03 ta' Ġunju 2007 • Nr 31

Arkivji




 

 

 

03 ta' Ġunju 2007
Mewt fil-Jerma

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Is-siparju fuq l-eks lukanda Jerma niżel b’mod traġiku lbieraħ meta missier ta’ żewġt itfal ta’ tliet snin u ħamsa miet mirdum taħt borġ ġebel li waqa’ fuqu.
Il-vittma, Saviour Cilia, hu tabib minn Ħal Qormi u fil-ħin ta’ l-inċident kien ma’ ħuh, bennej tas-sengħa. It-tnejn kienu fil-lukanda biex joħorġu 10 tankijiet ta’ l-ilma enormi li fil-ġimgħat li għaddew rebħu d-dritt li jixtruhom wara rkant li sar apposta fil-lukanda.
Fil-ħin ta’ l-inċident fil-lukanda kien hemm numru ta’ persuni oħra fosthom individwi li sa ftit minuti qabel id-diżgrazzja kienu qed jitkellmu mal-vittma.
B’xokk fuqu Tarcisio Mizzi, eks ħaddiem fil-lukanda, jirrakkonta lil Illum li ħames minuti biss qabel it-traġedja kien qed jitkellem mat-tabib.
“Kienu ilhom fil-lukanda mis-7am u diġà kienu laħqu ħarġu żewġ tankijiet,” jispjega Tarcisio. “Ftit qabel l-inċident sa ċċajtajt mat-tabib il-għala ma baqax l-Ingilterra biex jispeċjalizza hemm, għax hemm żgur li kellu futur sabiħ fil-mediċina,” ikompli Tarcisio Mizzi.
“F’ħin minnhom iż-żewġt irġiel urewni li xtaqu kafè u offrejt li ninżel isfel u ntellagħhulhom jien,” ikompli Mizzi. “Tlajt lura mas-security għax waħdi ma stajtx intella’ tliet tazzi u f’daqqa waħda ħu l-vittma beda jgħajjat li Saviour kien mirdum.”
“Ċempilt malajr 112 bit-telefon ċellulari. Bdejt nitriegħed…kważi ħassni ħażin,” fisser sogħbien Mizzi.
Mizzi jispjega li hu kien ilu madwar ġimgħa jitkellem mat-tabib Cilia. It-tabib kien qed imur il-lukanda biex iħott il-ħitan tal-kmamar li ġo fihom kien hemm it-tankijiet.
“Illum naf li x’ħin kont ħdejhom tneħħiet ġebla biex jitneħħa r-repeater tal-go Mobile,” jispjega Tarcisio Mizzi. “Jien kont qed ngħin biex nitfi dwal li setgħu joffru periklu. Jista’ jkun li ċeda l-bini għax spiċċatlu s-saħħa?” jistaqsi Tarcisio.
Biswit Mizzi kien hemm raġel ieħor li ma xtaqx li jixxandar ismu. Jispjega li fil-ħin ta’ l-inċident hu kien ftit metri ’l bogħod mit-tabib.
“Fl-irkant jien irbaħt żewġ tankjiet ukoll. Kont qiegħed naqla’ xi ġebel biex noħroġ it-tankijiet tiegħi mill-kmamar. Ftit qabel it-traġedja sa ċċajtajna flimkien u lit-tabib għidtlu: “l-agħar żewġ tankijiet ħallejtli lili’,” qal ir-raġel.
“Ġibna krejn flimkien biex naqsmu l-ispiża tal-ħatt tat-tankjiet. Stajt mitt jien,” jgħid b’ton imnikket ir-raġel.
“F’daqqa waħda smajt ħoss kbir qisu terremot u rajt daħna kbira ta’ trab tiela’ ’l fuq.”
Fuq il-post għal ħin twil kien hemm Albert Rizzo, l-irkantatur f’din il-lukanda.
“Jien taħt xokk qawwi, bla kliem. Ili 40 sena f’dan il-mistier u qatt ma għaddejt minn sitwazzjoni bħal din,” jgħid Rizzo. “Jien kelli x’naqsam biss mal-proċess ta’ l-irkant f’isem JPM Brothers. Il-kundizzjonijiet tal-bejgħ kienu jgħidu li min jirbaħ xi oġġetti irid jiġi u jiġborhom hu mill-lukanda,” jispjega Rizzo. “L-ewwel kien hemm perjodu li matulu min rebaħ l-oġġetti żgħar kellu joħroġhom,” kompla Rizzo. “Imbagħad beda dan il-proċess fejn affarijiet kbar ħafna jitneħħew fl-aħħar fażi meta ħafna mill-kmamar u l-affarijiet ikunu diġà tbattlu.”
Din il-gazzetta tista’ tikkonferma li anke jekk il-proċess kien jinvolvi ħatt ta’ ġebel f’sit abbandunat ma kienx qed isir moniteraġġ li jara li l-proċess ikun konformi mal-liġijiet tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
It-tankijiet tal-ilma kienu taħt kamra msaqqfa u biex jinħarġu n-nies kellhom bilfors iħottu l-binja.
Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili ħadu kważi sagħtejn biex ħarġu lil Saviour Cilia minn qalb it-tifrik permezz ta’ tagħmir speċjalizzat. Il-post kien għadu perikoluż tant li ma’ kull buffura riħ beda jċedi ġebel ieħor.
Għal darb’oħra kellu jkun sit ta’ kostruzzjoni li wassal biex il-familja Cilia ġġarrab ferita oħra. Madwar tliet snin ilu ħu l-vittma tilef ħajtu wkoll f’inċident simili.
Ir-raġel miet wara li waqa’ għal isfel waqt li kien qed jagħmel xogħol fid-dar tiegħu f’Ħal Qormi.
Din il-mewt ħalliet il-professjoni medika msammra fosthom lil mart il-vittma li hi tabiba wkoll. L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM uriet is-sogħba tagħha “għall-mewt ta’ kollega u ħabib.” Dr Saviour Cilia kien jirrappreżenta l-kategorija tat-tobba fiċ-ċentri tas-saħħa fil-Kunsill tal-MAM.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt