03 ta' Ġunju 2007 • Nr 31

Arkivji




 

 

 

03 ta' Ġunju 2007
28 sena ta’ presidenza u konsistenza

Meta sar President ta’ Hibernians jien kont għadni ma twelidtx. Jew kont wasalt biex nitwieled. Bdejt hekk bl-ewwel sentenza mhux biex ngħidilkom li għandi 27 sena, jew se nagħlaq 28. Imma biex għal min qatt ma ta kas ta’ dan kollu, jaħseb ftit fuqu.
Li tibqa’ konsistenti għal dawn is-snin kollha wara xulxin fit-tmexxija ta’ wieħed mill-clubs ewlenin f’pajjiżna mhux xi ħaġa li tiġri ta’ spiss. Tony Bezzina għandu l-unur jgħid li rnexxilu. Personalment inbassar li jekk is-saħħa tippermettilu jista’ faċilment jagħmel 28 sena oħra bil-mod kif jaħdem.
Tony Bezzina jibqa’ l-istess bniedem tal-punt imma bi ftit kliem. Jiddejjaq ħafna jidher fil-media u l-fatt li huwa l-President ta’ Hibernians u negozjant kbir qatt m’għamlitlu differenza minn persuni oħra f’ħajtu.
Infatti hu wieħed mill-persuni li ma nċempilx lilu meta jkolli bżonn xi ħaġa għall-media fuq Hibernians. Ir-risposta tiegħu dejjem kienet biex ngħid lil ħaddieħor.
Għal din id-darba aċċetta din l-intervista u kkonfermajt kemm Tony Bezzina hu sod f’diskorsu u diffiċli biex iġġiegħlu jirrispondu għal dak li ma jkunx irid jgħid. Mhux dejjem jikkonvinċik f’dak li jkun qed jgħid. Meta jkun qal xi ħaġa li hu stess ma jkunx konvint minnha fuq wiċċu tfeġġ dik in-nofs daħka li hu magħruf għaliha.
Iltqajt miegħu t-Tlieta li għadda fl-uffiċċju tiegħu fil-Marsa. Qabel ma nitla’ t-taraġ li jwassalni sa fuq inkun se ninbela’ minn żewġt iklieb li dehru ifferoċjati aktar minn iljuni. Nistennih ftit minuti sakemm ħeles minn biċċa xogħol li kien għaddej fuqha ma’ xi klijenti. Ma bdejt nifhem xejn xi bdew jgħidu. Imma rajt karti kbar miftuħin fuq mejda kbira fin-nofs. Nissoponi li bdew jippjanaw kif se jibnu xi vapur…
Inpoġġu bil-qiegħda u fil-pront jitfaċċaw ibnu, Ranier u Jesmond Abela, il-Hutch. Ma nafx kienx kollox ippjanat biex jassistuh għal din is-siegħa. Poġġew fl-istess uffiċċju fuq in-naħa ta’ ġewwa. Ħasbuni li ma ndunajtx li bdew jilagħbuha li taparsi mhux jagħtu kas…
Tony jgħidli, “Jien bniedem tax-xogħol. Miżżewweġ u għandi żewġt itfal. Naħseb li jien bniedem normali u tant kemm ili fil-futbol li mbagħad tidra waħdek kif tqassam il-ġurnata. Trid u ma tridx il-futbol isir parti minn ħajtek.
“Jien ili fil-Kumitat ta’ Hibernians mill-bidu tas-Snin Sebgħin. Fl-1978 kienu ħajruni noqgħod President. Qabli kien hemm is-Sur Lawrence Xuereb. Għamilt xi tliet snin Viċi President qabel ma s-Sur Xuereb iddeċieda li għandu jieqaf. Niftakar li dak iż-żmien il-Kumitat kien iddeċiedi jpoġġi lili fuq dan is-siġġu.
“Raħal Ġdid hija belt twelidi. Twelidt hemm u noqgħod hemm u jalla mmut hemm.”
Tony huwa l-aktar President li ilu jokkupa kariga bħal din għal tant snin. Nitkellmu fuq id-differenza taż-żminijiet.
“Minn dak inhar sal-lum għaddew 28 sena. Hemm differenzi kbar minn dawk iż-żminijiet għall-ġranet ta’ llum. Il-kuntratti tal-plejers huma ferm differenti u dak iż-żmien ma tantx kien hawn spekulaturi fil-futbol. Il-finanzi li għandek bżonn illum biex tmexxi club huma ferm akbar minn ta’ dawk iż-żmien. Is-suq ta’ flejjes esaġerati fi trasferimenti kienu bdewhom il-Ħamrun Spartans meta fis-Snin Tmenin xtraw lil Raymond Vella mingħand il-Marsa għal xi Lm8,000. Kulħadd beda jgħid li Victor Tedesco xtara Mercedes.”
Tony Bezzina twieled fit-13 ta’ Novembru 1948. Miżżewweġ lil Maria u missier ta’ tnejn, Ranier u Guliana li miżżewġa lill-plejer ta’ Hibernians Kevin Cassar.
Nistaqsih x’kienet il-mistura jew it-tattika jew il-bravura li kampa tant snin f’pożizzjoni li sena wara sena setgħet tirrikjedi finanzi kbar.
“Naħseb li kemm ili fil-futbol Malti għamilt l-iżbalji u tgħallimt ħafna għax blajt biżżejjed kanen. Maż-żmien jibda dieħel l-għaqal u tibda timmatura. Naħseb li din tista’ tkun waħda mir-raġunijiet li jien kampajt daqstant snin bħala President tal-Hibs. Jien tgħallimt li fil-futbol trid tirrispetta lil kulħadd imma trid taqta’ l-linji. Ma jistax ikun li tibqa’ tgħid iva għal kollox lil kulħadd. Ġieli jkollok ambizzjoni imma qabel ma tieħu deċiżjoni fuqha tkun trid tiżen l-affarijiet sew u tipprova taħseb x’jista’ jmur ħażin.
“L-affarijiet l-oħra żgur li mhux se ngħidhomlok għax inkun qed nikxef il-karti tiegħi. Però nammetti li jien kontra li jingħataw salarji kbar lill-plejers. Jien żgur li mhux se nagħti dawn is-salarji li jissemmew. Jien dejjem qist li jekk se ndaħħal lill-club f’impenn irrid inkun żgur u ċert li se nasal.”
Inkellmu fuq il-Hibs Ground u nistqasih kemm hu ta’ vantaġġ li club bħal Hibs għandu din il-faċilità.
“Huwa vantaġġ kbir li għandna din l-art kollha fejn jitħarrġu l-plejers tagħna u ta’ dan aħna dejjem nirringrazzjaw lill-mibki Ministru Lorry Sant li kien bis-saħħa tiegħu li għandna dan kollu. Li kieku ma kienx hu forsi llum il-ġurnata l-Hibs Ground anqas biss għadu ground u spiċċa bħal ma spiċċaw affarijiet oħra li tħallew mis-Servizzi Ingliżi. “Lorry Sant kien partitarji kbir ta’ Hibernians u kien membru onorarju tagħna wkoll. Illum naħseb li l-ħolma li kellu wettaqnihielu għax il-ground komplejna nattrezzawh bl-aħjar mod possibbli u nisperaw li nibqgħu nimmodernizzawh fis-snin li ġejjin.”
Nippruvaw nanalizzaw l-istaġun li għadu kif intemm u x’differenza ra f’Hibernians tal-kampjonat għal Hibernians ta’ l-FA Trophy.
“Aħna kellna tliet stadji f’dan il-kampjonat. L-ewwel round konna qed nilagħbu tajjeb anki jekk kien hemm plejers żgħażagħ. Il-pjan tagħna għal din is-sena kien li nintroduċu ż-żgħażagħ tan-nursery u fl-ewwel parti tal-kampjonat introduċejna erbgħa ġodda biex amalgamaw ma’ dawk li ilhom jieħdu parti.
“It-tieni stadju kien li nibdlu s-sistema ta’ logħob hekk kif rajna li m’għandniex aktar ċans li nirbħu l-kampjonat. Iddeċidejna li nibdlu s-sistema tal-liberò għall-back four. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-kowċ u l-assistant kowċ li kkoperaw mija fil-mija mal-Kumitat. B’dan kollu aħna sodisfatti għax tlifna ċerti logħbiet li fihom lgħabna tajjeb ħafna. Jien jiddispjaċini biss meta nitilfu u ma jkunx hemm ċertu impenn mill-plejers tagħna. Naħseb li l-ambizzjoni li rridu nirbħu xi ħaġa akkost ta’ kollox wasslitna biex nirbħu t-trophy tal-ġimgħa l-oħra.”
Nitkellmu fuq il-finali nnifisha u nistaqsih kif kienu għalih dawk is-sagħtejn u kwart sa l-għoti tal-penalties.
“Jien ħadt pjaċir nara l-finali għax naħseb kienet waħda mill-isbaħ logħbiet f’dawn l-aħħar snin. Għalija aħna kellna żewġ finali għax is-semifinali kontra l-Belt kienet daqs finali.
“L-arma tagħna kontra Sliema kienet li nużaw il-ħeffa għax aħna żgħar iktar minnhom. U kellna f’moħħna wkoll li ftit tal-jiem qabel huma lagħbu 120 minuta oħra kontra l-Imsida. Kieku din ġrat lilna għandu mnejn ma konniex inħossuha daqshom għax aħna għandna ħafna tfal fit-tim imma m’għandiex dubju li tim bħas-Sliema ħass ħafna dan il-fatt.”
Imma Tony Bezzina baqa’ jemmen li din it-Tazza kienet reġgħet ġejja Raħal Ġdid meta lejn l-aħħar ir-riżultat kien għadu qed juri l-vantaġġ ta’ goal favur is-Sliema?
“Jien kont konvint li stajna nirbħu anki fid-90 minuta. U anki l-partitarji għax baqgħu hemm sa l-aħħar sekondi tal-logħba. Il-goal tad-draw fit-93 minuta ddemoralizza lis-Sliema. Ħadd ma seta’ jemmen. Anqas l-MFA għax jekk innutajt kienu diġà ħarġu t-Tazza biex jippreżentawha lilhom.”
U kif jara l-fatt li ħafna Slimiżi qed jgħidu li t-Tazza nsterqitilhom fl-aħħar?
“Jekk is-Slimiżi qed jgħidu li għax skurjajna fl-aħħar sekondi sraqnilhom it-Trophy ngħidilhom biex jibagħtu għall-pulizija ħalli jarrestawna u jiċċekkjawna.”
Nitkellmu fuq l-istaġun li ġej. Nipprova noħodlu minn moħħu l-akkwisti l-ġodda li beħsiebu jagħmel.
“Għadni ma nafx xi plejers ġodda se jkollna għas-sena d-dieħla. Issa rridu niltaqgħu mal-kowċ u nimxu minn hemm. M’għandi l-ebda isem ġo moħħi għax aħna dejjem nibbażaw fuq it-tfal tan-nursery.”
Nagħfsu biex ikun hu li jgħidli l-ismijiet li kont diġà smajt minn bnadi oħra. Minn warajna tisponta l-vuċi ta’ ibnu Ranier li qallu biex ma jikxifx idejh. Minnufih jirrispondi, “Ma nafx.”
U Robert Gatt?
“Kif niffurmaw il-Kumitat il-ġdid se nibagħtu għalih u nitkellmu miegħu wkoll. Ma nistax niddeċiedi waħdi jekk hux se jibqa’ hu l-kowċ ta’ Hibernians. Jiddeċiedu n-nies li se jkunu jiffurmaw il-Kumitat il-ġdid.”
Ninnota li kulmeta nsaqsih fuq Hibernians u affarijiet li għandhom x’jaqsmu direttament mal-club jirrispondi kollox b’nofs diskors. Inkellmu fuq il-kontroversja li qamet fil-programm Replay fuq Net TV ta’ ġimagħtejn ilu. Dak inhar Tony kien qal li fuq il-kwistjoni tal-filmati tal-logħbiet tal-kampjonat Premier, l-istazzjonijiet u l-ġurnalisti sportivi kienu konfoffa sħiħa kontra l-MFA. Jerġa’ jispjegali…
“Dik kienet fuq il-kwistjoni tal-filmati tat-televiżjoni bejn l-MFA u t-tliet stazzjonijiet il-kbar tat-televiżjoni. Robert Cutajar u Christian Micallef stqarru miegħi u ma’ Antoine Portelli li aħna m’għamilna xejn bħala standing committee biex insolvu l-problema. Hemmhekk qbiżt jien u għidtilhom li aħna għamilna laqgħa ma’ Dr. Mifsud fejn ippruvajna naraw x’inhi l-problema biex insolvuha.
“Mil-laqgħa li kellna rriżulta li kienet konfoffa bejn il-PBS, Net TV u One TV. U jien nibqa’ nsostni li kienet konfoffa. L-istazzjonijiet suppost li tefgħu l-offerta tagħhom għalihom kif sar dejjem u minflok iddeċidew li jitfgħu offerta waħda f’daqqa. Minflok tawh l-ammont ta’ flus li kienu jħallsu fi staġun iddeċidew li joħorġu l-istess ammont bejn tlieta. Jien meta Dr. Mifsud qalli b’dan kollu kont minn ta’ quddiem li għidtlu li sewwa għamel li m’aċċettax. Dik konfoffa ċara.
“Jien inħoss li l-istazzjonijiet tal-partiti jmisshom ħadmu għal rashom u mhux jingħaqdu ma’ l-istazzjon statali. Għalija l-PBS għandu obbligu li jibqa’ jagħti servizz u jxandar il-filmati għax huwa mmexxi mit-taxxi tal-poplu. Ta’ l-inqas jibqa’ jagħti r-riżultati jekk m’għandux flus biex jibgħat cameraperson jiġbed il-logħbiet.”
Indawru kompletament id-diskors u nistaqsih x’ifisser għalih il-fatt li jmexxi club li dejjem lagħab fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
“Huwa unur kbir għall-club ta’ Raħal Ġdid u nispera li dan l-unur nibqgħu nżommuh. Li tibqa’ dawn is-snin kollha konsistenti fl-ogħla kampjonat mhux ċajta. Naħseb li kulmin xi darba mexxa f’dan il-club kien bniedem li jara fit-tul.
“Kwalunke ħaġa li rbaħt ma’ dan il-club kienet sabiħa. Imma naħseb li l-aktar darba li qatt fraħt kien meta konna Shelbourne l-Irlanda u rbaħnilhom 1-0 u kkwalifikajna. Kien skorja Chukunyere. Kienet xi ħaġa li emozzjonatni ħafna għax ma stennejtiex.”
Bħala partitarju u segwaċi kbir nistaqsih liema kien l-aqwa plejer li qatt libes il-flokk ta’ Hibernians.
“Naħseb li kien hemm epoki differenti u diffiċli biex ngħidlek l-aqwa wieħed. Ta’ l-antik kienu bla dubju Eddie Theobald, Louis Theobald, Ċikku Mifsud u John Privitera. Wara dak iż-żmien ġie l-perjodu ta’ Ġużi Xuereb, Norman Buttigieg, Ernest Spiteri Gonzi u John Bonello. Dan kien it-tim tar-rekords għax ma nafx kemm-il logħba bla telfa kienu għamlu. Wara ġiet l-erà tal-kowċ Brian Talbot u l-plejers Robert Docherty, George Lawrence u Charles Scerri. Kull 10 snin dejjem jitwieled dak it-tim bi plejers kbar. Diffiċli ngħidlek l-aqwa plejer li qatt lagħab magħna. Jekk xi darba nagħmel eżami ninfurmak.”
Nistaqsih x’jispera li jara jinbidel fil-futbol Malti sa 10 snin oħra.
“Sa 10 snin oħra jalla li f’Malta tkun inbidlet is-sistema u l-clubs jiġu kkumpensati għal dak li jagħmlu. Kulħadd għandu jqis li jekk hawn 15-il persuna li jieqfu mill-futbol Malti, il-logħba lokali tispiċċa darba għal dejjem. Jekk din il-problema tal-finanzi tiġi solvuta l-futbol ilu jeżisti minn żmien żemżem u jibqa’ jeżisti għal dejjem.
“Jien nemmen li min qed imexxi jrid jara fuq liema linja ħa jimxi biex il-clubs jibqgħu sostenibbli u jkollhom assigurazzjoni ta’ ammont ta’ flus. Jien qatt ma warrabt mill-futbol għax sar parti minn ħajti u għax inħoss ċerta responsabbiltà li ħadt ċertu deċiżjonijiet li ma nistax naħrab minnhom.”
Ġejja elezzjoni kruċjali għal min jokkupa l-ogħla siġġu fi ħdan l-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol. Ma jidhirx li hawn xi tip ta’ indikazzjoni bejn min se jiġi elett jekk hux Dr. Joe Mifsud jew Norman Darmanin Demajo. Nistaqsih kif se jivvutaw Hibernians.
“Domanda daqsxejn diffiċli biex nirrispondik għaliha. Jien jekk issaqsini nivvutax blu jew aħmar anqas ngħidlek. Ma nistax nikkummenta dwar fejn se jivvota l-club ta’ Hibernians fl-elezzjoni li ġejja tal-President ta’ l-MFA.
“Jien lil Dr. Mifsud l-uniku ħaġa li dejjem ngħidlu hija li jien m’għandi xejn personali kontrieh imma l-unika difett li għandu hu l-mod kif jikkomunika man-nies. Dik l-iktar ħaġa ħażina li għandu. Il-bqija daqs kemm għamel tajjeb għamel ħażin u allura hemm bilanċ f’xogħlu kemm ilu f’din il-kariga. U l-ħażin li għamel ma naħsibx li kien intenzjonat. Għandu esperjenza kbira fix-xena tal-futbol u għamel ħafna ġid għall-futbol Malti imma jekk naqbilx miegħu jew le mhux se ngħidlek.
“Lil Norman nafu żgħir. Naħseb li għandu karattru tajjeb ukoll u persuna li kien jifforma parti mit-tim ta’ Dr. Mifsud sa ftit tas-snin ilu. Imma ma nistax ngħidlek x’se jagħmel jekk jilħaq president hu għax qatt ma kien qabel.
“Ma narax favorit bejniethom. L-elezzjoni tista’ tmur kull naħa.”
Tony Bezzina jirringrazzja lil kulmin b’xi mod jixtieq il-ġid lil Hibernians.
“Nixtieq nirringrazzja lil kulmin hu attiv b’xi mod fil-club ta’ Raħal Ġdid. Nirringrazzja wkoll lill-plejers għax meta ddiskutejna magħhom li xtaqna nerġgħu nirbħu din it-trophy fehmuna u għamlu ħilithom biex it-Tazza tibqa’ Raħal Ġdid.
“Grazzi kbira lil Robert Gatt u Michael Woods li kienu strumentali biex reġgħu daħħlu l-mentalità ġusta fil-plejers wara d-disfatta tal-kampjonat. Ma nistax ninsa lill-partitarji li attendew bi ħġarhom fl-aħħar żewġ partiti tat-trophy u lil sħabi tal-kumitat għax kulħadd ġibed ħabel wieħed għall-ġid ta’ dan il-club.
“Sakemm nibqa’ b’saħħti u sakemm nibqa’ nara lill-Pawlisti jriduni jien se nibqa’ fil-club ta’ Hibernians.”



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt