20 ta' Mejju 2007 • Nr 29

Arkivji




 

 

 

20 ta' Mejju 2007
Iż-żejt li ‘ħiereġ’ mill-istatwa ta’ Angelik hu żejt tal-kċina

L-istorja żvelata minn din il-gazzetta fi Frar li għadda dwar l-allegat statwa f’Birżebbuġia li qed ‘tibki’ demm uman kompliet tieħu dimensjoni akbar.
Wara li fit-18 ta’ Marzu li għadda Illum kixfet rapport sigriet tal-Kurja li jikkonferma li d-demm fuq l-istatwa kien dak ta’ Angelik Caruana, issa ġurnalisti tal-programm televiżiv Xarabank ikkonfermaw li rapporti li għandhom f’idejhom juru li l-likwidu li skond Angelik ħiereġ mill-istatwa, minn inkwatru u minn kuruna tar-rużarju li r-raġel għandu fid-dar, mhu xejn ħlief żejt komuni tal-kċina (vegetable oil).
Il-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa investiga angoli differenti ta’ din l-istorja, fosthom ritratti li Angelik qed juri fuq is-sit elettroniku tiegħu.
L-espert forensiku Dr Anthony Abela Medici wara li eżamina r-ritratti preżentati quddiemu sostna li minn dak li qed jara fuq ir-ritratti jista’ jikkonkludi li t-tiċpis tad-demm fuq ħaddejn il-Madonna jindika b’mod mill-aktar ċar li l-istatwa qatt ma setgħet bkiet hi. Abela Medici jikkonkludi li hemm provi biżżejjed li juru li d-demm tpoġġa minn xi ħadd, tant li f’diversi partijiet kien hemm ċapep kbar ta’ tiċpis tad-demm.
Dr. Abela Medici eżamina ritratt ieħor meħud mis-sit elettroniku ta’ Angelik Caruana. Skond Angelik Caruana dan ir-ritratt juri li l-kaxxa tal-ħġieġ li fiha tpoġġiet l-istatwa tal-Madonna jum fost l-oħrajn infaqgħet waħedha b’mod inspjegabbli.
L-espert forensiku kien f’pożizzjoni jikkonferma li mir-ritratt seta’ jilmaħ traċċi fuq il-kaxxa tal-ħġieġ li jindikaw li xi ħadd ipprova jkisser minn barra din il-ħġieġa b’daqqiet li taha f’minn ta’ l-inqas tliet postijiet differenti.
Waqt il-programm il-ġurnalista ta’ din il-gazzetta Julia Farrugia żvelat kif minn dan il-każ joħroġ ċar li l-Kurja ta’ l-Arċisqof f’Malta tgħallmet ħafna. Dan għaliex fil-każ ta’ l-allegat statwa li qed ‘tibki’ f’Birżebbuġia l-Kurja ma reġgħetx għamlet l-istess żbalji li saru fil-każ tal-Madonna tal-Għar fir-Rabat.
Waqt il-programm Xarabank il-ġurnalista kixfet tagħrif ġdid dwar l-istatwa tar-Rabat. Il-ġurnalista spjegat li l-Kurja talbet li jsiru testijiet oħra fuq l-istatwa aktar minn sentejn wara li kienu saru l-ewwel testijiet. Dan fisser li ntilfu traċċi importanti tad-demm. L-agħar għadu tad-demm hi l-umdità u l-istatwa tal-Madonna tal-Għar wara l-ewwel testijiet inżammet f’post mimli umdu li qered għal kollox kull possibbiltà li l-esperti forensiċi jistabbilixxu jekk id-demm li ‘bkiet’ il-Madonna hux demm ta’ mara jew ta’ raġel.
Din id-dikjarazzjoni kienet ikkonfermata mill-espert Dr. Anthony Abela Medici li spjega li kien minnu dak li żvelat il-ġurnalista u li kontra l-pariri li hu kien ta lill-Kurja l-istatwa nżammet f’post umduż u nqerdu t-traċċi meħtieġa.
Dwar il-każ tal-Madonna tal-Għar sa llum l-esperti forensiċi stabbilixxew li d-demm li ‘bkiet’ l-istatwa tar-Rabat kien wieħed uman u eskluda li dan kien demm ta’ xi annimal domestiku jew animal ieħor.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt