TONI
X’inhu possibbli fil-politika ma tistax tgħid għax kif jgħidu anki jum wieħed hu twil ħafna fil-politika.
Meta tkun lanqas qiegħed tistenna li sseħħ xi ħaġa, dik ix-xi ħaġa tiġri, għax kif jgħidu wkoll, il-politika hi l-arti ta’ l-impossibbli. Il-mewt ta’ xi ħadd, skandlu mhux f’waqtu, diżgrazzja nazzjonali jew kwalunkwe fattur ieħor jistgħu jbiddlu l-klima politika mil-lejl għan-nhar. Iżda meta tiskarta dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali wieħed jista’ jikkonkludi x’inhu possibbli jew probabbli fil-ġejjieni qrib.
Meta Lawrence Gonzi kien temm il-kariga ta’ Speaker tal-Kamra tad-Deputati kien iddikjara iswed fuq l-abjad li ma kellux ħsieb li jidħol fil-politika tal-partiti. Anzi, wara li kien kiseb f’sens wiesa’ l-fiduċja tal-Kamra kollha tul iż-żmien li dam Speaker, kien għamilha ċara li se jerfa’.
Ma kienx jidher li qatt kien possibbli, aħseb u ara kemm probabbli, li qatt se jerġa’ jkun fil-parlament. Mhux biss sar deputat parlamentari, għax skond hu kienu sfurzawh jidħol għal din il-missjoni, iżda saħansitra meta sar Viċi Prim Ministru kien probabbli l-midluk ta’ Eddie Fenech Adami biex jiġi warajh. Hekk ġara!
Meta Lawrence Gonzi sar mexxej tal-Partit Nazzjonalista kulħadd stenna li probabbilment se jibda bidu ġdid. Kulħadd stenna li l-ewwel messaġġ li kien se jibgħat f’din id-direzzjoni kien billi jwettaq bidla fil-kabinett biex jinqata’ minn ta’ qablu. Dak li kien probabbli ma seħħx. Sal-lum għad għandna kabinett tas-salmura, b’uċuħ li wħud minnhom ilhom hemm mill-1987 u l-parti l-kbira mill-1992. Aktar minn hekk kien probabbli li taħt Lawrence Gonzi l-Partit Nazzjonalista se jikkonsolida. Iżda l-kontroversji bdew jikxfu konsenturi li jisimhom John Dalli, Joseph Zahra, lista twila ta’ riżenji ta’ chairpersons minn diversi awtoritajiet, Josie Muscat u mitt ċirkostanza oħra li jindikaw li hemm xi ħaġa ħażina fil-qalba ta’ l-Istat tad-Danimarka.
L-ittri kontinwi fl-istampa ta’ kuljum minn nies bħal Mario Felice, Victor Ragonesi u Nazzjonalisti oħra ta’ razza huma sinjali ċari li anki min is-soltu jżomm il-bandiera tperper qata’ qalbu.
Għalhekk illum, dejjem jekk ma jkunx hemm xi eċċezzjoni, għalkemm dejjem jibqa’ possibbli li l-Partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjonijiet, ma jidhirx li hu probabbli. Il-fattur prinċipali mhux wisq l-iskandli ta’ kuljum li nisimgħu bihom. Lanqas il-fatt li għandna politiċi li issa qdiemu u sar għandhom l-għanqbut. Iż-żewġ fatturi li se jtellfu l-elezzjoni lill-PN huma tnejn: il-kredibbiltà politika tiegħu u dak li jidħol jew joħroġ mill-inforra tal-bwiet tan-nies.
Illum settur wara l-ieħor tal-poplu Malti qegħdin jintebħu li sabu xenarju kompletament il-kuntrarju minn dak li ġie mwiegħed lilhom mill-PN qabel l-2003. Ħaddiema li jaħdmu fil-fabbriki spiċċaw jirreġistraw jew f’xi impjieg ieħor b’kundizzjonijiet minuri għal dawk li kellhom qabel. B’oħrajn ma jafux fejn qegħdin, lanqas fl-aktar impjiegi li kienu joffru stabbiltà bħal fil-Maltacom. Fil-qasam ta’ l-agrikultura kull settur ħa daqqa ta’ ħarta b’ħafna minn dawk li jrabbu t-tiġieġ jispiċċàw jagħlqu, bl-industrija tal-produzzjoni tal-majjal taqbad in-niżla u dawk li jkabbru l-prodotti agrikoli għadhom jistennew is-sussidju jew naqsilhom il-qligħ drastikament. U llum anki hemm dubju serju teżistix tassew il-klawsola tas-salvagwardja.
Il-kaċċaturi huma eżempju perfett ta’ uġigħ tad-dras ta’ kif il-Partit Nazzjonalista qarraq u ħeba b’uħud li kienu l-inġiniera ta’ dan il-qerq politiku jiġu promossi għal kariga super eżotika b’salarji montanjużi.
Il-kredibbiltà tal-PN kompliet titnaqqar taħt Lawrence Gonzi għaliex proprju taħtu saret kawlata ta’ ħatriet u appuntamenti estremament partiġjani b’mod li saħansitra kien iċċensurat mill-istess qalba tal-partitarji.
L-omm ta’ dawn il-ħatriet kienet l-inkoronazzjoni ta’ Eddie Fenech Adami bħala President ta’ Malta. Din fakkritni meta Dom Mintoff qiegħed lil Karmenu Mifsud Bonnici mexxej ta’ l-MLP. Għallinqas tal-Labour kienet tagħhom f’tagħhom. Fil-każ ta’ Lawrence Gonzi u Eddie Fenech Adami, b’insensittività politika kbira għamlu ’l Malta tagħhom.
Iżda l-fattur prinċipali li l-aktar jagħmilha impossibli li l-PN jerġa’ jkun fil-Gvern huwa l-but! Bħal kull ċittadin ieħor f’kull pajjiż ieħor, l-ewwel fattur li jiġi kkunsidrat minn kull elettur hu x’jieħu lura d-dar fl-aħħar tax-xahar bħala salarju u jekk dak li jaqla’ hux biżżejjed biex jgħajjex lill-familja bl-aktar mod komdu. Lanqas id-dejn nazzjonali m’huwa l-uġigħ ta’ ras prinċipali, jew jekk hemmx tmexxija ħielsa minn kull skandlu, iżda x’naqas minn fuq il-mejda ta’ l-ikel.
L-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika għadu kemm ippubblika informazzjoni li tkexkex. Hawn madwar 60,000 ruħ jgħixu taħt il-linja tal-faqar. Wieħed minn kull ħamest itfal jgħixu taħt din il-linja. L-aktar li qegħdin isofru huma l-anzjani, b’pensjoni miżera li qed titnaqqar bl-ispejjeż dejjem telgħin u b’mediċini li m’għadhomx jingħataw b’xejn jew ma jistgħux isibu fl-ispiżeriji tal-Gvern.
Magħdud ma’ dik is-16 fil-mija li jgħixu taħt il-linja tal-faqar, trid tgħodd dawk li jaqbżu din il-linja bi żbrixx jew qegħdin ftit ’il fuq minnha meta sa ftit snin ilu kienu jagħmlu jew kważi jagħmlu mal-faxxa tan-nofs jew aħjar kif nafuha bħala l-middle class.
Meta f’dan ix-xenarju l-Prim Ministru jibqa’ jinsisti li l-ġid nazzjonali qiegħed jikber u li ta’ kuljum jiġi investit miljun lira, allura wieħed jibda jitħasseb serjament.
Hu ċar li pajjiżna, bħal ħafna pajjiżi oħrajn li qegħdin fit-triq ta’ l-iżvilupp, għandu problemi ta’ tqassim ta’ ġid. Il-ġid ta’ pajjiżna qiegħed jispiċċa f’idejn tużżana min-nies u mhux isib triqtu b’mod ġust fil-bwiet ta’ kulħadd. Dawk l-istess tużżana min-nies li dejjem u ta’ kuljum nisimgħu bihom, issa fuq dan il-proġett u issa fuq l-ieħor. Proġetti li jiġu jiswew ħames jekk mhux għaxar darbiet minn kemm kienu oriġinarjament maħsuba.
Illum dan kollu qiegħed ikun osservat. Mhux biss mill-opinjonisti jew dawk li janalizzaw il-politika, iżda ukoll min-nies tat-triq li bdew jagħmlu l-paraguni bejn dak li jinsabu fih huma li qegħdin ħażin u dak li jinsab fih ħaddieħor li jinsab tajjeb.
In-nies bdew jintebħu li hemm differenza bejn kif kienu jgħixu qabel u kif qegħdin jgħixu issa u meta jisimgħu b’xi skandlu dwar sparpaljar ta’ flus jinkwetaw ħafna iktar.
Uħud minn dawk li jittamaw li l-PN jerġa’ jkun fil-gvern mhux wisq jistrieħu fuq dak li qiegħed jagħmel il-Gvern iżda fuq xi ċirkostanza li tista’ sseħħ fil-MLP. Iżda x-xenarju nazzjonali tant hu ħażin, li jiġri x’jiġri fl-MLP, il-probabbiltà hi li titnaqqas id-distanza tal-voti, iżda mhux li l-PN jerġa’ jkun fil-Gvern.
Fl-aħħar mill-aħħar għal settur partikolari tal-poplu li sa ftit ilu ivvota PN, iżda m’humiex marbutin ma’ karru partikolari, hemm fattur importanti ieħor. Dawk li jaħsbu b’moħħhom jafu li jekk il-PN jerġa’ jkun fil-Gvern mhux biss tiżdied l-arroganza politika, iżda tista’ tissarraf fil-mewt naturali tad-demokrazija Maltija. Li kieku l-PN miexi fuq ir-rubini u jinsab mija fil-mija tajjeb, l-effett kollaterali li dan jista’ jkollu hu, li fis-snin li gejjin il-PN jispiċċa waħdu jmexxi lil Malta mingħajr ma jkun hemm proposta politika alternattiva għalih għal ħafna snin wara.
Dan ix-xenarju fejn tinqatel il-possibbiltà ta’ l-alternanza governattiva jagħmilha improbabbli għal dawk li għandhom rashom fuq għonqhom, li jagħżlu lill-PN fl-elezzjonijiet li ġejjin.
PEPPI
Skond l-istħarriġ li jsir minn żmien għal żmien il-maġġoranza tan-nies iridu lill-Partit Laburista fil-Gvern b’Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru. Stramba imma vera. Imma n-nies fl-aħħar mill-aħħar x’se jagħżlu?
Hawn Malta l-Prim Ministru kultant għandu poter żejjed u n-nies taħseb li għandu poter assolut. F’dan is-sens ma nistax nifhem kif in-nies li jridu lil Lawrence Gonzi bħala Prim Minisru se jispiċċaw jivvutaw għall-Partit Laburista.
Iżda diversi stħarriġ, filwaqt li ma jurux shifts favur il-Partit Laburista, juru li ħafna minn dawk li fl-aħħar elezzjoni kienu vvutaw PN qed jgħidu jew li mhux deċiżi jew li mhux se jivvutaw.
Kif jiġri dejjem ħafna minn dawk li jgħidu li mhux se jivvutaw fl-aħħar jispiċċaw jivvutaw. Iżda naħseb din id-darba hemm diversi li sal-lum huma determinati li jiġri x’jiġri mhux se jivvutaw.
Niltaqa’ magħhom kuljum. Meta tistaqsihom lil min jixtiequ fil-Gvern jgħidulek ‘Mhux lil Alfred Sant’ jew ‘Ma jinteressanix għax anki jekk se jitla’ l-Labour xorta mhux se nivvota’.
Jekk il-PN jirnexxielu jikkonvinċi lil dawn li qed jinsistu li mhux se jivvutaw allura Lawrence Gonzi jerġa’ jkun il-Prim Ministru ta’ Malta. Jekk jibqa’ ma jkkonvinċix allura ċ-ċans li jitla’ l-Labour hu kbir.
Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru naħseb li kien sorpriża. Qabel ma sar Prim Ministru nistqarr kont naħseb li se jmexxi fid-dell ta’ Fenech Adami. Kont naħseb li Lawrence Gonzi m’għandux il-kwalitajiet li f’dan il-mument għandu bżonn partit li ilu aktar minn 20 sena fil-Gvern. Xhur wara li sar kap kont intervistajt diversi ministri. Kollha qablu li Gonzi jaf fejn irid jasal u jesiġi riżultati u jagħti deadlines. Ma jaċċettax skużi.
F’Gonzi, sena qabel l-elezzjoni, nara tliet problemi li jekk ma jikkonfrontahomx jitlef l-elezzjoni li jmiss.
L-ewwel: Li jieqaf ikun biss Prim Ministru u jsir aktar Kap ta’ Partit li jrid jirbaħ l-elezzjoni. Naħseb li Gonzi jemmen wisq li jekk bħala Prim Ministru jġib ir-riżultati n-nies se tirrikonoxxi dan u terġa’ tafdah fit-tmexxija. Li nħoss li Gonzi ma jifhimx biżżejjed hu li n-nies mhux għassa tiegħu u ta’ x’qed jagħmel. Ma nħossx li hemm strateġija sħiħa kif il-Gvern qed jikkomunika x’qed jagħmel u x’beħsiebu jagħmel.
It-tieni: Hemm barra hemm nies li qed jgħixu agħar milli kienu jgħixu qabel. Familji li ma jistgħux ilaħħqu u qed jgħixu minn ġurnata għall-oħra. Mhux dawk il-komdi li jgergru dejjem, iżda wħud li ġenwinament qed ibatu. Il-Gvern ta’ Gonzi jrid jittratta din il-problema b’impenn jekk verament jemmen li ħadd m’għandu jibqa’ lura.
It-tielet: Issa għandna ċ-ċertifikat mill-Unjoni Ewropea li l-ekonomija qabdet it-triq it-tajba. Dan jaf qed ikollu effett fuq dawk li jħossuhom qegħdin ħażin u allura ma jifhmux kif il-pajjiż miexi sewwa u huma qed izappu. Kważi aħjar jisimgħu li bħala pajjiż sejrin ħażin għax li l-pajjiż sejjer tajjeb iktar taħraqhom.
Inkun prużuntuż jekk ngħid li dawn it-tliet kategoriji jafu huma dawk li qed jaħilfu li mhux se jivvutaw fl-elezzjoni li jmiss.
Jekk kien hawn Prim Ministru li kapaċi jdawwar Laburist jivvota PN hu proprju Lawrence Gonzi. Iltqajt separatament ma’ żewġ Laburisti f’dan l-aħħar xahar u qaluli li Gonzi jogħġobhom u wieħed minnhom qalli u nikkwota: ‘Jiena dejjem ivvutajt Labour imma jekk jibqa’ sejjer hekk lilhom nivvota din id-darba.’
Komplejt nistaqsih għaliex u qalli: ‘Għax jogħġobni kif miexi. U lilna l-Laburisti ma jobgħodniex.’
Gonzi iżda jista’ jkollu l-periklu li jitlef l-appoġġ tal-klassi medja fin-naħa ta’ fuq.
Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji ta’ l-opinjoni pubblika huma aktar ta dannu għall-Partit Laburista. L-MLP wara kważi 20 sena fl-Oppożizzjoni kellu jkun il-partit li mhux biss jirbaħ l-elezzjoni li jmiss iżda jagħti tkaxkira lill-PN li qatt ma qala’ bħalha.
Żgur li mhux hekk se jiġri u minn issa sa l-elezzjoni jekk il-PN ma jagħmilx żbalji serji, x’jirbaħ għandu.
Bla dubju Lawrence Gonzi jgawdi mill-fatt li ħafna konvinti li t-tmexxija ta’ l-MLP m’għandha ebda politika ċara fuq ħafna affarijiet. L-MLP spiċċa jew jissuġġerixxi dak li diġà qed isir jew jissuġġerixxi li meta jkun fil-Gvern jagħmel studju biex jgħidlu kif għandu jsir. In-nies mhux se terġa’ tafda lill-MLP biex wara li jitla’ fil-Gvern jgħidilha x’se jagħmel. In-nies tesiġi li tkun taf x’se jagħmel minn qabel tivvota.
Għal dawk li qed jaħsbu li qed nesaġera nistedinhom għal dan l-eżerċizzju.
Skiet. Neħħi kull ħsieb minn moħħok. Għandek ħames minuti biex tgħidli idea waħda li mhux diġà qed tiġri, idea ġdida, li ħareġ biha l-MLP.
Jiena li nsegwi sew l-MLP ma jirnexxilix insib imqar waħda konkreta.
Gonzi jaf jirbaħ l-elezzjoni għax m’għandniex għażla: la x-xitan irid hekk.
F’dak il-każ naħseb li l-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss bi żbrixx. B’elfejn jew l-aktar tlett elef vot. Jekk sa l-elezzjoni Gonzi jifhem aħjar l-importanza u l-mod kif taħdem il-komunikazzjoni jaf jirbaħ bl-istess riżultat ta l-elezzjoni li għaddiet.
Wara kważi 20 sena fil-Gvern il-komunikazzjoni ssir ħafna itqal iżda ħafna iżjed bżonjuża. Kważi kważi ssir bżonn assolut.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt