17 ta' Ġunju 2007
Membru tal-MLP fil-kummissjoni elettorali f’battibekk fil-Vatikan
Julia Farrugia Jekk xejn il-kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca ġabet magħha dik l-għaqda nazzjonali fost il-Maltin li sal-lum l-ebda avveniment ieħor ma rnexxielu jġib ħlief il-Eurovision.
Imma wara l-kwinti ftit tal-ħin biss wara li Dun Ġorġ ġie dikjarat qaddis, fil-Bażilika ta’ San Pietru kien hemm battibekk li l-ebda kamera tat-televiżjoni Maltija ma ippreżentathielna.
Membru fil-Kummissjoni Elettorali maħtur mill-MLP, Salvu Fenech, li kien preżenti għaċ-ċerimonja, għamel fratterija sħiħa meta l-crew ta’ Net TV mar jieħu kumment ta’ missier it-tifel li sar il-miraklu miegħu.
Il-preżentatur veteran Norman Hamilton flimkien ma’ crew ta’ ONE Television kien qed jintervista lill-missier it-tifel Eric Catania. Eżatt kif spiċċat din l-intervista, crew ta’ Net Television immexxi mill-ġurnalist Roderick Agius ipprova jieħu wkoll kumment tal-missier. Il-missier aċċetta fuq l-istess kundizzjoni li ta lil tas-Super ONE, dik li ma jsiru l-ebda mistoqsijiet fuq il-każ tal-miraklu.
Ikkuntattjat minn Illum Agius ikkonferma li l-missier kien diġà beda jagħtih l-intervista meta f’ħin minnhom daħal fix-xena membru tal-familja u beda jagħmel fratterija.
“Ir-raġel, bl-isem ta’ Salvu Fenech, beda jgħajjat mal-crew tan-Net fil-Bażilika. Fenech, li beda jsabbat idejh fuq saqajh, beda jgħajjat li tas-Super ONE huma speċjali.”
Salvu Fenech hu persuna bi twemmin ferventi ħafna tal-Partit Laburista tant li nħatar bħala wieħed mir-rappreżentanti tiegħu fi ħdan il-kummissjoni elettorali mill-mexxej Laburista Alfred Sant.
“Żgur ma kienx denju għall-post u għall-okkażjoni li jkun hemm dan it-tip ta’ atteġġjament,” sostna Agius.
“Ġurnalist ma jobbliga lil ħadd jagħti kumment u kulħadd għandu d-dritt li ma jagħtix intervista lil xi crew partikolari. Imma żgur li għandu jagħmel dan b’mod edukat u ġentili.”
Norman Hamilton li kien ftit metri ’l bogħod minn fejn seħħ dan l-inċident qed jgħid li hu “ma sema’ xejn.”
“Kont se nintervista lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Alfred Sant u ma smajt l-ebda kommossjoni,” kompla Hamilton.
Din l-istorja ġabet l-istmerrija ta’ bosta persuni l-aktar għaliex fi storja bħal din, fejn Malta kellha l-ewwel qaddis Malti, żgur li ma kellhiex tiddaħħal il-politika jew xi firda bejn stazzjon politiku u ieħor.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt