20 ta' Mejju 2007
Opra Maltija b’mira għall-quċċata tax-xena internazzjonali
Hekk kif għadha kif intemmet l-ewwel tappa tal-Gran Prix tal-Power Boats ħsibt li jkun il-mument tajjeb biex niltaqa’ ma’ waħda mill-protagonisti li bis-saħħa tagħha l-bandiera Maltija qed titperper mad-dinja kollha f’dan l-isport.
Illum il-ġurnata kulħadd jaf u sema’ bihom. L-aħwa Audrien u Aaron Ciantar huma minn Marsascala u għal dawn l-aħħar snin bdew jipparteċipaw fil-Kampjonat Mondjali tal-Power Boats. Jekk wieħed jaħseb daqsxejn fuq dan kollu jinduna li jekk kemm-il darba l-aħwa jirbħu dan il-kampjonat ikunu nkurunati champions tad-dinja. L-ebda sportiv Malti qatt ma kellu ċans li jilħaq din il-mira. Il-ħolma tal-Maltin hemm ċans li xi darba ssir realtà.
Ftehimt ma’ Audrien għat-Tnejn li għadda. Tkellimt magħha għal siegħa sħiħa. F’din l-intervista l-ambaxxatriċi Maltija tispjegali kemm hu għal qalbha dan l-isport u kemm għandhom bżonn sponsors u finanzi biex wieħed jikkompeti fi Gran Prix bħal din.
Audrien tispjegali l-ħajja tagħha fil-qasir…
“Jien naħdem ma’ missieri u l-kumplament tal-familja fil-fabbrika tagħna tax-Chaudron. Wara xi l-4pm jew 5pm nieħu pjaċir immur nimxi jew sal-gym. Importanti li tibqa’ b’saħħtek. Filgħaxija għandi bar, iċ-Chapters Cafè, Marsacala u noqgħod nieħu ħsiebu.
“Meta kont għadni l-iskola kont nilgħab in-netball ma’ oħti. Imma dan l-isport tal-Power Boats minn dejjem kien ġo fija. Jien nippreferi nara tiġrija tal-Power Boats milli l-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-futbol.
“F’dawn l-aħħar snin dan l-isport sar parti mix-xogħol tagħna. Daħal fina għax trabbejt f’dan l-ambjent minn mindu kont żgħira. Huwa sport vivaċi li fih jidħol l-element ta’ periklu wkoll. F’ħajti dejjem fittixt affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dgħajjes inkluż meta sifirt.”
Audrien Ciantar twieldet fit-8 ta’ Diċembru 1978. Imwielda l-Marsa imma llum toqgħod Marsascala. Hija t-tieni wild ta’ Charles u Anna. Għandha oħtha ikbar minnha, Charlet ta’ 30 sena u ħuha iżgħar, Aaron, ta’ 27 sena. Aaron miżżewweġ lil Susan u għandu tifla ta’ tliet snin, Haley.
Insaqsiha kif bdew jieħdu sehem f’dawn it-tlielaq.
“Erba’ snin ilu ġiet din l-opportunità. Missieri kien iltaqa’ ma’ xi wieħed mill-organizzaturi f’xi fiera tad-dgħajjes. Kien ħajru biex nidħlu f’tiġrija. Niftakar li l-ewwel sena konna dħalna b’wild card u tellaqna f’żewġ tiġrijiet. Mill-ewwel morna tajjeb għax ġejna t-tielet. Is-sena ta’ wara dħalna kampjonat sħiħ u ġejna t-tielet overall. Dejjem morna tajjeb u għandi kuraġġ kbir biex għall-quddiem inkomplu nkabbru.”
Wieħed ta’ min jammira s-sbuħija tal-Power Boat Chaudron li jsuqu l-aħwa. Iġġedded il-memorji taż-żminijiet meta hi u l-familja tagħha bdew jibnuha.
“Id-dgħajsa tagħna konna għamilniha aħna stess. Fiha 33 pied. Aħna qed nikkompetu bl-iżgħar qis. Naħseb li għandna biex nikkompetu sew u ninsabu kuntenti ħafna biha. Is-sena d-dieħla naħseb li se nkabbru għax ikun aħjar ftit aktar tul biex tibqa’ żżomm l-istess veloċità fil-mewġ. Fit-tiġrija qatt ma soqt jien. Jien insuq biss għall-gost.
“Il-kulur isfar konna għażilnieh aħna għax huwa kulur li jispikka fil-baħar u jiġbed l-għajn. Dan il-kulur se nibqgħu nżommuh għal dejjem anki għax in-nies drawna. Il-baħar inħobbu daqs il-power boat għax ħaġa ma toqgħodx mingħajr l-oħra.”
Għaddew erba’ snin mill-ewwel darba li pparteċipaw f’dan l-avveniment. Dak iż-żmien, Audrien kienet l-ewwel sewwieqa mara f’dan l-isport.
“L-ewwel darba li pparteċipajna kien fl-2004. Jien kont l-ewwel mara fil-P1. Għamilt sentejn l-unika mara. U dan għeni biex tawni ħafna aktar attenzjoni milli stennejt. Kienet xi ħaġa differenti. Anki l-fatt li kont insuq ma’ ħija kienet qajmet kurżità fost ħafna dilettanti ta’ dan l-isport.
“Illum sirna ħbieb ma’ sewwieqa mill-Istati Uniti, l-Italja, l-Ingilterra u anki l-Belġju. Aħna għamilna mudell ta’ dgħajsa ta’ 41 pied u xtrah wieħed Taljan kompetitur tagħna u sejjer tajjeb ħafna bih. Din is-sena fl-ewwel tiġrija ġie t-tieni.”
Kien bix-xieraq ukoll li nitkellmu fuq ħuha Aaron li ta’ 27 sena huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa sewwieqa tal-Power Boats li hawn fid-dinja.
“Jien u ħija naqblu ħafna flimkien. Kulfejn nistgħu ngħinu lil xulxin u dejjem għamilna dan bla problemi ta’ xejn. Bejnietna hemm unjoni kbira u magħna tingħaqad ukoll oħti l-kbira.
“Jien u ħija naħdmu l-fabbrika u allura kważi dejjem flimkien. Niftiehmu ħafna. Żgur li m’aħniex minn dawk l-aħwa li qishom kelb u qattus.
“Ħija rebaħ diġà l-best pilot tal-P1. Sabu li hu wieħed mill-aqwa li hawn fil-mument. Diġà bagħtu għalih mill-Amerika biex isuq xi ħaġa għalihom. Għadu żgħir u jaf x’inhu jagħmel. Kieku ħija jiddeċiedi li ma jsuqx aktar ix-Chaudron mill-ewwel isib dgħajsa oħra barranija. Imma hu qatt mhu se jagħmel dan minħabba li isem id-dgħajsa hija tal-familja tagħna.”
Minn dejjem kont kurjuż kif taħdem u topera Power Boat waqt tiġrija. Fl-opra tara dejjem żewġ persuni imma x-xogħol eżatt tagħhom ftit li xejn hawn min jaf x’jikkonsisti.
“Waqt it-tiġrija ħija jieħu ħsieb l-isteering u t-trottle. Dak tista’ tgħid li hu kollox. Jien quddiemi jkolli t-temperaturi tal-magna u l-preses ta’ l-ilma u affarijiet bħal dawn li jekk tkun sejra xi ħaġa ħażina fihom taf tieqaf faċilment. Il-helmets tagħna jkunu bil-mikrofoni u allura jien ngħidlu eżatt it-triq li għandu jieħu għax bil-veloċità mhux dejjem ikun eżatt.”
Mill-ftit f’ħajti li segwejt dan l-isport nista’ niġġudikah bħala wieħed perikoluż. Mhux l-ewwel darba li rajt Power Boats fuq it-televiżjoni jinqalbu bil-kontra bil-veloċità li jkunu għaddejjin biha.
“Aħna kellna nċident ukoll is-sena l-oħra fl-Ingilterra. Kien baħar imqalleb u ġiet mewġa li biha dħalna totalment taħt l-ilma. Konna qisna ħuta għaddejjin minn taħt l-ilma daqs kemm kienet kbira. Imma mhux xi ħaġa li taqtagħli qalbi. Jien m’jienix it-tip ta’ persuna li ngħid li minħabba f’hekk mhux se ntellaq aktar. Nammetti li huwa sport li fih ir-riskju tiegħu imma jagħtik pjaċir u sodisfazzjon kbir.”
Nitkellmu fuq it-tellieqa ta’ Malta. Audrien tgħidli li l-kontinġent Malti jħossu żvinturat li qatt ma nzertaw ġranet sbieħ għal dan l-avveniment.
“Il-kampjonat mondjali jibda minn Malta. U s’issa qatt ma rnexxa perfettament minħabba li dejjem inzerta riħ. Infatti diġà bdew jitkellmu biex imexxu d-dati ħalli jibdew joħorġu ġranet isbaħ. Il-bqija l-interess tan-nies u l-organizazzjoni huma eċċellenti. Aktar ma jgħaddi żmien aktar qed ninnota nies jieħdu interess f’dan l-isport. In-nies qed jistaqsu ħafna aktar u l-fatt li hemm aħna bħala kompetituri Maltin qed tgħin ħafna.”
L-opri tal-baħar huma magħrufa li jiswew ħafna flus u trid gelgul ta’ liri biex tmantni dgħajsa. Persuna b’paga medja m’għandha ċans qatt tipparteċipa f’xi ħaġa bħal din. Insaqsi lil Audrien xi kemm trid flus biex tikkompeti f’dawn it-tlielaq.
“Dan l-isport fih ħafna spejjeż u aħna għandna bżonn l-isponsors. L-ispejjeż biss biex tieħu sehem mingħajr dawk tad-dgħajsa jammontaw għal Lm35,000. Aħna jgħinna ħafna George Fenech tal-Portomaso. Ma naħsibx li ningħataw ħafna importanza mill-awtoritajiet konċernati. Il-problema dejjem tkun il-finanzi. Huma ftit dawk li jgħinuna imma l-bqija kulħadd bl-istess skuża li m’għandux finanzi. Imma ma nistax ngħid li l-media ma tgħiniex. Nies bħal Pierre Vella, Wilfred Sultana, Teddy Borg, Charles Camenzuli u Chris Cauchi jagħtuna importanza kbira. Kollha saru ħbieb tagħna sew.”
Imma bejn l-ibħra li jsuqu fihom, hemm differenza?
“L-iktar baħar diffiċli li tista’ ssuq fih huwa ta’ l-Ingilterra għax insuqu fil-Kanal Ingliż. Hemmhekk hemm ħafna kurrenti u dak jista’ jaħdem kontrik. Il-Mediterran il-biċċa l-kbira jkun bir-riħ imma ma tantx jaħdem. Il-Portugall il-baħar dejjem ġej mill-imbatt. L-ibħra kollha fihom tagħhom.”
Wara erba’ snin tikkompeti nistaqsiha liema kienet l-isbaħ esperjenza li kellha s’issa.
“Dik tas-sena l-oħra f’Gallipoli, l-Italja. Konna ġejna l-ewwel. Għamilna tiġrija mill-aqwa. Konna ħriġna l-ewwel u bqajna l-ewwel. Esperjenza sabiħa ħafna.”
Tqanqalli kurżità u nsaqsiha wkoll liema taħseb li hi l-aqwa Power Boat u l-aqwa sewwieq li hawn.
“Diffiċli tgħid liema hi l-aqwa Power Boat tad-dinja peress li jkun hemm ħafna bidliet minn staġun għall-ieħor. Però ma nistax ma nsemmix l-Outer Limits ta’ l-Amerikani.
“Jekk ikolli ngħidlek l-aqwa sewwieq indur fuq l-Ingliż Steve Curtis. Kien isuq id-dgħajsa Spirit Of Norway u diġà rebaħ il-kampjonat mondjali xi sitt darbiet.”
Intemm din l-intervista ma’ Audrien billi tgħidli kemm kien importanti għaliha u għal ħuha missierhom fil-ħajja tagħhom biex illum waslu s’hawn.
“Jekk ikolli naħseb fuq persuna li llum wassalna s’hawn jien u ħija ngħidlek li huwa missieri għax bis-saħħa tal-kuraġġ li dejjem kellu li jinvesti f’dan l-isport li jien u ħija għamilna dan is-suċċess.
“Minn naħa tagħna nippretendu li l-Gvern jgħinna u jagħti kas aktar tagħna. Nixtieq li jkollna aktar għajnuna finanzjarja. Jien nixtieq li nibqgħu nikbru f’dan it-tip ta’ sport biex finalment xi darba nirbħu l-kampjonat mondjali. Ix-Chaudron huwa prodott Malti u naħseb li kulħadd għandu jkun kburi bih. Nemmen li xejn mhu impossibbli.”
Audrien tirringrazzja…
“Nixtieq nirringrazzja lil George Fenech ta’ The Casino and Portomaso. Ir-Ravenol ukoll għax kienu huma li fittxewna u qalulna li xtaqu jagħtuna sponsor.
“Lill-MFCC ukoll, lill-Air Malta, il-Malta Maritime Authority u lil Malta Tourism Authority.
“Dawk li jixtiequ jkunu nfurmati aktar fuq dan l-isport jistgħu jidħlu fill-website tagħna li hija www.chaudronpowerboats.com jew inkella www.p1powerboat.com. Ninsab ċert li minn hemm persuna tibda tieħu aktar interess.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt