03 ta' Ġunju 2007
L-ebda differenza bejn ġilda bajda jew sewda
Mimdud fuq soddu Afrah jinsab imdawwar bil-familja tiegħu. Martu Amina tindokra b’żelu liema bħalu liż-żewġ uliedhom.
It-tifel il-kbir jismu Dalmar u t-tifla jisimha Ayan. Kif dħalt fil-kamra tagħhom laqagħni Afrah u stedinni npoġġi bilqiegħda ħdejh. Dalmar imqareb mhux ħażin jiġri min-naħa għall-oħra tal-kamra u jilgħab b’kull ħaġa li jsib. B’wiċċ imfaqqa’, għajnejn kbar iżebbġu u t-tbissima ħelwa fuq fommu Dalmar jisraqlek qalbek. Ayan b’xagħar innukklat u ħarsa timida titfissed m’ommha.
Afrah hu raġel ta’ 32 sena u twieled f’Mogadishu, il-belt kapitali tas-Somalja. Staqsejtu x’wasslu biex iħalli kollox warajh u jaħrab minn pajjiżu.
Ħares dritt f’għajnejja u qalli “Fis-Somalja ma nistgħux ngħixu. Intom għadkom ma tafux kemm intom ixxurtjati li tistgħu tgħixu fil-paċi. Għalina l-paċi hi lussu li ngawduha biss ftit ġranet u wara nkomplu bir-rutina tal-qtil, ġlied u sparar.”
Irrakkuntali kif darba fost l-oħrajn waqt li kien qiegħed fis-suq ta’ Mogadishu waqfet ħesrem Landrover u minnha niżlu grupp ta’ rġiel armati sa snienhom u dawn bdew jisparaw kif ġie ġie fuq kulħadd.
“Dakinhar kont ixxurtjat u ħlistha,” qalli.
Fil-pront xammar il-kmiem u wrieni l-marka tal-balla li laqtitu fi spalltu l-leminija.
“Timmaġinak tgħix f’din is-sitwazzjoni? Issa qed tifhem il-għala ma nistgħux ngħixu?”
Afrah jitkellem b’Ingliż tajjeb u jikkomunika bit-Taljan ukoll. Staqsejtu kif tgħallem dawn il-lingwi. Weġibni: “Kont ixxurtjat għaliex missieri seta’ jħallasli l-iskola. Barra minn hekk kelli x-xorti tajba li sa 16-il sena stajt immur l-iskola mingħajr wisq inkwiet peress li s-sitwazzjoni fil-pajjiż kienet ħafna aktar stabbli milli hi llum.
“Fl-1991 id-dittatur Mahamed Said Barre tneħħa mill-poter u s-Somalja nħakmet minn kaos kbir. Il-kontroll ta’ żoni differenti tal-pajjiż ħaduhom negozjanti ta’ l-armi u issieltu bejniethom biex akkwistaw aktar art u riżorsi. Il-poplu tagħna spiċċa vittma innoċenti ta’ sitwazzjoni tal-biża’. Minn dak iż-żmien qatt aktar ma stajt immur l-iskola. Inħossni xxurtjat li ta’ l-anqas naf nitkellem bl-Ingliż tajjeb.”
Qalli li l-ġenituri tiegħu u tnejn minn ħutu spiċċaw vittmi fil-gwerra ċivili fis-Somalja. Irrakkuntali kif darba mar iżur il-familja tiegħu u sab ħerba. Bid-dmugħ iġelben ma’ ħaddejh spjegali kif sab il-membri tal-familja tiegħu mtertqin bil-balal.
“Dakinhar rajt daħna kbira fuq ir-razzett tal-familja tagħna u tlaqt bil-ġirja nara x’ġara. Qalbi għamlet tikk. Kif wasalt sibt l-uċuħ maħruqin u l-bhejjem tar-razzett skarnati. Qalbi tħabbat sitta sitta għamilt il-kuraġġ u komplejt niġri lejn it-tinda fejn kienu joqogħdu ommi, missieri u ħuti. Kif dħalt sibt ħerba sħiħa, massakru sħiħ. L-iġsma ta’ ommi, missieri u ħuti mriegħdin bil-balal kienu mitluqin ma’ l-art bla ħajja. Għidli x’jibqa’ fik?”
Flimkien ma’ xi familjari difen kif seta’ lill-membri tal-familja tiegħu fir-razzett tagħhom stess. Dakinhar iddeċieda li jaħrab mis-Somalja flimkien ma’ martu Amina u ż-żewġ uliedu. Afrah kompla jirrakkuntali: “Ma kinetx deċiżjoni faċli iżda fis-sitwazzjoni li sibna ruħna fiha ma kellniex triq oħra.”
Huma ħarbu lejn l-Etjopja fi vjaġġ fid-deżert li ħadilhom ix-xhur. Minn hemm baqgħu sejrin lejn il-fruntiera tas-Sudan. Spjegali d-diffikultajiet kbar li ltaqgħu magħhom fil-vjaġġ tagħhom mis-Sudan għal-Libja. Ġranet sħaħ ta’ mixi f’xemx tikwi. Spjegali kif wara xhur sħaħ ta’ taqtigħ il-qalb irnexxielhom jaslu l-Libja.
“Ma kinetx faċli. Kien hemm bosta oħrajn magħna li ma rnexxilhomx jaslu. Jien stess rajt ħafna jaqgħu u jmutu. Fid-deżert il-ħajja ma tiswa xejn. Kollox isir trab u kollox jintnesa.”
Qalli li damu diversi xhur fil-Libja sakemm fl-aħħar irnexxielhom ifaddlu biżżejjed flus biex jaħarbu flimkien fuq lanċa lejn l-Ewropa. Vjaġġ ta’ tama jew il-vjaġġ tal-mewt.
Afrah u l-familja tiegħu kienu xxurtjati li rnexxielhom jaslu Malta. Bosta huma dawk li spiċċaw ma waslu qatt u ndifnu fiċ-ċimiterju tal-baħar Mediterran.
Jien u int ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem din is-sitwazzjoni. Ir-refuġjati u l-immigranti irregolari huma bnedmin li għandhom dritt għall-ħajja. Il-poplu tagħna ma jistax jibqa’ indifferenti quddiem l-imwiet ta’ immigranti fil-baħar Mediterran. Ġilda bajda jew ġilda sewda m’għandhiex tagħmel differenza.
Il-ħajja hi imprezzabbli.
Joe Abela hu Membru Parlamentari Laburista u Koordinatur
tal-Laboratorju tal-Paċi
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt