20 ta' Mejju 2007
Għad iridu jinħassu l-pressjonijiet
L-ekonomista Lino Delia jwissi dwar self fuq proprjetà
Gerald Fenech
gfenech@mediatoday.com.mt
Issa li ninsabu ċerti mid-dħul ta’ pajjiżna fiż-żona Ewro mill-1 ta’ Jannar 2008 jidher li għad fadal ħafna xi jsir biex Malta tagħmel ir-riformi meħtieġa biex tieħu l-benefiċċji kollha ta’ din il-munita.
Problema li taf tfeġġ fix-xhur li ġejjin hi dik tar-rati ta’ imgħax iktar għoljin fl-Ewropa hekk kif issa se nkunu marbutin ma’ dak li jiddeċiedi l-Bank Ċentrali Ewropew. Dan se jkollu effett sostanzjali fuq il-pagamenti għas-self fuq djar li jistgħu jogħlew mhux ħażin kif diġà għamlu fl-aħħar sentejn.
Dan stqarru Lino Delia, l-ekonomista u ċ-Chairman tal-bank tal-Knisja, APS, f’intervista li se tidher fil-ħarġa ta’ nhar l-Erbgħa tal-Business Today.
“Aħna nippruvaw kemm jista’ jkun ma nsellfux fit-tul għaliex jekk int se tissellef somma akbar fuq medda ta’ madwar 35 sena ma tistax tiggarantixxi li r-rati ta’ l-imgħax mhux se jogħlew xi darba jew oħra.
“Hekk kif ħafna nies ħadu self mill-banek fuq rati baxxi ta’ imgħax fuq ammonti ta’ madwar Lm60,000 jew Lm70,000 iċ-ċaqliq ’il fuq ta’ dawn ir-rati ta’ l-imgħax se jfisser li ħafna nies se jiffaċċjaw żidiet sostanzjali fil-pagament tagħhom ta’ kull xahar. Dan joħloq pressjoni kbira fuq l-infiq li jkollhom jagħmlu l-familji u joħloq problemi li jekk ma jiġux iffaċċjati jafu jfissru nkwiet serju għall-ekonomija. Xi ħaġa trid issir qabel ma jkun tard wisq,” sostna l-Professur Delia.
Fl-istess intervista Delia jiżvela li l-fenomenu tal-kappillan bħala l-aħħar bastjun għall-għajnuna għadu fenomenu pjuttost komuni, speċjalment fl-irħula tagħna.
“Għadni nisma’ stejjer li l-kappillan ma jikolx l-ikla ta’ nofsinhar tiegħu biex jagħtiha lil xi familja li m’għandhiex x’tiekol. Xi ħaġa oħra li tinkwetani hi l-fatt li n-numru ta’ tfal li qed jitwieldu barra miż-żwieġ qed jiżdied b’rata kważi allarmanti. Dan ifisser li jekk ma niħdux ħsieb dawn it-tfal u nagħtuhom edukazzjoni tajba se joħolqulna problema soċjali enormi fis-snin li ġejjin.”
Aqra l-intervista mal-Prof. Delia fil-Business Today ta’ nhar l-Erbgħa.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt