20 ta' Mejju 2007 • Nr 29

Arkivji




 

 

 

20 ta' Mejju 2007
Tlett itfal fost l-immigranti li għerqu

Karl Stagno-Navarra

Fost il-grupp ta’ madwar 29 immigrant Afrikan li huma maħsuba li għerqu madwar 100 mil lejn in-Nofsinhar ta’ Malta jirriżulta li kien hemm ukoll tlett itfal li s’issa ma nstabet l-ebda traċċa tagħhom.
Kien l-uniku immigrant li salva mill-għarqa li żvela dan id-dettal li jkexkex u jkompli jikxef is-sitwazzjoni tal-biża’ li qed tiżviluppa fil-Mediterran.
L-immigrant li salva kien l-uniku wieħed li xtara lifejacket qabel ma salpa bid-dgħajsa mill-port ta’ Zliten fil-Libja bil-ħsieb li jasal Sqallija u jibda ġejjieni ġdid.
Jibki bla waqfien fis-sodda tiegħu fl-Isptar San Luqa fejn kien qed jirkupra mix-xokk tat-traġedja u l-ipotermja li ġarrab minħabba l-ħin twil li qatta’ fil-baħar qabel ma ntlemaħ b’miraklu bejn sema u ilma minn skuna Maltija, l-immigrant li għandu 23 sena u li ġej mill-Kosta ta’ l-Avorju, spjega lill-Pulizija li ħadd minn sħabu ma rnexxielu jsalva meta d-dgħajsa nqalbet fil-maltemp.

L-immigrant, li tkellem bil-Franċiż u ftit Ingliż irrakkonta li kif ħadd, inkluż hu, ma kinux jafu jgħumu u fil-ħin li d-dgħajsa nqalbet minħabba l-mewġ għoli kulħadd ipprova jaqbad mad-dgħajsa li ġiet fuq naħa waħda, imtliet bl-ilma u niżlet isfel.
Spjega kif it-tfal u l-irġiel l-oħra li riedu jaqbdu magħha ma sabux aktar appoġġ u bdew jegħrqu wieħed wieħed.
Il-fatt li kien l-uniku wieħed li kellu lifejacket ippermetta biex iżomm tifel wieħed imqabbad miegħu għal xi ħin iżda t-tifel niżel taħt l-ilma wara li ma felaħx iżomm aktar minħabba l-kesħa tal-baħar.
Wara disa’ sigħat bejn sema u ilma, l-immigrant radd ħajtu lis-sajjied Malti Lewis Zammit li nzerta għaddej fiż-żona bl-iskuna Laura II li ġabru u kkomunika ma’ Malta u mill-bażi ta’ Ħal Luqa ħareġ helikopter li tellgħu u waslu sa l-Isptar San Luqa.
Filwaqt li tard il-bieraħ filgħaxija l-immigrant kien trasferit lejn iċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi, Laura Boldrini, il-kelliema uffiċjali ta’ l-UNHCR fil-kwartieri ta’ Ruma faħħret lis-sajjied Malti Lewis Zammit għall-ġest uman tiegħu li jsalva lill-immigrant . Hi appellat lill-Gvern Malti biex ma jżommx lill-istess immigrant fiċ-Ċentru ta’ Ħal Safi.
Boldrini appellat lill-Gvern Malti biex jagħtih il-kura kollha psikoloġika meħtieġa minħabba t-trawma kerha li għadda minnha.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt