Din hi l-ġimgħa ta’ San Ġorġ mhux ta’ Ħal Qormi jew tar-Rabat ta’ Għawdex imma ta’ Malta u Għawdex kollha kemm huma. Issa ara kemm kienu jgħidu li jien kont apostat u xxellerat, kitbieti kienet tixhed il-ħin kollu fejn kont nara qassisin qed jagħmlu l-ġid, kont inkun minn ta’ quddiem li nfaħħarhom u nosannahom... Patri Diego Bonanno, Dun Ġużepp Zammit Brighella, Monsinjur Vinċenz Vella u saħansitra anki lil Monsinjur Ignazio Panzavecchia, wieħed mill-fundaturi tal-Partit Nazzjonalista ġieli faħħart. Dwar Dun Bosco darba kont ktibt ‘kien jagħti u ma kienx jieħu... raġel qaddis, li jistħoqqlu l-qima u t-tifħir tad-dinja kollha’. Allura x’ma nfaħħarx fuq li nfaħħar lil Ġorġ Preca, kontemporanju tiegħi meta għall-ġid kbir li għamel kien hemm min fost il-qassisin sħabu li riedu jpattuhulu bid-deni.
Dun Ġorġ bħali ried, anki jekk fuq livell differenti minni, li l-ħaddiem ikun stmat ta’ bniedem u mhux ta’ annimal. Issa jekk inti kont bidwi jew ħaddiem it-Tarzna li ma tafx taqra u tikteb, ara kif ridt issegwi l-quddiesa u titlob lil Alla jekk fil-Knisja kien isir kollox bil-Latin, ilsien l-elite u l-ipprivileġġjati? Kien iż-żmien fejn il-ħaddiem kien stmat ta’ żibel, jaħdem minn sbiħ Alla sa nżul ix-xemx, jekk ixxellifha mal-ġustizzja jipproċessawh bit-Taljan u jekk irid jitlob lill-Mulej ikollu jfarrak bil-Latin li ma jifhimx.
Dun Ġorġ kellu l-virtù kbir li għaraf minn daqstant żmien ilu li hu t-tagħlim li jagħti d-dinjità u jemanċipa lill-bniedem. U biex ikun jista’ jagħmel dan ta l-importanza li kien jixraqlu l-ilsien art twelidu, jekk xejn bħala l-iktar mezz effettiv biex jikkomunika l-messaġġ li ried iwassal fl-imħuħ u l-qlub ta’ dawk li ma kinux jafu jitkellmu ħlief bil-Malti.
Dun Ġorġ kien il-prekursur ta’ l-involviment tal-lajċi fil-ħidma tal-Knisja, li sa dak iż-żmien li tfaċċa hu, kienet il-predominju assolut tal-kleru u xejn iktar. L-involviment ta’ ħaddiema tat-tarzna u tax-xatt fit-tixrid tad-duttrina Kattolika minnu nnifsu kien ifisser fis-soċjetà medjevali li konna qegħdin ngħixu, fenomenu ġdid u avvanzat għal żmienu. Iktar u iktar meta tikkunsidra li Dun Ġorġ fis-Soċjetà tal-Mużew kien jagħti l-istess importanza lis-soċji rġiel u lis-soċji nisa fi żmien meta l-mara kienet ikkunsidrata li hi tajba biss biex tibqa’ ssefter id-dar.
Il-Mużew ta’ Dun Ġorġ kien l-ewwel eżempju tal-ħidma tal-volontarjat organizzat u mifrux ma’ l-erbat irkejjen ta’ Malta.
Anki jekk kelli influwenzi kulturali differenti minn ta’ Dun Ġorġ, u kelli viżjoni lajka tas-soċjetà, ma nistax ma nfaħħrux fuq li nfaħħru. Għax anki jekk konna nitilqu minn punti tat-tluq differenti, jiena u hu konna mingħajr ma nafu nispiċċaw niltaqgħu u naħdmu l-istess għalqa. Forsi għalhekk kemm jien u ġieli anki hu, imma aktar jien milli hu, spiċċajna ħażin ma’ l-awtoritajiet ekklesjastiċi li kienu jsaħħnulhom rashom xi membri tal-kleru li kienu jħossuhom mhedda mill-effett tal-ħidma tagħna. Mela isma’ din, Dun Ġorġ tant kien konxju mill-ħsara li tista’ ssirlu meta kien ikun hemm xi ruħ tajba li tmur issensru mal-Kurja, li kien wasal biex qal “malli nirċievi ittra mill-Kurja taqbadni l-fetħa!”
Għall-inqas hekk hemm irrappurtat fil-ktieb ta’ Alessandru Bonnici. L-Isqof Pietru Pace kien ikkundanna l-ħidma ta’ Dun Ġorġ u kien hemm żmien li waqqfu mill-opra tiegħu u ġegħlu jagħlaq xi oqsma minn tiegħu. Naturalment Dun Ġorġ kellu l-virtù ta’ l-ubbidjenza u tal-paċenzja li sfortunatament jien ma kontx imżejjen bihom u għalhekk forsi spiċċajt fejn spiċċajt.
Darba minnhom xi erwieħ tajba kienu ppruvaw isensruni miegħu meta jien fettilli ngħid li Alla l-Ħallieq ta’ kollox, fuq kulħadd u fuq kull żmien, ma setax ikun Bambin ġewwa l-fisqija. Insomma, biex jippruvaw isensruni miegħu, ħaġa li qatt ma setgħet tkun għax jien dejjem rispett kbir kelli lejh u mhux għax issa se jsir qaddis, kienu xerrduha li kien beda l-purċissjonijiet bil-Bambin lejlet il-Milied bħala att ta’ riparazzjoni għal li kont ktibt jien, ħaġa li assolutament ma kinitx vera.
Naturalment f’dawn il-ġranet kien hemm min ipprova jieħu rikba minn fuq dahar Dun Ġorġ, jew ipprova jikkapparra lil Dun Ġorġ għalih meta Dun Ġorġ hu ta’ kulħadd, ħadd eskluż u kulħadd inkluż.
Nittama li ma jiġrix bħas-soltu, ħafna ftattarija u ewforija ta’ dawn l-erbat ijiem, ħafna superfiċjalità, ipokresija u qdusija falza u l-għada qisu qatt ma kien xejn u Dun Ġorġ niftakru fih biss meta nkunu f’xi saram.
Nifraħlek Dun Ġorġ u llejla nieħu grokk ġnibru f’ġieħek u għall-glorja tiegħek li llum telgħet fuq l-artali.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt