03 ta' Ġunju 2007 • Nr 31

Arkivji




 

 

 

03 ta' Ġunju 2007
Ritratti figurattivi

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

Bernard Polidano hu xjenzat b’imħabba għall-fotografija. Bejn xogħol li għandu x’jaqsam mad-demm u r-ritratti, Bernard għandu ħajja attiva u ta’ kuntrast. Il-passjoni għar-ritratti skoprieha b’kumbinazzjoni meta kien għadu student fil-kors tax-xjenza. Hu u sieħbu spiċċaw jieħdu r-ritratti tat-tfajliet tal-kors biex jgħaddu siegħa żmien u hu kompla minn hemm.
“Kultant ix-xogħol li jkun proprju għalik wara tiskoprih!”
Polidano jispeċjalizza l-aktar fuq il-mudelli u moda għalkemm meta jkollu ċ-ċans iħobb jieħu ritratti ta’ xenarji u pajsaġġi, iżda kif qal hu: “Irid ikollok il-ħin tagħqad u ddur. Nixtieq niġbed aktar natura morta b’mod astratt bħal niffoka fuq partijiet mill-figura ta’ l-istatwa jew nieħu biss parti minn wiċċha.”
Bħala ritratti l-fotografu jippreferi dawk ta’ bla kulur minħabba li huma aktar espressivi u jħoss li l-espressjonijiet joħorġu aktar fihom.
“Mhemm xejn xi jtellef mill-attenzjoni meta tħares lejn ir-ritratt. Jekk għandek x’imkien aħmar l-għajn mill-ewwel tmur fuqu. Bil-kulur narahom aktar berdin ukoll.”
Normalment il-mudelli meta jmorru għandu jħallu f’idejh x’tip ta’ ritratti jieħu sakemm ma jkunux iridu xi ħaġa partikulari. Ġieli anki jiġu tfajliet minn barra permezz ta’ l-aġenzija tagħhom, l-aktar mill-Ingilterra.
Polidano jiltaqa’ mal-mudelli minn qabel biex jirnexxilu joħroġ il-karattru
tal-mudelli fir-ritratti li jiġbed.
“Importanti li ssir tafhom, mhux tiġi mudella l-istudjo u nibdew niġbdu. Niltaqa’ magħha qabel u anki nipprova ngħinha tirrilassa billi niċċajta ftit magħha.”
Hu jiltaqa’ magħhom ukoll għax ikollu bżonn ikun jaf kif inhi skond il-figura, wiċċ u anki jiddiskuti x’tip ta’ ritratti tixtieq il-klijenta biex jevita li jippjana xi ħaġa li mbagħad ma jixirqilhiex.
U kemm sar ikun hemm mudelli li jitolbuk għal photosessions nudi? Kemm iħossuhom komdi l-mudelli jinġibdulhom dawn it-tip ta’ ritratti?
“Saru jsaqsu iktar minn qabel it-tfajliet Maltin. Ikun hemm min ikun iridhom għalih biss. Oħrajn ma jiddejqux juruhom fil-portfolio. Il-vantaġġ hu li jkun hemm il-mara miegħi biex tgħinhom, tagħmlilhom il-make-up u bħala pożi. Ovvjament iħossuhom iktar komdi milli kieku qegħdin miegħi biss. Anki għalija jkun aktar faċli naħdem.”
Għal aktar informazzjoni żur www.myspace.com/bernardpolidano jew ibgħat fuq bernardpolidano@hotmail.com



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt