03 ta' Ġunju 2007 • Nr 31

Arkivji




 

 

 

03 ta' Ġunju 2007
Sena ta’ klijenteliżmu

Jekk irridu prova ta’ kemm verament il-fenomenu ta’ klijenteliżmu spiċċa minn pajjiżna kulma għandna nagħmlu hu li nsegwu bir-reqqa dak li se jiġri bejn issa u l-elezzjoni ġenerali.
Bil-ftaħir kollu tagħna dwar is-sovranità ta’ pajjiżna, l-għotja ta’ l-Indipendenza u l-kisba tal-Ħelsien xorta waħda ma nistgħux ngħidu li l-mentalità kolonjali nqerdet darba għal dejjem f’pajjiżna.
L-istess jista’ jingħad għall-klijenteliżmu. Niftaħru kemm niftaħru li d-dipendenza taċ-ċittadin fuq
il-politiku spiċċat, b’danakollu fir-realtà nsibu li bosta ċittadini jkollhom javviċinaw lill-politiċi biex “jieħdu dak li ħaqqhom”. M’għaddewx snin twal meta waqt il-kampanja elettorali kien hemm min ħareġ bl-idea ta’ “mhux pjaċiri, drittijiet.” Iżda dan slogan kien u slogan baqa’. Is-sens ta’ klijentiliżmu baqa’ qawwi fost il-poplu tagħna.
Il-klijenteliżmu jfisser tpartit ta’ pjaċir mal-għoti tal-vot. Hu l-qerda tal-meritokrazija u tal-ġustizzja. Il-klijenteliżmu hu forma oħra ta’ degradazzjoni u sottomissjoni taċ-ċittadin quddiem il-poter tal-politiku u fl-istess waqt hu konferma ta’ kif il-politiku, b’mod ġenerali, li jagħmel, jagħmlu għall-voti jew għall-kisba tal-poter!
Żmien l-elezzjoni jbiddel kollox ta’ taħt fuq. Is-sikkar taċ-ċinturin jibda jinħall; il-miżuri ibsin jirtabu; id-drittijiet jitgħawġu; ir-rikatt tal-vot iqajjem rasu; il-burokrazija tibda tisparixxi; il-liċenzji u l-permessi ma nibqgħux narawhom biż-żewġ għajnejn; l-impossibbli jibda jitpinġa bħala possibbli u l-wegħdi jiżbqu x-xemgħat li jitpoġġew f’Malta kollha quddiem l-istatwi jew l-inkwadri ta’ qaddis jew ieħor.
Il-pjaċiri jsiru obbligazzjonijiet ġustifikati. L-inċertezza ta’ min se jkun fil-poter iġġib magħha ċ-ċertezza li dak li qatt ma sar jista’ jsir illum qabel għada! “Issa d-daqqa,” jgħid iċ-ċittadin.
Hu minnu li d-diċentralizzazzjoni tal-poter, l-indipendenza ta’ l-elettorat mill-politiku, u l-maturità li kiseb l-elettorat ikkontribwixxew biex iċ-ċittadin ma jkunx daqstant obbligat lejn il-politiċi. Il-fatt li fis-suq tax-xogħol kulma jmur qed tonqos il-preżenza tal-Gvern għaliex kollox qed jingħata lil privat; il-fatt li l-livell edukattiv kulma jmur qed jogħla u allura min għandu moħħ mhux se jħalli min jaħseb għalih; kif ukoll il-fatt li l-politika partiġjana kulma jmur qed tnaqqas fl-interess u l-popolarità – l-aktar fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa – kollha huma fatturi li għenu mhux ftit biex tonqos il-polarizzazzjoni u ma nibqgħux niddependu daqstant mill-klijenteliżmu. Iżda d-deni ta’ l-elezzjoni jibda jagħmel tiegħu matul dan iż-żmien u l-emozzjonijiet jibdew jiġru bina.
L-elezzjoni ġenerali li jmiss mistennija tkun waħda missielta sew u taħraq minn kull front. L-20 sena tal-partit fil-gvern u tal-partit fl-oppożizzjoni jġibu magħhom sitwazzjoni unika fejn min jitlef se jkollu wisq xi jġorr fuq spallejh. Issa bi sħubija u l-aċċettazzjoni kważi unanima ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, iż-żewġ partiti ewlenin tqarrbu iktar lejn xulxin fejn tidħol politika ta’ setturi vitali għall-pajjiż.
B’mod naturali dan iġib inqas enfasi fuq is-sustanza tal-programmi elettorali. Konsegwentement il-partiti x’aktarx jikkonċentraw iktar fuq l-istil tal-mod kif iħaddmu l-politika tagħhom. Barra minn hekk diġà għandna indikazzjonijiet qawwija li l-istrateġija ewlenija tal-kampanja elettorali se tkun ibbażata u indirizzata lejn il-mexxejja tal-partiti ewlenin. Dan jikkuntrasta bi kbir ma’ l-istrateġija tal-partiti ż-żgħar li biex jiksbu iktar appoġġ se jenfasizzaw is-sustanza tal-proposti li se jressqu. Dawn ukoll iridu jidhru li huma differenti mill-“kbar” u se jipproġettaw lilhom infushom bħala l-partiti li jistgħu jġibu l-bidla fil-politika anki jekk relattivament mhumiex f’pożizzjoni ta’ saħħa.
Fin-nuqqas ta’ kwistjoni nazzjonali li fuqha tkun miġġielda l-elezzjoni ġenerali li jmiss, jidher li ż-żewġ partiti ewlenin se joffru għażla bejn partit li ilu fil-poter iżda li għandu mexxej relattivament ġdid, u partit li aġġorna ruħu iżda b’mexxej li ilu kap tal-partit għal bosta snin.
Is-slogans ta’ “inġeddu s-suċċess flimkien” u “pjan Laburista – bidu ġdid” ma ntagħżlux bl-addoċċ. Jekk taqra bejn il-linji tinduna li t-tnejn li huma jridu jaħbu l-kwistjoni taż-żmien: kemm ilhom fil-poter jew kemm ilhom fit-tmexxija tal-partit. B’ħarsitna ’l quddiem jew b’bidu ġdid qegħdin jimplikaw li aħjar innessu l-passat!
Ngħidu x’ngħidu l-kejl prinċipali ta’ fejn għandna nitfgħu l-vot jibqa’ dejjem il-gwadann personali.
Nitkellmu kemm nitkellmu dwar l-idea li l-poplu immatura b’mod li llum jiżen sew il-proposti li jressqu l-partiti u x’aktarx li l-maġġoranza tivvota f’min temmen li jista’ jtejjeb il-qagħda tal-pajjiż u taċ-ċittadini. Però dan isir dejjem fil-kuntest ta’ “kemm se ntejjeb il-qagħda tiegħi jien”. Jekk inrażżnu d-dejn nazzjonali u nsaħħu r-riżervi tal-pajjiż nifhmu l-impenn li tkun qed tagħmel l-amministrazzjoni imma napprezzaw din il-ħidma kemm-il darba dawn il-miżuri jissarrfu f’iktar flus fil-but jew fil-kont tal-bank taċ-ċittadin individwali. B’hekk iż-żmien immedjat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali jinbidel f’art fertili fejn il-klijenteliżmu jerfa’ rasu ’l fuq.
L-elezzjonijiet jintrebħu bil-voti. Għalhekk il-vot hu għodda utli f’demokrazija iżda jista’ jintuża bħala arma fil-politika. Bil-vot iċ-ċittadin jesprimi l-għażla imma fl-istess waqt juri li l-poter qiegħed f’idejh!
Il-klijenteliżmu hu eżempju ċar ta’ kif il-vot jintuża bħala arma iktar milli għodda. L-ironija hi li f’dan il-każ l-aggressur u l-vittma jinnegozzjaw il-poter tagħhom b’detriment għad-demokrazija!
M’għandi l-ebda dubju li matul din is-sena se jkollna doża qawwija ta’ klijenteliżmu. Kif ngħidu, uħud miċ-ċittadini se jieħdu x-xoqqa f’moxta iżda anki xi politiċi mhux se joqogħdu lura. Min illum qiegħed f’pożizzjoni li jista’ jinfluwenza l-għoti ta’ mpjieg, permess, liċenzja, proġett jew offerta se jara kif jagħmel biex dan jinkiseb qabel l-elezzjoni u min potenzjalment għad jista’ jinfluwenza se jwiegħed li jagħmel l-istess!



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt