17 ta' Ġunju 2007 • Nr 33

Arkivji




 

 

 

17 ta' Ġunju 2007
Pulizija joffri servizzi f’ċirku ta’ prostituzzjoni ‘sofistikata’

Julia Farrugia

Sit ta’ l-internet internazzjonali li jispeċjalizza f’xibka ta’ prostituzzjoni ‘sofistikata’ qed isemmi lil Malta bħala wieħed mill-pajjiżi fejn persuna tista’ takkwista numru ta’ servizzi inklużi dawk sesswali.
Is-sit ta’ l-internet www.vicesisters.com joffri servizz ta’ escorts minn irġiel, nisa u minn nisa-irġiel (transgender). Is-servizzi jvarjaw minn sempliċi kumpanija waqt ikliet sa divertiment b’laqgħat ‘personali’ mal-klijent f’xi lukanda jew fid-dar. Dan is-sit m’għandu x’jaqsam xejn ma’ siti li jgħinuk tagħmel ħbieb ġodda jew biex issib sieħeb jew sieħba.
Kollox hu msejjes fuq il-kunċett ta’ prostituzzjoni ‘sofistikata’. Kontinwament fil-paġna jgħaddu reklami dwar il-prostituti fosthom li “dawn huma l-aħjar prostituti minn Kiev, fl-Ukrajna”.
Mijiet ta’ escorts f’dan is-sit isemmu speċifikament x’tip ta’ attività sesswali lesti jidħlu fiha. Oħrajn isemmu dettalji differenti fosthom x’tip ta’ pożizzjonijiet lesti joqogħdu fihom u jekk jużawx kontraċettiv jew le waqt attivitajiet ta’ sess orali.
Din l-attività hi minsuġa f’minn ta’ l-inqas 53 pajjiż differenti, fosthom fir-Russja, fil-Messiku, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ghana u wkoll f’Malta
.

Is-sistema taħdem b’mod sempliċi. Klijent jagħżel il-pajjiż fejn jixtieq jirċievi s-servizz ta’ skorta. Wara jagħżel jekk jixtieqx is-servizz ta’ mara jew ta’ raġel u quddiemu jitilgħu sensiela ta’ ritratti awtentiċi tal-persuni li joffru dan is-servizz.
Il-maġġoranza ta’ l-escorts ikunu barra minn Malta u jkunu lesti jiġu f’pajjiżna għal lejl jew tnejn jew kif miftiehem mal-klijent. F’dan il-każ il-klijenti apparti r-rata ta’ ħlas fis-siegħa kif stipulata mill-escort, irid iħallas ukoll it-titjira biex il-persuna tasal Malta.
Din il-gazzetta investigat kif qed taħdem is-sistema u tlabna informazzjoni daqslikieku se nużaw is-servizz aħna.
Tlabna s-servizz ta’ tfajla li qed tirreklama li lesta ssiefer f’numru ta’ pajjiżi nkluż f’Malta. Ma kinitx it-tfajla li wieġbet l-email tagħna imma l-mara li tħaddimha. Kienu diskussi numru ta’ punti fosthom il-ħlasijiet li titlob it-tfajla, safar u ħruġ ta’ visas.
F’każ ieħor, ġurnalista għamlet kuntatt ma’ raġel li qed joffri s-servizzi ta’ escort f’Malta. Dan ir-raġel aċċetta li jidħol f’‘impjieg sesswali’ u ta’ dan ix-xogħol talab ħlas ta’ Lm12.88 (30 ewro) fis-siegħa jekk l-attività issir filgħodu. F’każ li x-xogħol isir tarb bil-lejl il-ħlas hu ta’ Lm25.76 (60 ewro) fis-siegħa.
Fost l-irġiel reġistrati mal-lista ta’ escorts li qed jaħdmu f’pajjiżna hemm pulizija Malti. Iż-żagħżugħ li fuq is-sit ta’ l-internet jgħid li jismu Jason fil-verità jismu mod ieħor u jaħdem bħala kuntistabbli fl-iskwadra tal-Mobile. Fuq dan is-sit il-pulizija jitlob lill-klijenti biex jippreparaw ruħhom għall-aqwa esperjenza ta’ escort f’Malta.
Il-pulizija jgħid: “Naf li fittixtu fuq is-siti kollha ta’ l-internet u bqajtu b’idejkom vojta. Vera? Jien hekk ġrali…Inti ma titlobx ħafna – sempliċiment xi ħadd li hu moħħu miftuħ, nadif, li għandu l-kwalitajiet veri ta’ raġel, li jħobb il-pjaċir, b’esperjenza, saqajh ma’ l-art, edukat, versatili u diskret. Ma tistax issib lil dan ir-raġel? IMMA DIN ID-DARBA RNEXXIELEK!”
Il-pulizija jgħid li joffri “kumpanija waqt ikliet, waqt festini tax-xogħol, fil-lukandi jew saħansitra privatament fid-djar.”
Il-Ħamis filgħaxija din il-gazzetta talbet lill-kuntistabbli jispjega l-involviment tiegħu f’din it-tip ta’ attività.
Viżibilment ixxukkjat li mezz tax-xandir intraċċa dan is-sit ta’ l-internet iż-żgħażugħ argumenta li għal xi żmien kien jgħix l-Istati Uniti u sieħbu kellu aġenzija li tħaddem l-escorts. “Ma rajt xejn ħażin f’din l-attività u ddeċidejt li nagħmel reklam biex anke jien noffri servizz ta’ escort. Tistà taħdem bħala escort biex sempliċiment takkumpanja lil xi ħadd f’tieġ.”
Il-pulizija sostna: “Jien membru f’numru ta’ siti oħra ta’ l-internet biex nagħmel ħbieb ġodda.”
Iżda s-sit ViceSisters hi mibnija fuq kunċett ta’ prostituzzjoni fina u li m’għandha x’taqsam xejn ma’ siti ta’ ħbiberiji. Teknikament il-Pulizija kien fid-dmir biex ġaladarba kien jaf li teżisti din ix-xibka jiskatta l-allarm tal-Korp biex jibda jinvestiga jekk it-tfajliet impjegati ma’ aġenziji humiex maqbuda f’ċirku akbar ta’ traffikar uman.
Skond il-kuntistabbli hu ssieħeb f’dan is-sit elettroniku qabel daħal fil-Korp tal-Pulizija. Fil-verità, id-data murija fuq is-sit elettroniku turi li l-pulizija kien ilu diġà sentejn meta għamel reklam bis-servizzi tiegħu!
Kien f’dan il-punt li l-pulizija għażel biex minn rajh imur jispjega kollox lill-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo.
Mhux magħruf x’passi ħa l-Kummissarju dwar din l-istorja madankollu l-Ġimgħa filgħodu Rizzo talab biex il-pulizija nvolut jagħti l-verżjoni tiegħu bil-miktub.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt