Darba waħda kien hemm wieħed li ried jibni villa waħda. Waħda biss. Dak iż-żmien ma kienx hemm MEPA. Bniha u l-Għawdxin stagħġbu u tgħidx kemm qalu li ġiet sabiħa. Kienet l-unika waħda fuq ix-xagħri tax-Xlendi.
Fix-Xlendi dak iż-żmien kien hemm ftit kmamar tas-sajjieda u xi dwejra ’l hemm u ’l hawn. Jien ma niftakarx. Imma niftakar li minn villa waħda saru tnejn, tlieta u erbgħa mtarrġin u minn dawn l-għexieren ta’ vilel illum għandhom xorti baqa’ tnejn. X’sar minnhom?
Kulmin imur sax-Xlendi jaf x’ġara. Forsi għax issa għandna l-MEPA? Dawk il-vilel ‘sbieħ’ sparixxew u saru ġungla ta’ appartamenti b’wieħed bl-imħatra li jgħatti l-veduta ta’ warajh. M’għadhomx aktar imtarrġin. Battâla fix-xitwa u mikrijin għal xi week end kultant.
Il-ftit vilel li fadal qed jistennew il-permessi biex isiru blokki ta’ appartamenti. X’tip ta’ impjiegi ħoloq dan l-‘iżvilupp’? Xogħol ta’ kostruzzjoni għal ftit snin u jibqa’ vojt għal ma nafx kemm snin.
Dawk li nbdew fil-bidu nbigħu lill-barranin għax kellhom il-veduta. Il-MEPA tibqa’ toħroġ il-permessi speċjalment kif toqrob xi elezzjoni u jkomplu jiżdiedu l-krejnijiet. L-Ingliżi jbigħu l-appartament u jdabbru rashom.
Forsi ssib xi Għawdxi jew Għawdxija jimsaħ xi tieqa. Dan hu t-tip ta’ xogħol li jridu l-Għawdxin? Li jseftru? Jista’ Għawdex ikompli jitlef imqar turist wieħed minħabba li l-MEPA qed teqred il-karattru tas-sbuħija t’Għawdex?
Jistgħu jibqgħu jinħarġu permessi ta’ bini bla rażan fuq art verġni għax inkella jgħidulhom li ma jivvutawlhomx? Nafu li f’Għawdex hawn mal-35 fil-mija tad-djar vojta? U l-prezz tagħhom qed jorħos?
Mill-banda l-oħra persuna li tixtieq tagħmel gallarija, jew tiftaħ bieb jew tieqa, trid jara l-qamar fil-bir! Għaliex din l-inġustizzja ma’ ċittadini onesti li ma jħabbtux fuq il-bieb ta’ xi politikant u joqogħdu jistennew fil-kju?
Għaliex imbagħad il-MEPA tiddeċiedi li r-Ramla l-Ħamra tagħtih għal spekulazzjoni ta’ vilel? Għalfejn din l-ispekulazzjoni ta’ art? U min huma dawn iċ-ċittadini li jingħatawlhom il-permessi li jibnu f’inħawi barra ż-żona ta’ l-iżvilupp? Kulħadd jistaqsi l-istess mistoqsijiet!
Bħal-lum sena l-Parlament għamel eżerċizzju li sejjaħlu ‘razzjonalizzazzjoni’. Eżerċizzju biex il-MEPA testendi ż-żoni ta’ aktar bini f’dan il-pajjiż. L-iskuża kienet biex ma jkunx hawn aktar ħtieġa li ’l quddiem ikollna bżonn ta’ aktar estensjonijiet. U b’min qed nidħku?
L-Oppożizzjoni ivvutat kontra però l-MLP ma kellux il-kuraġġ jibbojkottja din id-deċiżjoni bil-qawwa kollha minkejja li l-Gvern kiser direttiva importanti ta’ l-UE: dik li tissejjah is-‘SEA Directive’. Tgħid messhom xi ftit mill-frak tal-ħobż?
U l-permessi għal aktar spekulazzjoni għadhom ħerġin, l-aktar bħalissa.
Issa mess lir-Ramla l-Ħamra. Meta wieħed isemmi r-Ramla l-Ħamra ġeneralment ikun qed jirreferi għal dik il-bajja bir-ramel kulur id-deheb. Iżda żgur ftit jafu li dan hu l-uniku post fil-gżejjer Maltin fejn wieħed isib postijiet u affarijiet ambjentali, fdalijiet arkeoloġiċi u saħansitra postijiet storiċi proprju fil-ħajja u fix-xtajta tagħha.
Forsi l-esperti tal-MEPA ħasbu li sakemm it-23 villa jkunu baxxi u mdawrin b’siġar, forsi jekk hemm bżonn tal-plastik, ma tantx jagħtu wisq fl-għajn.
Hekk ukoll kienu qalu n-nies mhux esperti meta nbniet l-ewwel villa fix-Xlendi! Imma n-nies mhux esperti daqs il-MEPA jafu x’jiġri ladarba wieħed jitfa’ l-ewwel ġebla. Imma tal-MEPA jaħsbuha mod iehor.
Determinati li jeqirdu din il-bajja. Fl-istess ġimgħa l-MEPA toħroġ il-permessi biex fuq in-naħa tax-Xagħra jinbnew 23 villa bil-pool fost oħrajn; fuq in-naħa tan-Nadur il-MEPA tapprova ċimiterju enormi. Forsi n-nies għadha ma tafx min applika għall-vilel iżda min applika għal ċimiterju enormi mingħajr ebda ġustifikazzjoni għall-kobor tiegħu u fuq art verġni kulħadd jaf min huma!
L-ispekulaturi determinati li jeqirdu dawn l-inħawi sbieħ. L-Għawdxin u l-Maltin determinati li bil-vot tagħhom iġibu riforma fil-pajjiż.
Michael A. Bajada, membru fil-Kumitat Reġjonali ta’ l-Alternattiva Demokratika Għawdex
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt