20 ta' Mejju 2007
Preġudikat bid-dikjarar imma ...
Niddikjara l-preġudizzju tiegħi li ma nistax ma nkunx ħlief arċi-anti-Nazzjonalist aħdar wara dak li għamluli tliet kwarti ta’ seklu ilu l-Mizzjani u l-Panzavekkjani. Jieklu s-santi u jaħraw ix-xjaten. Hekk kienu u għaddew ’il fuq minn 127 sena u hekk għadhom! Imma aħjar f’dan il-mument ma nsemmix santi għax f’gieħ ix-Xirka ta’ l-Imdawlin ma jmurx ċertu dilettant tal-murtali li nvoka s-santi dan l-aħħar f’diskors politiku jaħseb li qed ngħid għalih u nispiċċa rrappurtat lil Johnny, ħaqq is-santa mqattgħa!
Jien preġudikat u bid-dikjarar imma nobgħodhom le għax għalkemm qatt ma ħabbatt fuq sidri fl-ewwel fillieri tal-knejjes ma nasalx biex nixtieq id-deni ħa npattihielhom. Filwaqt li l-MLP jista’ jkollu problemi ta’ nuqqas ta’ lealtà u prima donnismi, il-problemi interni tal-Partit Nazzjonalista jafu jkunu ferm iktar gravi għax jolqtu kwistjonijiet fundamentali.
Ibda bil-kwistjonijiet jaħarqu li qed jaqilgħu old-timers Nazzjonalisti bħalma huma Josie Muscat u Franco Portelli li inċidentalment għandhom in komuni bejniethom mhux biss il-militantiżmu passat tagħhom fil-Partito Nazzjonalista imma kumbinazzjoni wkoll it-tnejn li huma involuti fin-negozju ta’ l-isptarijiet privati.
L-eks President tal-PN Portelli jsostni li fil-Mater Dei intefqu flus żejda għax tħallsu l-kummissjonijiet u saret il-korruzzjoni. Li ma nistax nifhem lil Portelli fejn jeskludi kompletament il-politikanti minn dan it-tip ta’ baruffi u barumbati għax f’sistema li tippermetti t-tixħim tal-facchini u ta’ servjenti hu faċli iktar li jixxaħħmu l-potenti.
Li ma nistax nifhem ukoll kif għall-ewwel iż-żewġ Tonios, Borg u Fenech, ħarġu jgħidu li mhux se jinvestigaw għax m’hemmx x’tinvestiga f’dak li qal Franco Portelli, biex imbagħad ftit sigħat wara l-primus Gonzi ta ordni biex il-Kummissarju jibda jinvestiga. Anki Dott. Portelli fil-bidu beda jgħid li ma riedx iressaq provi għax qal li beża’ li jagħmlulu bomba biex imbagħad erbat ijiem wara addio bombi u mar jikxef is-sigrieti mal-Kummissarju.
Ħa naraw kif se tispiċċa din il-biċċa għax għandi xamma li dan Portelli se jispiċċa moqli f’żejtu. Għax fil-Madre Patria għandkom ħabta kif min jikxef l-abbuż jispiċċa abbużat. J.R. Aquilina u l-AWTS, Edward Gauci Borda u ċ-ċentru Nazzjonali ta’ l-Akwakultura, Alfred Ferrante u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, Karmenu Cacopardo u l-MEPA. Lista li fil-verità ma tantx hi twila imma li fiha tifsira b’dawk li għax qdew dmirhom sfaw ikkastigati.
Mhux imbilli tefgħuni f’nofs id-deżert ta’ l-Eġittu jien xorta nara kif nagħmel u nsegwi fid-dettal it-tbażwir kollu li jiġri f’Malta.
Josie Muscat wara 20 sena nieqes mill-politika reġa’ stenbaħ proprju issa. Ma narahx li se jtellef lin-Nazzjonalisti daqs kemm qed jgħidu. Gonzi gwapp daqs ta’ qablu biex jagħmel xenata a la Luxol biex iwerwer lid-deżertaturi Nazzjonalisti u jdehixhom ħa jaħsbuha sew qabel ma jagħmlu xi ġennata u jivvutaw lil Josie biex jispiċċaw itellgħu lil Fredu. Lanqas ma nara lil Josie jattira ’l hekk imsejjaħ floating voter li aktar milli hu votant intelliġenti li jfittex l-interess tal-pajjiż ħafna drabi jkun votant kwalunkwista u moħħu u f’dak li jista’ jakkwista.
In-Nazzjonalisti se jagħmlu minn kollox biex fl-aħħar ftit xhur ta’ qabel l-elezzjoni jaqdu lil kulmin ma qdewx matul il-ħames snin tal-leġiżlatura. Imma wara dan l-eżerċizzju intensiv ta’ qadi u pjaċiri dawk li xorta waħda se jibqgħu insodisfatti bin-Nazzjonalisti, ftit jew ħafna ma nafx kemm se jkunu, bir-rabja li jkollhom se jispiċċaw jaqsmu x-xmara u jingħaqdu mal-għadu storiku biex ipattuha lil tan-naħa tagħhom.
Imbagħad l-aħħar front intern li għandhom miftuħ beraħ tal-PN jeħodna fil-belt ta’ Pinto fejn għandu l-għeruq tiegħu Giovann Dalli. Issa li qed toqrob ġmielha l-elezzjoni, mad-daqqa t’għajn qed jidher li se jkun ‘all quiet on the Qormi front’ għax hekk jaqbel għaż-żewġ naħat. Giovann jibqa’ jittama li jirnexxilu jagħmilha minkejja dak kollu li ntqal fit-tliet snin li għaddew u Gonzi u Saliba ġiethom tajba li sa l-elezzjoni li jmiss Dalli se jkun fommu sieket u ma kienx hemm għalfejn isoddulu ħalqu b’xi kariga.
Però tant hu evidenti li għad hemm ħafna demm ħażin bejn iż-żewġ naħat li rajnieh jitla’ għar-ras proprju fil-battibekki riċenti li nqalgħu bejn il-bord tad-diretturi u l-bord editorjali tal-PBS.
Għal lum daqshekk għax għajjejt nikteb f’din is-sħana taqli l-ftajjar.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt