20 ta' Mejju 2007 • Nr 29

Arkivji




 

 

 

20 ta' Mejju 2007
Politiċi sekulari

Għandi dubju jħammem f’moħħi jekk persuni mgħammda fil-Knisja Kattolika Rumana għandhomx jagħtuha għall-politika u jsiru membri tal-Parlament.
Dubju bħal dan jitqanqal fija meta nagħti ħarsa u nara kif qed tinbidel is-soċjetà Maltija llum. Hi soċjetà wisq iktar miftuħa mill-imgħoddi meta kienet imkenna taħt l-umbrella assoluta tal-Knisja Kattolika.
Kif inhu xieraq illum għandna soċjetà li tagħraf denominazzjonijiet reliġjużi differenti. Għandna soċjetà li minnha ntemm l-assolutiżmu ta’ snin mhux tant ’il bogħod u tagħraf sitwazzjonijiet u orjentazzjonijiet ferm differenti minn dawk li fl-isfond tal-fidi jitqiesu bħala rabta qaddisa bejn raġel u mara bil-ħsieb ewlieni tal-prokreazzjoni ta’ l-ulied.
Għalhekk għandna interpretazzjonijiet differenti ta’ x’għandha tkun l-imġiba ta’ deputat parlamentari Kattoliku quddiem ħtiġijiet lajċi jew sekulari.
Bl-ebda mod mhu qed ngħid li d-deputati parlamentari Maltin għandhom ikunu anti-klerikali. Naħseb lanqas kieku jridu ma jistgħu jagħmlu dan għaliex l-ewwel kapitlu tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta jiddikjara li: ‘Malta hija repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ l-individwu u li r-reliġjon ta’ Malta hi r-Reliġjon Kattolika Appostolika Rumana.’
L-istess kapitlu jgħid li l-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika Appostolika Rumana għandhom id-dmir u l-jedd li jgħallmu liema prinċipji huma tajbin u liema huma ħżiena u li t-tagħlim reliġjuż tal-fidi Kattolika Appostolika Rumana għandu jkun provdut fl-iskejjel kollha ta’ l-Istat bħala parti mill-edukazzjoni obbligatorja.
Dawn huma żewġ punti ewlenin li fuqhom hi mibnija l-Kostituzzjoni. Forsi fihom nilmaħ ftit tal-kontradizzjoni jew anakroniżmu. Hi xi ftit ironika li filwaqt li fl-ewwel versi tal-Kostituzzjoni nistqarru li r-Repubblika Maltija hi bbażata fuq ix-xogħol u r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ l-individwu, fit-tieni paragrafu nisħqu li r-reliġjon ta’ Malta hi dik Kattolika Appostolika Rumana u nkomplu namplifikaw kif titħares din ir-reliġjon.
Meta konna soċjetà iktar magħluqa dikjarazzjoni simili ma kienet tqanqal ebda nuqqas ta’ qbil imma llum qed ngħixu fi żminijiet differenti. Forsi mhux bilfors aħjar imma kollox jindika li ċ-ċirkostanzi tal-lum huma differenti għal kollox minn dawk li kienu l-bieraħ.
Għalhekk meta nisma’ dikjarazzjonijiet assoluti minn irjus kbar Maltin bħal pereżempju fejn jidħol id-divorzju jew kif għandu jaġixxi deputat Kattoliku meta fil-Parlament ikunu diskussi kunċetti li jwessgħu l-bażi tat-tifsira tal-kelma ‘familja’ nistaqsi lili nnifsi x’għandhom ikunu l-prioritajiet ta’ deputat parlamentari.
Deputat parlamentari għandu joffri lis-soċjetà liġijiet li jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ l-individwu jew li jkun ristrett li l-ewwel u qabel kollox iħares it-tagħlim fundamentali tal-Knisja Kattolika?
Bħala Kattoliku nsibha bi tqila biex nasal naqbel li jsir żwieġ bejn raġel u raġel, jew bejn mara u mara. Iż-żwieġ nafu bħala sagrament bejn raġel u mara.
Imma żgur li l-leġislatur irid jagħti kas iktar lejn dak li jkun qed iseħħ fis-soċjetà u jrid jilleġiżla b’mod li fir-realtà u mhux fl-apparenza juri li tassew pajjiżna jkollu liġijiet li jiddefendu bis-sħiħ ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ l-individwu.
Il-leġiżlatur ma jistax jilgħabha ta’ ‘crusader’. M’aħniex ngħixu fi żmien Rikardu III. Jekk persuna li toħroġ għall-politika tara kunflitt bejn it-twemmin reliġjuż tagħha u dak li bħala tarka tas-soċjetà hi fid-dmir li tilleġiżla skond kif inhu meħtieġ allura postha mhux fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
Ċertament li għandna oqsma differenti tas-soċjetà li jħarsu lejn l-Istat u minnu jistennew li jsibu protezzjoni b’leġislazzjoni bilanċjati li jsaħħu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ l-individwu jkunu x’ikunu l-għażliet tiegħu.
Hu iktar minn ċar li l-Istat mhux se jilleġiżla favur id-dritt li bniedem joqtol imma xejn ma jżommu milli joffru protezzjoni lil dak is-sieħeb jew sieħba li jgħixu flimkien barra l-istat taż-żwieġ jew lil dawk l-individwi li l-orjentazzjoni sesswali tagħhom twassalhom biex ifittxu l-kumpanija ta’ persuni ta’ l-istess sess. Dan jagħmel iktar sens fl-isfond tal-għażla tal-poplu Malti u Għawdxi li pajjiżna jkun membru ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għalhekk nerġa’ lura minn fejn bdejt u nistaqsi: politiku ta’ fidi nisranija soda se jħossu komdu f’parlament sekulari li ma jistax jibqa’ ma jagħtix każ il-bidliet li jkunu qed iseħħu f’soċjetà lajka?

Saviour Cachia
hu ġurnalist veteran

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt