03 ta' Ġunju 2007
Ġustinu, Dun Ġorġ, l-Insara u l-media
1. Ħallejna warajna l-ġimgħa biċ-ċelebrazzjoni tal-qaddis Palestinjan San Ġustin Martri. Għax l-1 ta’ Ġunju hu l-jum fejn l-insara jiftakru fih ta’ kull sena. Ġustinu tana wirt kbir ta’ għerf warajh. Imwieled pagan, ikkonverta għar-reliġjon u baqa’ jeżerċita l-ħaġa li l-aktar ħabb – l-istudju tal-filosofija. Fil-fatt fost kitbietu, li fortunatament għadhom għad-dispożizzjoni tagħna, hu qabad il-filosofi ta’ qablu u analizzahom wieħed wieħed, punt punt. Kitba ċara u li tixhed għall-għerf u l-moħħ ċar li kellu. L-għan tiegħu kien u għadu interessanti – dak li jxandar il-konoxxenza tal-Kristjaneżmu fid-dawl tal-ħsieb li hi l-vera filosofija.
2. F’waħda mill-aħjar kitbiet tiegħu magħrufa bħala “L-Ewwel Apoloġija” indirizzata lill-Imperatur Antoninus Pius, uliedu u s-Senat Ruman, hu jitlob li l-insara ma jibqgħux iktar ikkundannati għas-sempliċi fatt li jsejħu rwieħhom hekk. Jappella biex isir eżami preċiż, fil-fond u tajjeb ta’ dak li tfisser il-kelma. Is-sistema ġudizzjarja kienet qiegħda tikkundanna liċ-ċittadini Rumani tagħha mhux fuq is-sustanza ta’ ħsibijiethom, iżda sempliċement jekk jidentifikawx irwieħhom bħala nsara. Għalhekk sofrew il-martirju eluf ta’ innoċenti ikkundannati għall-mewt għax identifikaw irwieħhom mod u mhux ieħor. Ġustinu jirreżisti din il-linja politika bil-qawwa u jgħid lill-Imperatur: “Il-ġustizzja titlob li int tqis u teżamina l-ħajja, sija ta’ min jiddikjara ruħu nisrani kif ukoll dak li le, sabiex minn imġibtu tidher x’int u ċar x’tip ta’ bniedem hu.”
3. L-argument ta’ Ġustinu jinżel iktar fil-fond meta jiddikjara li, kuntrarjament għal dak li ngħad fuqhom, it-tagħlim nisrani jitlob mill-bnedmin li jobdu l-awtorità ċivili. Hu jispjega b’mod mill-iktar ċar li l-insara huma ċittadini eżemplari, mgħallma biex jimxu mal-liġijiet u jġibu rwieħhom tajjeb. Mhux biss, anzi jinsisti li l-insara ġew mgħallma u għalhekk għandhom jagħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri. Ikompli jgħid lil Antoninus Pius: “Għalhekk lil Alla biss aħna naduraw. Imma fi ħwejjeġ oħra nservuk b’ferħ, naċċettawk bħala re u ħakkiem tal-bnedmin, u nitolbok li teżerċita l-poter li għandek b’ġudizzju tajjeb.”
4. Proprju fl-eqqel tas-saħħa ta’ l-Imperu Ruman, bnedmin bħal Ġustinu (li la kienu politiċi, la kienu suldati u lanqas xi uffiċjali ta’ l-Istat) waqfu bl-ideat tagħhom għall-poter materjali ta’ l-Istat. Għamlu l-punt tagħhom ċar u ma beżgħux mill-forza fiżika ta’ ħaddieħor. Sfidaw għas-sewwa. Il-persekuzzjoni umana ta’ dawn l-ulied umli u intelliġenti m’għadniex nitkellmu dwarha għax għal xi wħud saru antikwati. Għadda żmienha imma rridu nammettu li preżentement għaddejja mewġa oħra u differenti ta’ persekuzzjoni. Il-ħtija li tinxteħet, l-attakki u l-ostraċiżmu li jsiru fil-jiem moderni mill-media, kemm fuq l-ideat insara kif ukoll fuq dawk li jħaddmuhom, huma fl-ordni tal-ġurnata, sija direttament kif ukoll indirettament, ta’ xi wħud.
5. L-imġiba u r-rettitudni morali bażata fuq filosofija tal-ħajja retta ta’ diversi persuni llum il-ġurnata flok hi apprezzata hi disprezzata. L-għażla bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, bejn il-valuri u l-vizzji, qegħda bil-mod il-mod titwarrab. Flok iswed u abjad għandna griż biss. Mhemmx anqas ir-rispett lejn min għandu dawn l-ideat retti u li fuqhom bnejna l-bażi tal-kostituzzjonijiet Ewropej. Kulmin ma jaqbilx mad-divorzju, ma’ l-abort, ma’ l-ewtanasja, maż-żwiġijiet bejn nies ta’ l-istess sess, hu deklassat u identifikat bħala inadegwat għax nisrani.
6. Dawn l-ideat ħaddnuhom ir-Rumani. Nittama li kulmin iħoss li għandu kultura qara kitbiet Wistin ta’ Ippona li dettaljatament jispjega liema huma r-raġunijiet tat-tmiem ta’ dik il-belt kbira. Wistin janalizza b’mod sekulari u lajk għala d-drawwiet u l-liġijiet ħżiena ta’ Ruma ġabuha fit-tmiem. Kien xhud tal-verità. Għax it-toroq tal-virtù, meta ma timxix magħhom, ikollok konsegwenzi soċjalment ħżiena. Konsegwenzi li tintebaħ bihom frott l-esperjenza umana li tfisser li l-effetti ħżiena jbatuhom iċ-ċittadini mhux min jgħallem. Meta wieħed jibni struttura soċjali ta’ Stat, hu liema hu, fuq pedament li jinjora l-esperjenzi qarsa li l-umanità ġarrbet fis-sekli passati, ikun qiegħed jikteb it-tmiem tiegħu.
7. Illum pajjiżna qiegħed jieqaf iħares u jieħu sehem fiċ-ċerimonja tal-kanonizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca fil-Vatikan. Dun Ġorġ kien bniedem qaddis, però kien hekk għax bena organizzazzjoni fuq ordni morali superjuri. Flok skarta t-tagħlim li l-bnedmin li jidentifikaw rwieħhom bħala nsara ġabru tul is-sekli, bena fuqhom. Ħa l-aħjar tagħhom u bl-umiltà tiegħu ħa ħsieb li jiżra’ żerriegħa li ma tistax tieqaf tagħti frott. Bħal San Ġustinu ma beżax jgħid u jgħix ta’ nisrani sa l-inqas dettal.
8. Ġustinu bata l-martirju għax ħaddan ideat ġodda, dawk insara mibnija l-kontra ta’ dak li kellu l-paganiżmu. Il-persekuzzjoni ta’ l-insara wasslet għall-qtil ta’ diversi innoċenti. Illum mhemmx l-areni Rumani, anqas il-qtil tal-bnedmin, imma għaddejja forma ta’ persekuzzjoni differenti. Waħda li twaqqa’ għaċ-ċajt u tipproċessa pubblikament min iħaddanhom. Nittama li l-kanonizzazzjoni u l-eżempju ta’ ħajjet Dun Ġorġ Preca jibdlu l-affarijiet u jkun hemm apprezzament mill-ġdid ta’ xi tfisser li tkun u tgħix ta’ nisrani mill-media. Għax in-nisrani hu hekk għax jibni ħajtu fuq il-verità u fit-tfittxija kontinwa tagħha. Għalhekk l-insara huma ċittadini eżemplari għad li mhux dejjem apprezzati.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt