03 ta' Ġunju 2007 • Nr 31

Arkivji




 

 

 

03 ta' Ġunju 2007
Għodda importanti

Fil-ferneżija reliġjuża li tqanqlet f’dawn l-aħħar xhur minħabba il-kanonizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca wieħed faċli jilmaħ il-ħsus ta’ reliġjożità qawwija li tikkaratterizza ħafna mill-festi tagħna.
Hu ta’ preġju għall-insara Maltin li wieħed minn fosthom issa hu mgħolli għall-ogħla strutturi tal-ġerarkija spiritwali. Iżda huma ħafna li dan l-avveniment qed iħarsu lejh minn lenti għal kollox differenti minn kif kieku kien jarah l-istess Dun Ġorġ.
Bħalma jiġri fil-festi reliġjużi, l-element spiritwali jintilef qalb il-pakketti għall-pellegrini, is-santi ‘mqaddsa’, l-ikoni li xi darba suppost missew mal-persuna jew il-ħwejjeġ ta’ Dun Ġorġ u ħafna xinxilli oħra li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ħajja ta’ dan il-qassis umli. Dun Ġorġ għandu jfisser ħafna aktar minn hekk għall-insara.
Iżda lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet purament reliġjużi u spiritwali ma nistgħux ma nikkummentawx dwar il-filosofija tal-qassis Preca li fl-1906 ħass il-bżonn li jgħallem bil-Malti lill-miġemgħa dwar il-ħajja ta’ Kristu. Anki jekk dak li għallem Preca dwar Kristu llum jista’ jdarras għax inbidel il-mod kif il-Knisja tipproġetta lil Kristu, bilfors trid tammirah għax ma beżax mill-edukazzjoni.
L-injoranza trabbi servi fidili li ma jiqfux biex jaħsbu dwar dak li jingħad lilhom. Xi ħadd mgħallem ikun lest li jistaqsi, jiddubita u jħaddan dak li jingħad lilu wara li jkun konvint. Minkejja l-periklu li fit-tieni triq tista’ titlef in-nies għax ma jirnexxilekx tikkonvinċihom, Dun Ġorġ xorta ħass li għandu jwaqqaf Soċjetà li tgħallem u teduka.
Kif kiteb Alfred Sant iktar kmieni din il-ġimgħa, il-filosofija ta’ Dun Ġorġ għandha ħafna minn dik ta’ Manwel Dimech li stinka biex il-poplu joħroġ mill-faqar edukattiv ħalli jagħraf fejn qiegħed u fejn jista’ jkun u jiġġieled biex jilħaq dak l-għan.
Anki llum is-soċjetà jeħtieġ li jkollha aktar nies li jaħsbu b’mod kritiku, li jistaqsu u jiddubitaw. Dan hu meħtieġ mhux biex tinħoloq kultura ta’ indifferenza iżda kultura fejn l-individwu jħoss li jista’ jagħmel xi ħaġa u jkollu l-għodda biex iwettaq il-ħsieb tiegħu.
Daqskemm kellha valur reliġjuż l-edukazzjoni biex qarrbet aktar lin-nies lejn il-kelma ta’ Alla mingħajr il-ħtieġa tal-qassis bħala intermedjarju kontinwu, hekk ukoll f’soċjetà sekulari, l-edukazzjoni tibqa’ għodda importanti ħafna.

Il-familja għall-PN
Minkejja l-wegħda elettorali fl-1998 li jagħti xi forma ta’ status ċivili lil koppji li jikkoabitaw il-Partit Nazzjonalista baqa’ sal-lum jirrifjuta li jiftaħ djalogu fuq dan is-suġġett.
Għalhekk kien ta’ fejda li fil-workshop li ddiskuta l-familja fl-aħħar Kunsill Nazzjonali tal-PN tqanqal l-argument dwar id-definizzjoni tal-familja f’kuntest modern fejn għandek ħafna iktar koppji jikkoabitaw, familji magħmula minn persuni omosesswali, ommijiet jgħixu waħedhom u forom oħra mhux tradizzjonali.
Sfortunatament il-workshop ħass li kellu jagħti definizzjoni ta’ familja, dik tradizzjonali magħmula minn raġel u mara u l-ulied, anki jekk daħħlu sentenza fir-rapport finali li dan ma jeskludix li l-Gvern jagħmel ħiltu biex jindirizza l-bżonnijiet ta’ l-individwi f’forom oħra ta’ familji.
Nittamaw li meta jiġi għat-tfassil tal-programm elettorali l-Partit Nazzjonalista ma jerġax joħroġ bl-istess proposta ta’ l-1998. Nistennew li disa’ snin jew 10 wara dik il-proposta tevolvi biex tinkludi wkoll koppji omosesswali fost l-oħrajn.



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt