03 ta' Ġunju 2007 • Nr 31

Arkivji




 

 

 

03 ta' Ġunju 2007
Malta f’nofs triq lejn ‘l-art imwiegħda’

Karl Stagno-Navarra jintervista lill-Kurunell Martin Cauchi-Inglott

Ġeografikament f’nofs triq fir-rotta lejn ‘l-art imwiegħda għall-mijiet ta’ nies li ta’ kuljum qed jaħarbu mill-Afrika lejn l-Ewropa, Malta tinsab impenjata f’ħidma bla waqfien biex tlaħħaq mal-mewġa ma taqta’ xejn ta’ immigranti. Fuq quddiem f’din il-ħidma hemm l-Iskwadra Marittima tal-Fozi Armati li minbarra x-xogħol tagħha li tħares l-ibħra territorjali ta’ Malta teħtieġ tlaħħaq ma’ żona ta’ salvataġġ li testendi ferm lil hinn mill-kobor ġeografiku tal-pajjiż.
Lil hinn mill-polemiki li qed jitqajmu f’dawn il-jiem fil-konfront ta’ Malta mill-istampa internazzjonali, il-Kmandant ta’ l-Iskwadra Marittima tal-FAM, il-Kurunell Martin Cauchi-Inglott, isostni pożizzjoni ċara:
“L-Iskwadra Marittima tal-FAM hi obbligata li twieġeb għal kull sejħa ta’ salvataġġ fi ħdan iż-żona ta’ responsabbiltà tagħha u l-ekwipaġġi joħorġu malajr kemm jista’ jkun mingħajr qatt ma jagħtu każ tan-nazzjonalità tal-persuni f’diffikultà. Is-sigurtà fuq il-baħar, kemm għall-ekwipaġġi tagħna kif ukoll għall-immigranti, hi l-aktar ħaġa importanti għalina,” isostni Cauchi-Inglott.
F’intervista ma’ din il-gazzetta, il-Kurunell Cauchi-Inglott jispjega r-realtajiet kollha li qed tħabbat wiċċhom magħha l-FAM fuq il-baħar u jispjega l-proċeduri li huma segwiti fuq il-baħar quddiem il-fenomenu dejjem jikber ta’ l-immigrazzjoni klandestina.
Fi kliem il-Kurunell Cauchi-Inglott, “għadna kif temmejna x-xahar ta’ Mejju u l-każi li ħadmet fuqhom il-FAM fuq il-baħar jaqbżu bit-tripplu l-każi fuq is-sena li għaddiet.”
Wiċċu mħasseb għas-sitwazzjoni li qed tevolvi fil-Mediterran, il-Kurunell Cauchi-Inglott iwissi li jekk kemm-il draba ma tinstabx soluzzjoni b’ħidma koordinata bejn il-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea bi djalogu ċar mal-pajjiżi ġirien l-oħra mal-kosta Afrikana, il-Mediterran se jkompli jkun qabar għal mijiet ta’ immigranti.
Statistika maħruġa nhar il-Ġimgħa li għadda mill-aġenzija umanitarja Fortress Europe, f’10 snin tilfu ħajjtihom fil-Mediterran mad-9,000 immigrant.
Ċifra li tkexkex u li tikxef ir-realtà li qed tħabbat wiċċha magħha l-FAM bħala l-qawwa marittima ta’ l-aktar pajjiż vulerabbli bħala fruntiera ma’ l-Ewropa.
Martin Cauchi-Inglott jispjega kif meta patrol boat tal-FAM tiltaqa’ ma’ dgħajsa bl-immigranti fuq il-baħar, il-kaptan abbord dejjem iħabbat wiċċu ma’ sitwazzjoni diffiċli bil-potenzjal kollu ta’ konsegwenzi serji.
“Il-ġudizzju tagħhom hu kruċjali biex jistabbilixxi jekk l-immigranti jeħtiġux s-salvataġġ jew jekk għandhomx jitħallew ikomplu bil-vjaġġ tagħhom lejn l-Ewropa,” qal Cauchi-Inglott, filwaqt li żied li wieħed irid jiftakar li “l-ekwipaġġi tal-patrol boats huma l-ewwel Maltin li jiltaqgħu ma’ l-immigranti fuq il-baħar u għaldaqstant jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ riskji kbar għal saħħithom u l-possibbiltà li jieħdu l-mard, anki jekk dawn l-affarijiet qatt ma jfixklu l-impenn tagħhom li jagħtu l-għajnuna.”
Il-Kurunell Cauchi-Inglott spjega li jekk il-Kaptan tal-patrol boat jemmen li d-dgħajsa bl-immigranti ma tkunx qed tegħreq jew m’hemmx nies morda abbord, kif ukoll jekk l-immigranti jibqgħu jinsistu li jkomplu bil-vjaġġ tagħhom lejn l-Ewropa, allura l-FAM ma tintervjenix.
“Il-FAM iżda tibqa’ ssegwi l-movimenti kollha tad-dgħajsa sakemm tibqa’ għaddejja mill-ibħra ta’ responsabbiltà Maltija sakemm tilħaq ibħra ta’ responsabbiltà ta’ stat ieħor, kważi f’kull każ l-Italja li mbagħad ngħaddulhom l-informazzjoni kollha neċessarja,” spjega.
U hi proprju din il-proċedura li l-media internazzjonali qed tattakka lil Malta.
Il-Gvern Malti jinvoka l-prinċipju ta’ “passaġġ ħieles” kif inhi magħrufa taħt l-Artiklu 17 u 18 tal-Konvenzjoni dwar il-Baħar li jispeċifika d-dritt ta’ passaġġ ħieles ta’ kull qoxra jew vapur mill-ibħra territorjali sakemm ma jidħlux bla permess f’bajjiet jew portijiet u l-passaġġ hu kontinwu u malajr.
“Mingħajr dubju l-aktar ħaġa faċli li nistgħu nagħmlu hi dik li nagħmluha ta’ goal keeper u ndaħħlu l-immigranti kollha li jidħlu fiż-żona ta’ responsabilità tagħna anki jekk dawn ma jkunux iridu jidħlu f’Malta. Iżda wieħed jeħtieġ jistaqsi jekk din tkunx deċizjoni għaqlija meta fir-realtà l-FAM diġà qed tħabbat wiċcha mat-tripplu tal-każi ta’ immigranti fuq il-baħar meta mqabbel ma’ l-istess żmien tas-sena li għaddiet.
Il-Kurunell Martin Cauchi-Inglott jinsisti li biex Malta tkun tista’ tlaħħaq aħjar fil-limitazzjonijiet tar-riżorsi li għandha huma meħtieġa ftehim ta’ ripatriazzjoni mal-pajjiżi kollha li minnhom jitilqu l-immigranti. Iżda ovvjament din tinħtieġ li tinħadem fuq livell diplomatiku.
U l-patrols konġunti bejn il-pajjiżi Ewropej taħt il-kappa tal-Frontex, l-aġenzija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-ħarsien tal-fruntieri?
Martin Cauchi-Inglott jammetti li ħafna nies jemmnu li din hi s-soluzzjoni għall-problema. “Frontex m’għandha l-ebda vapuri jew nies tagħha u lanqas m’għandha poteri ta’ infurzar u għalhekk ma tistax timponi fuq l-ebda stat biex jadottaw xi azzjoni speċifika fil-ħarsien tal-fruntieri.”
Hawnhekk, il-Kap ta’ l-Iskwadra Marittima tal-FAM jispjega kif madankollu, il-Frontex hu pass pożittiv ’il quddiem għaliex iġġib flimkien lil diversi stati Ewropej f’ħidma koordinata fl-ippjanar ta’ operazjonijiet konġunti u tagħti appoġġ permezz ta’ finanzjament.
Minkejja kollox, iżda, l-aktar ħaġa meħtieġa tibqa’ dik tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi kollha ġirien.
“Dan jista’ jinstema’ bħala diskors sabiħ iżda fil-verità kull pajjiż iħares l-interessi tiegħu. Il-pajjiżi fin-naħa t’isfel tagħna huma miżgħuda bl-immigranti u huma stess mhux qed ilaħħqu, filwaqt li l-pajjiżi fit-Tramuntana tagħna iħaddnu liġijiet li jħasu d-drittijiet tal-bniedem, biex ma nitkellmux fuq ir-realtà li pajjiżi jinterpretaw il-liġi bil-mod kif huma jemmnu l-aħjar u dan ħareġ ċar waqt li kienet qed titħejja l-inizjattiva ‘Nautilus’ is-sena li għaddiet.
“Kull pajjiż għandu l-parametri li jirregolaw l-operazzjonijiet tal-qawwiet navali tiegħu u s’issa għad m’hemm l-ebda politika komuni Ewropea jew qafas legali li jirregola l-operazzjonijiet fuq immigranti fuq il-baħar,” sostna Martin Cauchi-Inglott.
Hemm ukoll sitwazzjonijiet oħrajn partikolari, bħal-liġi riċenti fl-Italja li tippermetti sponsorizzazzjoni ta’ immigranti li jippermettilhom iġibu lil qrabatahom kif ukoll li jippermettilhom jakkwistaw iċ-ċittadinanza Taljana, tikkomplika l-affarijiet għal Malta.
Fl-intervista tiegħu mal-gazzetta Illum, il-Kurunell Martin Cauchi-Inglott jispjega r-responsabbiltajiet u r-riskji kbar li jiffaċċjaw il-kaptana u l-ekwipaġġi tal-patrol boats tal-FAM meta joħorġu biex jassistu lill-immigranti fuq il-baħar.
“Wieħed irid ikun konxju mill-fatt li d-dgħajjes bl-immigranti huma l-aktar vulnerabbli għat-traġedji meta dawn jersqu viċin vapuri għaliex meta l-immigranti jindunaw li huma fil-viċin ħafna ta’ xi ħaġa li tista’ ssalvahom, bħal per eżempju skuna tas-sajd, l-eċitament tagħhom twassalhom biex inkonxjament jiċcaqilqu fuq naħa waħda tad-dgħajsa bil-konsegwenza li jinqalbu u jispiċcaw kollha fil-baħar.
“Il-konsegwenzi ta’ dan huma fatali, mhux biss għall-fatt li ħafna mill-immigranti ma jkunux jafu jgħumu għaliex ħafna minnhom qatt ma raw il-baħar f’ħajjithom, iżda seħħew ħafna każi fejn immigranti jinqabdu taħt id-dgħajsa meta din tinqaleb.”
Martin Cauchi-Inglott żied jispjega li filwaqt li dejjem ikun aħjar li l-immigranti f’diffikultà jkunu skortati lejn l-art bl-iskop li jkunu evitati inċidenti serji, il-proċedura adottata meta patrol boat tintervjeni fuq il-baħar hu li jikkomunikaw is-sitwazzjoni lill-Kmand Ġenerali għal struzzjonijiet.
“F’każ fejn ikun jidher li l-ħajja ta’ l-immigranti tkun f’periklu ċar allura l-Kaptan mhux obbligat li jistenna struzzjonijiet u jista’ jmexxi bl-operazzjoni ta’ salvataġġ bl-akbar ħeffa u b’mod l-anqas riskjuż possibbli,” spjega.
Ir-riskji waqt trasbord ta’ immigranti mid-dgħajjes għal fuq patrol boats huma kbar u l-frekwenza ta’ l-inċidenti serji li qed iħabbtu wiċchom magħhom ta’ spiss l-ekwipaġgi tal-patrol boats tal-FAM qed ikunu ta’ trawma għalihom.
Minbarra sitwazzjonijiet fejn f’baħar qawwi ħafna xorta waħda jkunu sfidati l-elementi kollha possibbli biex jintlaħqu l-immigranti f’diffikultà, hemm ukoll is-sensiela ta’ każi ta’ qlubija min-naħa ta’ l-ekwipaġġi biex jiżguraw li jsalvaw ħajjet l-immigranti.
Martin Cauchi-Inglott jirrakkonta dwar inċident riċenti fejn dgħjajjes inqalbu viċin il-patrol boats fejn 28 ruħ jispiċcaw fil-baħar miftuħ lkoll jagħjtu u jwerżqu għall-għajnuna f’xena ta’ paniku tal-ġenn.
“Immaġina s-sitwazzjoni fejn għandek l-ekwipaġg kollu jagħmel li jista’ biex itella’ lill-immigranti mill-baħar u ma jistgħux jagħmlu ħafna minħabba l-ogħli tal-ġenb tal-patrol boat. Immaġina l-piż mejjet tagħhom meta jittellgħu mill-baħar.”
Ikompli jirrakkonta aktar ġrajjiet riċenti fejn membri ta’ l-ekwipaġg qabżu l-baħar biex isalvaw lill-immigranti u jispiċcaw f’nofs l-immigranti f’paniku, bir-riskju kbir li jiggranfaw miegħu u jispiċċa mgħarraq.
Kien hemm ċirkostanza fejn membru ta’ ekwipaġġ qabeż il-baħar, salva immigrant mitluf minn sensih, taħ in-nifs artifiċjali mingħajr ma ta kas ir-riskju ta’ mard jew infezzjoni, iżda salva l-ħajja ta’ bniedem.
Kien hemm ukoll każ fejn kaptan ta’ patrol boat tilef is-saħħa f’daqqa ta’ żewg makni meta l-patrol boat intlaqtet minn mewġa kbira u b’miraklu rnexxielu jerġa’ jistartja u jsalva lill-ekwipaġġ kollu milli jispiċċaw mgħarrqa f’baħar forża 6 u 7.
“Il-qlubija u l-kuraġġ ma jiqfux hawnhekk. Wieħed għandu jfaħhar lill-kaptana tal-patrol boats li jmexxu l-ekwipaġġi tagħhom f’dawn iż-żminiet ta’ sfida importanti. Aħna nagħmlu minn kollox biex insalvaw ħajjet in-nies. Nisfidaw l-elementi kollha tat-temp u l-ekwipaġġi tagħna huma magħmula minn missiriet u ommijiet li ħafna drabi huma appuntamenti ma’ riskji kbar għal ħajjithom.
“Hemm ukoll il-piż fuq il-kuxjenza tal-kaptana li minbarra t-tfittxija ddisprata għal dgħajsa li tkun sparixxiet ikun qed jikkalkula r-riskju għall-ħajjet l-ekwipaġg tiegħu.”
“Li tabbanduna tfittxija dejjem hi ta’piż fuq il-kuxjenza tal-kaptan, anki jekk fil-verità ma jkunx fadal għażla oħra.”
Din hi n-naħa l-oħra tal-munita. Filwaqt li fuq livell politiku u diplomatiku l-pajjiżi jieħdu l-pożizzjonijiet tagħhom, u bl-Istampa tpoġġi pressjoni fuq l-istituzzjonijiet, hemm barra hemm Maltin bħalna wkoll li ta’ kuljum qed iħabbtu wiċċhom ma’ traġedja enormi umana.



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt