ‘bil-flus tagħmel triq fil-baħar’ u ‘min se jdendel il-ġolġol ma’ għonq il-qattus?’.
Għaddew il-mijiet tas-snin kollha minn fuq dawn il-qwiel tagħna u fejn għandha x’taqsam il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’pajjiżna għadha fil-livelli tal-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn, fejn għajdut u diskors fil-widnejn isir ħafna li allavolja jkun fondat u ġustifikat, xorta waħda ma jwassal għal imkien u jibqa’ ma jsir xejn kontra min ibill subgħajh fl-ilma mhux imbierek.
Il-mentalità ta’ ‘rajt ma rajtx u smajt ma smajtx’ bħal donnu qiegħda fid-demm ta’ kull poplu Mediterranju, inkluż tagħna. L-omertà u l-biża’ li żżommok milli toħroġ għonqok għal dak li ma jolqtokx personalment għenu indirettament biex il-korruzzjoni tixxettel u tikber taħt din il-kultura ta’ ħabi u silenzju. L-omertà għandha għeruq fondi f’pajjiżna anki minħabba l-fatt li dawk il-ftit każijiet ta’ korruzzjoni, abbuż ta’ poter li feġġew fil-beraħ għax kien hemm min ħass li m’għandux ibaxxi rasu għas-sistema, spiċċaw ħażin. Biżżejjed insemmi ftit ismijiet mingħajr ma nidħol fid-dettalji tal-każ ta’ kull wieħed minnhom.
Emanuel Cachia, l-importatur li fl-1979 kien allega li ntalab il-flus biex tinħariġlu liċenzja ta’ importazzjoni u kien tressaq il-qorti fuq akkuża ta’ difamazzjoni u spiċċa ntbagħat il-ħabs. J.R. Aquilina, l-eks kap eżekuttiv tal-ETC li kien irrapporta diversi irregolaritajiet fil-każ ta’ l-Awżiljari u sussegwentement kien tneħħa mill-kariga. Edward Gauci Borda li spiċċa bil-kuntratt tiegħu mhux imġedded wara li bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Biedja kien talab biex jittieħdu passi dwar diversi irregolaritajiet fit-tmexxija taċ-Ċentru Nazzjonali ta’ l-Akwakultura.
Il-problema mhix biss waħda ta’ liġijiet, istituzzjonijiet u strutturi, imma waħda ta’ mentalità u ta’ kultura politika. Il-perċezzjoni li min idendel il-ġolġol ma’ għonq il-qattus jisfa vittimizzat u diskriminat ġewwa pajjiżna hi waħda qawwija mhix biss fost in-nies barra t-triq imma saħansitra anki fi ħdan il-klassi politika, tista’ tgħid tad-dawra kollha ta’ l-ispettru politiku.
Liġijiet fuq il-karta
F’temp ta’ ftit granet kellna lil Frank Portelli, lil Josie Muscat, lil Lawrence Gonzi u anki sezzjoni tal-media Laburista li min mod u min ieħor jisħqu dwar il-bżonn li jiddaħħal il-Whistleblower’s Act fil-leġislazzjoni tagħna biex ikun protett min, b’mod ġenwin u bl-ebda mottiv ulterjuri, jikxef l-abbużi u l-korruzzjoni.
Imma dan is-suġġett tant jiġi trattat b’mod superfiċjali u għall-gallarija li kulħadd jisħaq li hemm bżonn li ndaħħlu l-protezzjoni fil-liġi għal min isaffar is-suffara meta din ilha teżisti għal numru ta’ snin.
Imma bħal donnu ħadd ma jaf jew għadu ma nduna. F’dan il-pajjiż kollox lip-service u jħollu u jorbtu l-ewwel impressjonijiet. Kollox jimxi fuq il-gimmicks. Dan l-aħħar Dr Frank Portelli għamel allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni fir-rigward tal-Mater Dei u esprima t-tħassib tiegħu dwar vendikazzjonijiet u vittimizzazzjoni anki bil-bombi, fuq min jikxef il-korruzzjoni. Dr Portelli talab li biex tiddaħħal il-Whistleblowers Act ħalli ma jkunx hawn vittimizzazzjoni fuq min jikxef il-korruzzjoni f’pajjiżna. Min-naħa tiegħu Dr Gonzi biex jagħmilha tal-hero li m’għandux minn x’hiex jibża’ u fl-istess ħin jidher tal-gustuż li laqa’ t-talba ta’ min qed jikkritika lill-gvern tiegħu, laqa’ t-talba ta’ Frank Portelli f’kemm ili ngħidlek.
Imma s-superfiċjalità ta’ Gonzi toħroġ mill-fatt li qed iwiegħed li se jdaħħal xi ħaġa ġdida fil-liġi li ilha li ddaħħlet ħames snin.
Gaffe prim ministerjali li tixhed bl-iktar mod ċar kemm mhuwiex aġġornat u mhux well-briefed dwar il-qafas istituzzjonali tal-pajjiż. Gaffe li tikkonferma wkoll li Gonzi bħala prim ministru ta’ dan il-pajjiż kien qed imexxi taħt l-impressjoni żbaljata li ma teżistix protezzjoni legali kontra l-vittimizzazzjoni ta’ min jikxef il-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika. Tant hi ineffettiva din il-protezzjoni li ilha teżisti fil-liġi tagħna sa mill-2002 u lanqas il-Prim Ministru nnifsu ma kien jaf li din teżisti.
Din il-protezzjoni tal-Whistleblower għal ġieħna ddaħħlet fl-2002 mhux f’liġi waħda imma saħansitra fi tnejn: fil-Kodiċi Ċivili Artiklu 1627A permezz ta’ l-Att XX ta’ l-2002.3 u fl-Employment and Industrial Relations Act (Art. 28 tal-Kap 452 tal-Liġijiet ta’ Malta), imma xorta waħda kulħadd għadu jibża’ jitkellem u jdendel il-ġolġol tant din il-liġi teżisti biss fuq il-karta għax lanqas il-Prim Ministru stess ma jaf li teżisti.
Fil-verità l-vittimizzazzjoni u d-diskriminazzjoni ma ssibilhomx tarfhom bil-liġijiet fuq il-karta imma permezz ta’ bidla radikali fil-mentalità u fil-kultura tat-tmexxija fl-amministrazzjoni ta’ dan il-pajjiż.
Sakemm tibqa’ tirrenja fuq kollox u fuq kulħadd il-mentalità li l-Gvern jista’ jagħmel li jrid u ħadd barra minnu ma’ jista’ għalih għax għandna dittattura bil-pulit ta’ ħames snin, l-istituzzjonijiet li kienu maħsuba biex isostnu u jsaħħu l-kontabbiltà u t-trasparenza f’pajjiżna se jibqgħu ineffettivi u mitruħa.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt