03 ta' Ġunju 2007 • Nr 31

Arkivji




 

 

 

03 ta' Ġunju 2007
Il-baliena bajda

Ħsibt li kien xi show taz-ZOO b’dawk il-battuti kollha dwar sriep, baleni u annimali oħra. Kif kien jgħid Gerald Durell, s’intendi anki l-ħnieżer fuq quddiemnett, bir-rispett kollu lejn il-ħnieżer biex żgur ħadd ma jieħu għalih.
Is-sriep ifakkruni f’Eva u t-tuffieħa u l-baliena mhux l-aktar f’Ġona imma f’Pinokkju. Insomma, ir-referenzi Bibbliċi ma jonqsux fid-diskorsi politiċi. Imma għax tgħid, l-ispirazzjoni ġejja kollha mill-Antik Testment u mhux il-Ġdid. Forsi dan hu sinjal ieħor taż-żminijiet li qed ngħixu. Għax fit-Testment il-Ġdid il-lifgħa spiċċat mixwija fuq in-nar li kien qed isaħħan lil Pawlu tagħna u s-serp spiċċa faga fit-tuffieħa mgħaffeġ taħt sieq l-Immakulata kif narawh raffigurat f’diversi statwi li hawn tagħha f’Malta.
Kien Kunsill Ġenerali tal-pompa ta’ l-arja li kellhom bżonn in-Nazzjonalisti biex jerġgħu jgħollu l-moral u jonfħu ftit it-tyres baxxi li kellhom. Kien Kunsill Ġenerali maħsub biex iwassal il-messaġġ li l-Partit Nazzjonalista ma għajjiex fil-Gvern, għadu mimli ħeġġa u enerġija u ma tilifx il-forza propulsiva tiegħu.
Gonzi u sħabu, lill-elettur li għadu mhux konvint kif se jivvota fi ftit tax-xhur oħra, riedu jgħidulu “għad għandna ideat u proġetti kbar għalik u għal Malta.”
Wara l-isptar Mater Dei, saga ta’ 17-il sena kollha balbuljati u skandli li ġie jiswina iktar minn kwart ta’ biljun lira u li jirrappreżenta 20 fil-mija tad-dejn pubbliku tal-pajjiż, issa ħolmu b’megaproġett ieħor ta’ campus għal 10,000 student li se jkun jiswa Lm50 miljun li sakemm jiġi biex jitlesta, minn jaf meta, bl-overruns tipiċi ta’ dan il-Gvern, għid li se jiġi jiswa bejn Lm70 miljun u Lm80 miljun.
Tant hu hekk li x’ħin Louis Galea kien mistoqsi meta se jkun lest dan il-proġett qal li dan jiddependi minn ħafna fatturi ewlenin fosthom mnejn se jiġu l-flus għalih. Imbasta ħabbruh bis-solita pompa manja.

Formula 1
Anzi Dr Gonzi ma reġax ħolom bit-teatru l-imwaqqa’ li predestinat li jibqa’ mwaqqa’ għax żgur kienu jkunu inqas dawk li jibilgħu din it-tip ta’ lixka.
Hi l-istess tattika ta’ Silvio Berlusconi li kien wiegħed li se jagħmel il-pont bejn Reggio u Messina li wara ħafna snin fil-Gvern baqa’ ma ħax il-ħajja minn fuq il-pjanti.
Ma nieħu xejn bi kbir jekk issa l-istrateġisti tal-PN jaraw kif jagħmlu biex ifaqqsu xi proġett li jisraq l-immaġinazzjoni ta’ l-imzazen f’Għawdex. Minn jaf forsi xi korsa tal-Formula 1 fuq Kemmuna u daqsxejn ta’ pont li jgħaqqadha ma’ Ras il-Qala?
Il-każ tax-Xagħra l-Ħamra għandu jkun ‘case-study’ ta’ kif m’għandux isir l-ippjanar u ta’ kif m’għandux jitmexxa Gvern serju.
Veru każ ippruvat li l-Gvern ta’ Gonzi hu wieħed ta’ fejn laqat laqat u li jimxi mal-ħaġra t-tajn. Gonzi kien ħareġ il-bandu li f’temp ta’ ftit xhur ried li jiġi identifikat sit għall-korsa tal-golf ġdida. Kien qabbad lil tal-MEPA jagħmlulu studju ta’ malajr malajr u kien rabathom anki b’perjodu qasir ta’ żmien biex ifittxu jikkonkludu l-identifikazzjoni ta’ siti alternattivi tajbin għal dan l-iskop.
Ftit wara li ntemm dan l-istudju li sewa eluf kbar ta’ liri bla ma kien mistenni Gonzi ħareġ bil-proposta li għandha ssir korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra minkejja li dan is-sit ma kienx jidher b’nemes fil-lista tas-siti identifikati fl-istudju mill-MEPA.
Kienu ġew revokati l-qbiela tal-bdiewa u kollox kien miexi top speed ahead u ntefqu b’kemm jiswew xi terz ta’ miljun lira f’konsulenzi u studji sakemm skoprew li f’din l-istess żona taħt l-art kien hemm ħażna naturali kbira ta’ ilma li kien se jsirilha ħsara mill-fertilizzant tal-ħaxix tal-korsa.
Barra minn hekk skoprew ukoll li biex il-korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra tkun ekonomikament vijabbli, kien jeħtieg li jinbnew madwarha numru mdaqqas ta’ vilel u appartamenti lussużi u allura dan il-proġett ma setax jingħata l-ħajja jekk ma jkunx fih element qawwi ta’ spekulazzjoni fuq l-art.
Din il-korsa tal-golf suppost kellha tkun waħda mill-cavalli di battaglia ta’ Lawrence Gonzi li tipprova li l-Gvern tiegħu ma staġnax u ma tqammilx avolja ma bidel lil ħadd minn sħabu l-Ministri fil-Kabinett, u ta’ kemm għad għandu enerġija u ħeġġa għall-ideat ġodda.
Imma sentejn wara l-cavallo di battaglia ntesa u miet fuq ommu għajr għall-fatt li l-bdiewa tal-Manikata bir-raġun fakkruna li minkejja li dan il-proġett kien żvinta fix-xejn, huma xorta waħda kienu għadhom bla qbiela.

Ġnien ta’ l-Eden
Oqgħod ċert li din it-tbażwira tax-Xagħra l-Ħamra kienet se tispiċċa waqt il-kampanja elettorali bħal eżempju ta’ kif id-‘deċiżjoniżmu’ ta’ Gonzi fl-aħħar mill-aħħar ma jwassal għal imkien, bħal numru ta’ proġetti oħrajn: bħal tat-teatru l-imwaqqa’ u ta’ Bieb il-Belt li minkejja l-mijiet ta’ eluf ta’ liri li ħadu Piano u Richard England, għadna b’dik il-porkerija kbira fid-daħla tal-belt kapitali.
Gerfex minn hemm u gerfex minn hawn, ħabblu ftit rashom kif setgħu biex bl-ispin u bl-irtokki tas-soltu, disfatta jdawruha f’rebħa. B’hekk ħarġu b’din l-idea sublimi ta’ park tal-wirt naturali u storiku biex filwaqt li jissaħħu f’għajnejn il-pubbliku l-kredenzjali tal-Gvern favur l-ambjent, tintesa l-affari tal-korsa tal-golf li ħolom biha l-Prim Ministru li għal grazzja t’Alla baqgħet ma ġietx realizzata, għalkemm kien tana l-impressjoni fil-bidu li kien se jimxi fuqha bil-bulldozer.
Imma sew sew dak li se jsir fix-Xagħra l-Ħamra mhux eżattament park, imma ġnien ta’ l-Eden fejn jgħixu flimkien f’armonija liema bħalha mhux biss l-ambjentalisti u l-bdiewa imma anki l-kaċċaturi u n-nassaba kif ukoll in-naturalisti li jgħumu għarwenin u ta’ l-Azzjoni Kattolika li jkunu jistgħu jmorru hemm jitolbu għal inżul ix-xemx. Kemm kien ikun aħjar li kieku l-flus li nefqu fil-vojt fuq korsa tal-golf ġdida nefquhom biex tittejjeb il-kwalità tal-korsa eżistenti!
Verament kien il-Kunsill tal-Baliena mhux ta’ Ġona li ħolom bih Agostino Pio Gatt, imma ta’ Pinokkju u tad-Demokristjani Taljani. Jekk issegwi l-politika Taljana bħali taf li l-Partit Demokristjan ta’ Andreotti, Gava u De Mita fost il-ħafna laqmijiet li kellu dan il-Partit kien ‘la balena bianca’.
Baliena li għamlet kważi 40 sena trid tibla’ kollox u lil kulħadd u bl-għajnuna ta’ l-Amerikani, tal-Vatikan, tal-Mafja u tal-Loġġa Masonika P2 għamlu dak iż-żmien kollu jirrenjaw f’dittatura pulita u ġieli anqas pulita. Sakemm din il-baliena tfarrket f’ma nafx kemm-il biċċa u nfetaħ l-għatu ta’ kennierja kollha ħmieg u skandli.



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt