03 ta' Ġunju 2007
Jorqod bil-moħbi fil-waiting room ta’ l-Isptar San Luqa
Julia Farrugia
Eks priġunieri qed isibuha diffiċli jiġu lura fuq saqajhom wara li joħorġu mill-ħabs. Dan jiġri għaliex is-sistema preżenti hi mibnija b’tali mod li ma tissorveljax x’jiġri wara li persuna toħroġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Ħafna drabi priġunieri qed jispiċċaw mingħajr post fejn joqogħdu. Kull priġunier qed idum ġimgħat sħaħ mingħajr għajnuna soċjali sakemm jitlestew il-karti tar-relief u tinħariġlu l-ewwel għajnuna. Dan qed iwassal għal ħafna problemi soċjali, tant li eks priġunieri lanqas qed ikollhom flus biex jixtru ikel u jgħixu bħal nies normali.
F’intervista ma’ Illum, Marco Risiott, li għamel xahrejn il-ħabs, jaqsam l-uġigħ li qed iħoss minħabba din is-sitwazzjoni.
“Ili li ħriġt mill-ħabs mit-28 ta’ April li għadda u sal-lum, xahar wara, għad m’għandix sold biex nixtri x’niekol.” Ir-raġel jiddeskrivi l-ħruġ tiegħu mill-ħabs bħala “umiljanti.”
“Me kellix fejn ngħix u għal ġimgħa sħiħa għext klandestinament fil-waiting room ta’ l-isptar San Luqa.”
Marco Risiott ta’ 43 sena jintasab fuq siġġu biswiti. M’hemmx kantunieri.
“Tista’ tieħu r-ritratti u ġġib ismi ma’ din l-istorja. M’għandix x’naħbi. Anzi nixtieq li jsir xi ħaġa fis-sistema biex eks priġunieri bħali ma jbatux,” jistqarr Marco.
Bi flokk bajdani u b’salib ċkejken ta’ l-injam jixref minn taħt l-għonq ir-raġel jirrakkonta dak li għadda minnu tul dawn l-aħħar xhur.
Jispjegali li għadu kemm ħareġ minn xahrejn ħabs wara li nstab li kien riċediv fuq sentenza ta’ serq.
“Meta kont il-ħabs ġie l-marixxal u kont infurmat li l-post fejn kont qed ngħix b’kirja kellu jkun żgumbrat,” jistqarr Marco.
“Jien ma stajtx noħroġ mill-ħabs u qabbadt lil xi ħadd biex imqar joħroġli xi affarijiet hu mill-appartament.”
Iżda l-kbir għal Marco kien għadu ġej.
“Meta kont il-ħabs, kont irċevejt karta ta’ l-ETC biex immur nattendi għal kors. Ovvjament jien qatt ma stajt inkun naf b’dan il-kors u lanqas li kieku, jien ma stajtx nitlaq mill-ħabs,” ikompli r-raġel issa b’ħarsa aktar serja fuq wiċċu.
“Talli ma mortx dan il-kors il-Gvern qatagħli r-relief,” jisħaq Marco.
Ftit jiem wara, fit-28 ta’ April li għadda, Marco ħareġ mill-ħabs u r-raġel beda jduq l-imrar ta’ dak li qed toffri s-sistema ta’ ħabs.
Nistaqsieh x’emozzjonijiet ħass meta wasal il-jum biex joħroġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
“Umiljanti. M’hemmx kelma oħra,” jgħid ir-raġel bla tidwir.
“Tawni żewġ boroż kbar trasparenti biex fihom nagħmel il-ħwejjeġ u l-affarijiet li kelli. “F’qalbi għidt, ‘In-nies se jaħsbu li jien xi raġel li keċċietu l-mara mid-dar.’ Imma kif irfist fuq tal-linja u ħassejt il-ħars tan-nies bsart li ntebħu li jien kont għadni kemm ħriġt mill-ħabs għax tlajt minn fuq l-istage ta’ biswit il-Faċilità.”
Marco jitkellem dwar il-ħajja fqira li kien u għadu jgħix fiha.
“Meta ħriġt mill-ħabs ma kellix fejn ngħix,” jispjegali. “Ix-xelters kienu mimlijin. Spiċċajt norqod klandestinament fil-waiting room ta’ l-isptar San Luqa.”
“Darba ndunaw u staqsewni x’kont qed nagħmel hemm. Weġibt li kont qed nistenna lil xi ħadd. Qaluli li ma stajtx nibqa’ hemm. Tlajt sular u rqadt fuq bank fil-kuridur. Ħadd ma nduna,” jfisser Risiott.
Huwa qal li matul il-ġurnata kien imur ix-xelter tal-Caritas fejn hemm kien jiekol u jinħasel.
“Ma nistax ma nirringrazzjahomx dawn in-nies,” jgħidli bi tbissima r-raġel.
Iżda għal kull bniedem ix-xogħol hu l-akbar dinjità. Għadu bla xogħol u minkejja li xahar ilu applika biex jibda jieħu l-għajnuna soċjali, sa llum għadu ma rċieva xejn.
“Jien nixtieq li minn meta bniedem ikun il-ħabs jibdew mill-ewwel jgħinuh ifassal pjan dwar kif jista’ jibda ħajja aħjar. L-Awtoritajiet jistgħu jgħinuk timla’ l-karti bil-lest biex meta toħroġ mill-ħabs l-affarijiet ikunu diġà lesti.
“Il-ħajja wara li toħroġ mill-ħabs hi miżerabbli. M’għandekx biex tgħix. X’qed tgħid is-sistema? Trid tmur tisraq biex tiekol?”
Il-każ ta’ Marco Risiott mhux każ iżolat. Wara li joħroġ fil-kamra jidħol eks priġunier ieħor, żagħżugħ ta’ 30 sena. Jistqarr li kien ilu l-ħabs tmien snin u xahar.
“Jien ħdimt l-aħħar xahrejn biss. U fil-verità ħadt paga waħda biss għax is-sid kien gidimni u ma ħallasnix li kellu jagħtini,” qalli ż-żagħżugħ.
Fil-pront iwieġeb Charles Miceli li sakemm qed nitkellem ma’ l-eks priġunier isegwi dak li qed jingħad.
“Jien naħseb li s-soluzzjoni hi l-parole,” jgħid Miceli. “Fir-realtà veru jeżisti l-programm Bridging the Gap. Din hi skema li biha l-Gvern jagħti ħlas lil dak in-negozjant li jħaddem priġunier li jkun wasal fl-aħħar tliet xhur tas-sentenza,” ikompli Miceli.
“Nemmen li l-aħjar sistema hi li priġunier jibda jitħalla jaħdem ferm aktar qabel. Għandu jinħatar parole officer li xogħlu jkun li jsegwi l-perjodu transitorju tal-priġunier anke wara li jkun ħareġ mill-ħabs. B’hekk ikun evitat li eks priġunieri jispiċċaw jgħixu fil-faqar u jaqgħu lura fiċ-ċirku vizzjuż ta’ serq u droga minħabba li ma jkollhomx xogħol,” temm jgħid Miceli.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt