Dan hu pajjiż ta’ ħafna frattarija, storbju u musketterija. Aħna poplu magħruf għat-tgemgim u għat-tgergir. Aħna poplu li ngħajtu aktar milli nitkellmu ma’ xulxin. Pajjiż tal-mass meetings u tal-mass rallies, tad-diskorsi twal mimlijin retorika u tad-demm ibaqbaq fil-vini. Pajjiż tac-chat shows bil-buffi, bil-kundutturi u bl-orkestrini u bl-orkestrazzjonijiet li tista’ tinduna bihom minn mili ’l bogħod. Fejn diskussjonijiet dwar temi serji jridu ta’ bilfors jiġu banalizzati u trivjalizzati bl-iskuża li għandna nevitaw li nkunu intellettwali u nkunu popolari kemm jista’ jkun.
Campus
Dan pajjiż b’Università taċ-ċertifikati qisha skola sekondarja glorifikata fejn il-letturi u l-professuri huma aktar mehdija bix-xogħol part-time milli biex jikkontribwixxu bl-intellett tagħhom għad-diskussjoni pubblika li ma teżistix f’dan il-pajjiż.
Fejnhom id-diskussjonijiet imqanqla li kien ikun hemm fuq il-campus fis-Snin 60 u 70 fuq temi jaħarqu bħall-problema tad-djar f’Malta, il-ġustizzja soċjali u oħrajn?
Fid-dinja kollha l-istudenti universitarji jkunu fuq quddiemnett tad-diskussjoni, għall-avangwardja tas-soċjetà, radikali fi ħsibijiethom, altruwisti u ġenerużi fil-mod ta’ kif iħarsu lejn il-bqija tas-soċjetà. Imma hawn Malta għandna campus deżert u illuppjat, benniena ewlenija tal-konservatiżmu f’Malta fejn tliet kwarti ta’ l-istudenti lanqas jindenjaw irwieħhom jipparteċipaw fl-elezzjonijiet studenteski u l-kwart li jifdal tista’ tgħid dejjem jisfa dominat mill-għaqdiet studenteski taċ-Ċentru Lemin.
Mal-ħajt Imma jekk lanqas ma jeżisti dibattitu ħieles fuq il-kwistjonijiet li suppost jaħarqu f’postijiet bħalma hi l-Università, fejn qed isir dan id-dibattitu, jekk qed isir?
Dan hu pajjiż fejn litteralment hawn min jitbażwar u jitqatel biex ikun fil-Parlament fejn suppost isseħħ id-diskussjoni ta’ l-ogħla livell, f’dik li suppost hi l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Imbagħad ftit jiem wara d-dandin, l-isdra ippuppati, l-uniformijiet u parati bl-azzarini, quddies ta’ l-Ispirtu s-Santu u kpiepel estravaganti fuq irjus id-deputati nisa u tan-nisa tad-deputati rġiel, is-sala tawwalija li qabel kienet armata bil-korazzi u l-elmijiet vojta, illum il-ġurnata hi armata bis-siġġijiet vojta. Parlament baħħ, vojt fejn il-ftit li jinteressaw irwieħhom u jazzardaw jitkellmu, jispiċċaw jitkellmu waħidhom mal-ħajt.
Kont naħseb li min jispiċċa jitkellem waħdu mal-ħajt kien ikollu ċertifikat biżżejjed biex jispiċċa maqful hemm fuq. Illum dawn it-tip ta’ ‘mġienen’ li jitkellmu waħidhom għandek issibhom jgħaddu siegħa żmien darba kultant fil-Parlament. Imma ċajt apparti, sewwa sew kif tispjega moħħ min jagħmel kulma jiflaħ jagħmel biex ikun ‘hemm’, u mbagħad ġaladarba jkun ‘hemm’ ħafna drabi ma jkunx hemm? Sinjal li dak li tassew jinteressah mhux ‘hemm’ imma hemm u ’l hinn minnu.
Banka tal-lottu
Imma hawn min jgħidlek li mhux ta’ b’xejn ħafna deputati jispiċċaw jitilfu l-interess fix-xogħol parlamentari u li ħafna mit-tort huwa tal-Gvern li qatel lill-Parlament ftit ftit bl-arseniku, litteralment mewtu u ġabu ambjent bla ħajja.
Biżżejjed ngħid li f’din il-leġislatura li issa kważi tinsab fl-aħħar tokki tagħha, kulma saru żewġ stqarrijiet ministerjali.
L-ewwel darba meta Lawrence Gonzi ipprova jiżbarazza ftit mill-problemi li ħallielu ta’ qablu bl-Isptar Mater Dei, u wara li l-ħabel kien ilu li skappa, kien ġie innegozjat mill-ġdid il-kuntratt ma’ Skanska. It-tieni stqarrija kienet dwar ir-reviżjoniżmu statistiku ta’ Gordon Cordina. F’parlamenti oħrajn l-istqarrijiet ministerjali kif ukoll il-ħin allokat għat-tweġibiet bil-fomm tal-mistoqsijiet parlamentari huma l-iktar mumenti ħajjin tad-dibattitu parlamentari fejn ikun hemm skambji mlewna u vivaċi bejn naħa u oħra ta’ l-ispettru politiku.
Huwa wkoll mod mill-iktar effettiv ta’ kif il-Gvern jinżamm fuq ponot subgħajh u kontabbli għal għemilu. Minn dan kollu f’Malta m’għandna xejn għax meta tingħata tweġiba għall-interpellanzi parlamentari jitwieġbu bl-iktar mod imqit u xott u ftit li xejn ikun hemm opportunitajiet għal dibattiti ġenerali li ma jaqgħux fir-ritwalità u l-monotonija u li l-eżitu tagħhom ma jkunx prevedibbli.
Il-Parlament sar qisu banka tal-lottu ta’ żmien ilu, qabel l-era tal-kompjuters, fejn tgħidx kemm kienu jagħmlu storbju bid-daqqiet tat-timbri fuq kull biljett, bil-karta saħħara taħt. Illum il-ġurnata ftit li xejn għadek tisma’ storbju jidwi fis-sala tal-Parlament b’dawk il-pultruni kollha vojta.
Apparti li joffri żvog għal xi diskors kultant għall-gallarija (jekk ikunx hemm min jieħu l-paċenzja jisma’ taħt il-gallarija hi xi ħaġa oħra) xogħol il-parlament illum hu li jittimbra l-liġijiet li jiġu deċiżi mill-Kabinett jew mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.
Riżorsi
Fis-sistema tal-bilanċ u s-separazzjoni tal-poteri l-Parlament suppost li hu awtonomu u m’għandux ikun dipendenti fuq il-Gvern tal-ġurnata. Imma dik hi biss teorija għax fir-realtà hawn Malta, kuntrarju għal dak li hemm barra, ma teżistix sistema fejn il-liġijiet jistgħu joriġinaw kemm mill-Gvern u anki minn deputati li jistgħu jkunu tal-Gvern jew ta’ l-Oppożizzjoni.
Il-Gvern jipprova jiddomina u joħnoq kull nitfa spazju biex il-Parlament jillimita ruħu għal rwol mill-iktar sekondarju li jittimbra dak li jipproponilu l-Gvern u xejn iktar. Filwaqt li l-istaff amministrattiv tal-Parlament għadu jifforma parti mis-servizz ġenerali taċ-ċivil, il-Parlament tagħna tħalla nieqes mir-riżorsi meħtieġa biex id-deputati b’mod individwali jew fi grupp ikollhom l-assistenza teknika neċessarja biex ikunu jistgħu jħejju proposti ta’ liġijiet ġodda b’mod awtonomu mill-Gvern.
L-aħbar riċenti li d-deputati Josè Herrera u Jason Azzopardi kienu se jressqu private members bill dwar is-sistema tal-parole hi inizjattiva verament ta’ min wieħed ifaħħarha. Indipendentement mill-mertu ta’ dak li dawn iż-żewġ deputati qed jipproponu, fil-konkret din il-proposta titfa’ xaqq dawl fuq kif il-Parlament jista’ jerġa’ jingħata ħajja u fuq kif id-deputati jistgħu jrawmu fihom sens iktar qawwi ta’ inizjattiva u ownership tal-prodott finali li joħroġ mill-Parlament.
Jekk naqas l-interess tad-deputati parlamentari fix-xogħol tal-Parlament aħseb u ara kemm naqas iktar u iktar l-interess ta’ Ċikku l-Poplu li ħafna drabi jiġi jaqa’ u jqum dwar x’inhu għaddej fil-Parlament. Naqset ukoll il-prominenza u l-importanza li tagħti l-media għall-ħidma parlamentari. Huma verament ftit dawk l-iffissati li għadhom isegwu l-Parlament minn fuq ir-radju. Il-Gvern jipprova jinħeba wara subgħajh billi jgħid li n-nies barra t-triq m’għadhomx daqshekk interessati għax naqset il-pika u l-polarizzazzjoni politika. Skuża fjakka wisq biex tipprova tiġġustifika li għandna Parlament ta’ 65 deputat li prattikament qiegħed hemm għal-lasta.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt