Franica Pulis tintervista lil Carmelo Debono fuq il-ħobża Maltija
“Il-ħobża Maltija, jekk tara kif tinħadem, mhemmx paragun fil-kwalità, fit-togħma u fis-saħħa tagħha ma’ dik ta’ barra! Il-ħobża hi partikulari u differenti. Biss biss hi ħobża li tista’ tittiekel ma’ kwalunkwe tip ta’ ikel mhux bħal ħobż barrani. Dan ma tistax tieklu biż-żejt jew ma’ l-istuffat.” Nenu Debono hu furnar Qormi li ilu jmexxi l-Maypole (Bakery) Ltd ma’ martu Angela mindu żżewġu fl-1973 u fetħu n-negozju għal rashom.
Xi ħaġa li laqtitni dwar Nenu hi li familtu kollha hi mdaħħla fin-negozju tal-ħobż, inklużi s-sitt itfal.
Staqsejtu kemm hu aħjar jew agħar li familtu kollha taħdem miegħu.
“Importanti ħafna għax għandek l-għajnuna ta’ nies li jifhmuk. Anki li l-mara tkun furnara importanti għax tkun tista’ tifhmek u tgħinek aħjar. Dan bħal kull sengħa oħra. Ħu mill-bidwi. Tajjeb li martu tkun bidwija bħalu għax tifhem minn xiex jgħaddi kuljum żewġha. U jekk ma tkunx hekk trid issir bħalu!”
Nenu għandu għal qalbu l-ħobża Maltija u jixtieq jaħdem biex din it-tradizzjoni gastronomika tibqa’ ħajja u tingħatalha l-importanza mistħoqqha. Imma jekk hu hekk għaliex xorta waħda jbigħ ħobż mhux Malti fil-ħwienet tiegħu?
“Illum trid tagħti għażla. Ma tistax tintrabat b’ħobża waħda. Aħna noffruha din l-għażla. Imma mill-klijenti tagħna ndunajna li l-għadd ta’ ħobż Malti tela’ għax il-kwalità tjiebet. Dan hu li jġegħilna nkunu konxji daqshekk fuq il-ħobża Maltija,” qal Carmelo.
Tant jemmen fil-prodott Malti li l-forn tiegħu reġa’ beda jaħmi l-ħobża is-samra. Din it-tradizzjoni kien jismagħha mingħand missieru ta’ meta fi żmien il-gwerra l-ħobż kien jinħadem bil-qamħa kollha nkluż il-qoxra ta’ barra biex ma jinħela xejn minnha.
Għalhekk reġa’ daħħal il-ħobża s-samra biex dik il-fibra tal-qoxra li sa ftit snin ilu kienet tmur għall-annimali biss illum tista’ tintuża għas-saħħa tal-bniedem.
Il-ħobża proprja Maltija, minn x’ħin tibda tintgħamel sa ma toħroġ mill-forn tieħu madwar seba’ jew tmien sigħat. L-għaġina l-ewwel titpoġġa f’żewġ kaxxi jew mejjilli żgħar. Imbagħad tqallibha kull siegħa biex tieħu l-ossiġnu li jkollha bżonn ħalli tikber u wara ssaqqiha f’mejjilla ikbar. Wara xi siegħa terġa’ titqatta’ ħobż u tinħabeż fil-forn.
Infatti dan il-proċess twil hu l-akbar problema għall-furnara ż-żgħar għax ikollhom jaħlu ħafna sigħat jistennew l-għaġina tiffermenta. Għal din ir-raġuni tiġihom għolja għax il-pagi ma jsarrfux l-ammont ta’ xogħol li jsir.
“Il-forn żgħir tiġih wisq għolja biex jistenna li l-għaġina tiffermenta kif suppost għal ħinijiet twal. Imma jekk imbagħad il-furnar jibda juża mezzi oħra biex inaqqsilha l-ħin tibda tonqos il-kwalità,” żied il-furnar.
Il-ħaddiema furnara ta’ Carmelo fil-fatt ma jagħmlux ħobż biss. Anzi sakemm jistennew li ssir l-għaġna huma jagħmlu xogħol ieħor. Għal din ir-raġuni jirnexxilu jieħu li jista’ mill-ħaddiema tiegħu għax it-tmien sigħat ma jaħluhomx jistennew u l-ħobża toħroġ Maltija kif suppost.
Naqbeż għal xi ħaġ’oħra: is-sengħa tal-furnar qiegħda tmut?
“Iż-żgħażagħ m’għandhomx interess. It-tfal meta jaraw lil missierhom u lil ommhom f’dik it-tbatija u jagħmlu dawk il-ħinijiet twal żgur li ma jitħajrux jieħdu s-sengħa tagħhom. Imbagħad ngħiduha kif inhi: mhemmx qligħ mill-ħobża Maltija weħidha. Allura li qed jiġri issa hu li jispiċċaw il-ġenituri mbagħad daqshekk. Mhemm ħadd min jidħol warajhom,” kompla jgħid b’ton tista’ tgħid inkwetat.
Infatti s-sid tal-forn isibha diffiċli biex iħaddem furnara ġodda miegħu.
“Aħna skola tal-furnara m’għandniex. Ikollok issib żgħażagħ u tibdielhom kollox mill-bidu. Nibagħtuhom ukoll korsijiet ta’ iġjene, saħħa u sigurtà.”
Staqsejtu kemm iddum biex persuna titgħallem is-sengħa tal-furnar u għalkemm dejjem jiddependi mill-persuna, xorta tieħu ħafna żmien.
“Anke jekk tkun tifel ta’ furnar tieħu ammont ta’ żmien biex titgħallem is-sengħa kollha għax kull għaġna mhix bħall-oħra. It-temp u l-istaġuni jaffettwaw il-ħin kollu fix-xogħol tagħna. L-id trid tidra
l-għaġna, għalhekk iddum biex titgħallem.”
Jispjega kemm hu bżonjuż li t-temperatura tkun stabbli l-ħin kollu. Żball fl-għaġna jew fit-temperatura tagħha jfissru ħafna keded għalxejn u ġieli anki jkollhom jarmu kollox u jerġgħu jibdew mill-ġdid.
Iqabbel ukoll ix-xogħol tiegħu kif sar issa ma’ kif kien qabel. Minħabba t-teknoloġija li saret tintuża f’xogħolhom jaħseb li s-sengħa qiegħda tintilef mod ieħor. Jagħti l-eżempju ta’ kif furnar ta’ l-esperjenza jaħdem bl-udit u jħoss l-għaġina b’idejh biex ikun jaf kemm għad baqagħlha biex issir.
“Dan iż-żmien il-kejl qed isir bl-użin u jintuża t-termometru biex tiċċekkja t-temperatura. Qabel anki l-ilma konna ntellgħuh aħna mill-ġiebja u nkejluh bl-għajn u mhux bl-użin.”
Indawwarlu d-diskors u nsaqsih dwar il-mawra ta’ ibnu fiċ-Ċina s-sena li għaddiet.
“It-tifel il-kbir Mario tela’ bħala furnar ma’ koki Maltin għal wirja ta’ ikel Malti fi Guangdong. Dan sar parti minn proġett organizzat mill-Malta China Friendship Society.
Għall-ewwel il-koki Ċiniżi damu biex aċċettaw l-ikel Mediterran inkluż il-ħobż imma wara xi tlett ijiem bdew imorru anke xi nies Ewropej li saru jafu li kien hemm il-Maltin. L-affarijiet malajr inbidlu. Wara li l-ħobż Malti u l-ftajjar li Mario kien jagħmel ta’ kuljum saru popolari, l-istess koki Ċiniżi bdew joħolqu riċetti bil-ħxejjex għal mal-ħobż u l-ftajjar.
Qbadniha fuq il-possibiltà li tieħu l-ħobż Malti barra minn xtutna. Fil-fatt hu semma li xi klijenti tagħhom Maltin jew turisti jixtru l-ħobża biex itellgħuha magħhom bħala rigal lil qrabathom qabel jitilqu. Iżda minkejja li tintogħġob daqshekk diffiċli tesportaha.
“Aktar tista’ tesporta s-sengħa milli l-ħobża. Jekk tesporta l-ħobż friżat jew misjur toqtollu jew ittelliflu mill-karatteristika tiegħu minħabba li jkollok iżżidlu xi additivi miegħu. Hekk naqgħu fl-istess dnub li ma tħallix il-ħobża proprja Maltija.”
Qabel nitlaq minn ħdejh il-furnar jitkellem dwar kemm ma jsir xejn f’dan il-pajjiż biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-furnara. Jikkritika l-fatt li ċerti flus intefqu f’ċertu reklamar bla sens meta dawn setgħu ntużaw biex itejbu l-kundizzjonijiet tagħhom li wara kollox qegħdin jipprovdu prodott li t-turist ifittex meta jirfes fuq il-gżejjer tagħna.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt