03 ta' Ġunju 2007 • Nr 31

Arkivji




 

 

 

03 ta' Ġunju 2007
Illum ikollna l-ewwel qaddis Malti

Valuri għal soċjetà sekulari

Editorial
Għal ħafna Maltin Kattoliċi l-kanonizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca bħala l-ewwel qaddis Malti tfisser ħafna. Għal uħud it-tifsira hi waħda profonda li ġġegħilhom jifhmu aktar it-tagħlim u l-ħajja tal-qaddis biex fl-esperjenza tiegħu jsibu s-saħħa spiritwali tagħhom.
Għal ħafna oħrajn it-tifsira hi purament materjali li tqanqal sens ta’ kburija għax issa l-Maltin għandhom iż-żiemel tagħhom fis-sema.
Għal gazzetta sekulari l-kanonizzazzjoni mhix tant l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja ta’ nazzjon. Fl-aħħar mill-aħħar b’San Ġorġ Preca jew mingħajru s-soċjetà xorta waħda se jkollha tħabbat wiċċha mal-mewġ tal-ħajja.
Iżda m’aħniex maqtugħin mir-realtà Maltija fejn ir-reliġjon Kattolika għadha tgawdi rispett kbir, u huma ħafna li bil-fatti jew bil-kliem biss iqisu lilhom infushom imsieħba fil-Knisja.
Inħossu li din il-ġrajja hi mument importanti għall-Knisja Kattolika u l-fidili tagħha. Iżda nemmnu wkoll li San Ġorġ Preca jista’ jirrappreżenta valuri li huma ta’ rilevanza anki għal min ma jħaddanx l-istess twemmin tiegħu.
Jekk il-mirakli li wettaq San Ġorġ Preca humiex minnhom ma jinteressaniex. Nemmnu li t-twemmin għandu jkun ibbażat fuq qafas spiritwali aktar milli jekk seħħx miraklu jew le. Jekk San Ġorġ Preca ħaqqu jkun elevat għall-ogħla ġerarkija tal-Knisja Kattolika għandu jkun minħabba l-missjoni li qeda f’ħajtu u mhux għax saru xi mirakli wara li miet.
L-umiltà, il-mogħdrija lejn il-batut, l-insistenza fuq it-tagħlim bħala għodda għall-għarfien u d-determinazzjoni tiegħu li jasal fejn jixtieq, iżda f’ubbidjenza sħiħa lejn il-Knisja li emmen fiha, għandhom ikunu valuri li jispiraw anki lil soċjetà sekulari.



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt