17 ta' Ġunju 2007 • Nr 33

Arkivji




 

 

 

17 ta' Ġunju 2007
Pass ’il quddiem u ieħor lura?

1. F’pajjiżna wieħed jinnota li xi drabi niskru wisq fuq ix-xenarju lokali u ma narawx jew ma nqisux dak li jkun għaddej fuq livell internazzjonali. Ngħid dan għax fil-ġimgħa li għaddiet kien hemm żewġ aħbarijiet li forsi ma ngħatawx l-importanza li ħaqqhom. Anzi, ngħid waħda kellha ħafna attenzjoni barra xtutna u l-oħra ftit. Imma xorta t-tnejn, fl-opinjoni tiegħi, għandhom piż li jixirqilhom kitba f’artiklu bħal dan.

2. Kellna l-laqgħa tat-tmien l-aktar pajjiżi industrijalizzati magħrufa bħala G-8 li saret fil-Ġermanja. Hemm kellna passi ’l quddiem fuq il-kontroll ta’ l-effetti negattivi tal-klima u wieħed lura għar-rigward il-ħlas tal-mediċinali kontra l-AIDS, malarja u tuberkolożi fid-dinja. Wieħed jistenna iktar mill-pajjiżi li huma l-iktar sinjuri. Wieħed jippretendi li għandhom għal qalbhom ukoll, jew aħjar, iktar minn oħrajn, li dak li għandhom ikunu lesti li jaqsmuh ma’ ħaddieħor. L-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin ta’ dan il-kumitat hi kemmxejn kontradittorja.

3. F’mumenti jidhru li jiċċaqalqu ’l quddiem però wara li jgħaddi l-mument tad-diskors insibu li dak li jiġi deċiż ma jitwettaqx dejjem kif għandu jkun. Verament passi jsiru għax id-dibattitu u d-diskussjoni fuq numru ta’ suġġetti hu dejjem pożittiv fih innifsu. Però l-pajjiżi inqas sinjuri jippretendu iktar. Sentejn ilu kienu qablu li jżidu l-għajnuna b’50 biljun dollaru Amerikan kull sena sa l-2010 għall-ġlieda kontra l-mard, speċjalment fl-Afrika. Minflok insibu li ntefqu inqas. Issa fl-aħħar laqgħa reġa’ sar diskors ta’ 60 dollaru Amerikan biljun u l-Afrika ntesiet. Imxejna iżda fejn se naslu fl-aħħar mill-aħħar hi xi ħaġa oħra għax għadna ’l bogħod milli neqirdu dan il-mard kompletament.

4. Id-dibattitu jmur iktar fil-fond. Għax mingħajr ma trid taħseb fuq din il-ġabra ta’ mexxejja li għandhom f’idejhom il-portafoll tad-dinja u x’saħħa għandhom, jew aħjar, jidher li jkollhom. Deċiżjonijiet li hemm bżonn li jiġu implimentati jew li dawn huma sempliċiment skuża għal laqgħat fejn l-aġendi nazzjonali jirbħu fuq dawk mondjali? Jew iktar, dan hu grupp li jirbaħ fuq il-Ġnus Magħquda u l-Kunsill tas-Sigurtà tiegħu jew irid juża, fejn u kif jaqbillu, il-forum u s-saħħa ekonomika tiegħu? Għax id-deċiżjonijiet fuq il-maħfra tad-debiti li għandhom il-pajjiżi tat-Tielet Dinja jew l-għajnuna medika hi ħaġa, però l-kwistjoni tal-klima hi oħra.

5. Hemm qabża oħra li jista’ jkun li ma tantx se tkun ta’ awgurju tajjeb għal-laqgħa f’Bali fl-Indoneżja li għandha ssir f’Diċembru li ġej għall-Ministri ta’ l-Ambjent. Għax għalkemm l-Unjoni Ewropea, il-Kanada u l-Ġappun intrabtu li jnaqqsu bin-nofs l-emissjonijiet tagħhom sas-sena 2050, l-Istati Uniti u r-Russja qalu li huma se jikkunsidraw serjament dan il-għan imma baqgħu lura minn kelma fissa. Għalhekk fost dawn il-potenzi sinjuri nsibu min intrabat u oħrajn li baqgħu jsostnu li l-volontà tagħhom għandha tibqa’ libera u għalhekk l-għan finali għadna ma nistgħux nilħquh, lanqas sa nofs dan is-seklu.

6. Ovvjament, dawn il-passi u dawn il-pożizzjonijiet għandhom il-piż tagħhom. Laqatni iktar id-diskors ta’ Manmohan Singh, il-Prim Ministru Indjan ftit jiem qabel. Singh ġibed l-attenzjoni tan-nies fin-negozju lejn il-fatt li d-differenza bejn dawk li huma fqar u dawk li huma sinjuri qegħda dejjem tikber fis-soċjetà u fid-dinja. Dan il-fatt waħdu jindika, jew aħjar, huwa l-bidu ta’ problemi ikbar kif spjega tajjeb hu: “a kind of global political warming in the sociological rather than the metereological sense.”

7. Singh talab lill-komunità turi iktar responsabbiltà soċjali billi tinvesti u tagħti iktar każ tal-ħaddiema milli l-profitti. Ippropona li l-kumpaniji minflok jinvestu f’iktar kumpensi, benefiċċji u paga lil min qiegħed fuq, iħarsu iktar lejn dawk li huma taħt. Tenna dak li kien qal Gandhi: “We do have enough for our needs but not enough for our greed.” Mhux biss, imma għalaq b’dawn il-kelmiet: “Wealth can trigger social and political unrest at the same time that it produces numbers over which economists salivate. The paradox of economic wealth is that it can impoverish societies by depriving them of legitimacy – the necessary social capital required for stability, continuity and progress.”

8. F’dinja fejn ħafna drabi nqajmu d-domandi t-tajba nsibu però li mhux kulħadd joħroġ bit-tweġibiet li huma wkoll tajba. Anzi, wara tant sekli ta’ storja u esperjenzi umani qarsa, nibqgħu rrankati u mwaħħlin f’mentalità fejn nibqgħu naħsbu li l-flus biss jagħtu s-saħħa u l-poter. Il-ġabra tat-tmien pajjiżi l-iktar sinjuri hi fiha nnifisha ħaġa tajba, però hemm bżonn li l-aġenda tħares b’mod iktar qawwi lejn dawk li huma inqas għonja. Il-qsim bejn min għandu u min m’għandux ma jistax jibqa’ jkun ikkunsidrat bħala ħolma, imma jista’ jitwettaq aħjar. Fis-sena 2050 hemm bżonn li jkollna klima aħjar fid-dinja. Iżda hemm ukoll il-bżonn li jkun hemm iktar ġustizzja soċjali.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt