L-aħbar li l-inħawi tax-Xagħra l-Ħamra u l-Qortin fil-Mellieħa se jiġu żviluppati f’park tan-natura u l-istorja ntlaqgħet tajjeb minn kulħadd. Jista’ jkun li dawk li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu kienu jippreferu kieku din l-art intużat għall-iskop oriġinali li tinbena korsa tal-golf biex tiġbed iktar turisti ta’ kwalità lejn pajjiżna u b’hekk inkomplu nżidu ma’ l-isforzi li qed isiru biex din l-industrija nerġgħu nqajmuha fuq saqajha kif kienet darba.
Mill-banda l-oħra kulħadd jifhem li meta wieħed ipoġġi kollox f’miżien jasal għall-konklużjoni li filwaqt li l-korsa tal-golf verament għandna bżonnha iżda jagħmel iktar sens li din il-medda art tkun riabilitata b’mod li tista’ titgawda minn kulħadd mingħajr ma ssir ħsara ambjentali.
Ngħiduha kif inhi, matul is-snin iktar kien moħħna kif neqirdu l-art verġni naturali biex nibnu l-proprjetà, għax dak li jġib l-iżvilupp u l-progress, milli kif nikkultivaw u nieħdu ħsieb l-ambjent naturali li bih hija mżejna din il-gżira. Għalhekk din l-aħbar niżlet għasel fost il-poplu għax hekk nistgħu nserrħu moħħna li se jkollna x’imkien fejn nistgħu nerġgħu napprezzaw l-ambjent naturali u storiku u nieħdu ftit arja pura waqt li ngħaddu ż-żmien tal-mistrieħ.
L-idea li f’dan il-proġett ikunu involuti għaqdiet mhux governattivi li għandhom kredenzjali qawwija fejn jidħol il-wirt storiku u l-ħarsien ambjentali hu daqstant apprezzat u jixhed kemm hemm bżonn li nibdew naħdmu aktar b’mod organizzat u fi sforz wieħed mingħajr ma ħadd japprofitta ruħu biex joqgħod idoqq it-trumbetti inkluż l-istess Gvern li wara kollox fuqu waqgħet ir-responsabbiltà li jieħu deċiżjoni bħal din.
Dan għandu jkun l-proġett nazzjonali ta’ kulħadd u għalhekk kulħadd għandu jikkontribwixxi biex mill-iktar fis possibbli jinbeda, jitkompla u jitlesta fl-iqsar żmien.
Jekk il-Gvern reġa’ biddel fehimtu jew għamel kutrumbajsa biex fl-aħħar mill-aħħar ittieħdet l-aħjar deċiżjoni ma jnaqqas xejn mill-mertu tad-deċiżjoni għaqlija li ttieħdet. Jekk din kinitx U-turn jew l-istudju li sar sewa bagatella ta’ eluf ta’ liri jista’ jkun li jagħmel ħoss fil-konfini tal-politika tal-partiti imma bl-ebda mod ma jħalli impatt fuq l-apprezzament tal-poplu għad-deċiżjoni bis-sens li ttieħdet.
Naħseb li l-iktar ħaġa li ddejjaq lin-nies mhux il-fatt li jkun hemm ħsieb jew deċiżjoni u din ikollha tinbidel għall-aħjar, iżda li tinbet l-idea, titħabbar id-deċiżjoni mbagħad nieħdu seklu biex ingawdu l-frott tad-deċiżjoni. Kważi kważi nasal biex ngħid li ebda proġett li dħalna għalih ma rnexxielna nlestu fil-ħin, anzi b’uħud minnhom jieħdu ż-żmien twil esaġerat bħall-Isptar Mater Dei u l-proġett ta’ l-Imġarr u b’oħrajn jinbdew u ma jitkomplewx. Raġunijiet, skużi u ġustifikazzjonijiet issib kemm trid iżda li jgħodd hu r-riżultat aħħari.
F’dawn iż-żminijiet ta’ furur elettorali mbagħad għandna t-tendenzi li proġetti nibdewhom bl-iskop li nkunu nistgħu nsemmuhom fil-lista ta’ kisbiet fuq il-fuljetti ta’ propaganda għall-elezzjoni. U jekk proġett ikun ta’ ċertu kobor allura nittamaw li almenu nlestu l-ewwel fażi biex ikollna x’nuru. Imbagħad meta xi darba jitlesta, min jiftaħar bih għax ikun bdieh hu u min jiftaħar għax ikun spiccah hu.
L-aqwa li kulħadd ikun bill subajgħ!
Is-sens ta’ impenn professjonali donnu għadu nieqes fil-qasam ta’ proġetti infrastrutturali. Naturalment dan iwassal għal ineffiċjenzi, tberbiq ta’ flus u ħela ta’ riżorsi. U jekk niġu mbagħad għall-kontabbiltà tkun qisek qed issemmi lix-xitan!
Ma nifhimx kif għadna naħsbuha hekk meta ħafna minn dawn il-proġetti qed ikollhom sehem dirett mis-settur privat fejn l-operaturi huma mdorrijin jippjanaw b’mod li jilħqu l-miri proġettati għat-tlestija ta’ proġetti kbar.
Fuq livelli oħra jidher li fejn irridu, jew fejn nirrealizzaw li nistgħu naqilgħuha bil-frosta, nagħmlu dak kollu possibbli biex nilħqu l-miri fil-ħin. Il-Gvern verament wera impenn biex fi żmien tliet snin wasalna biex ilħaqna l-istat li minn Jannar li gej nibdew nużaw il-munita ewro. Ma kinitx triq faċli u għad irridu naqdfu iktar minn qabel biex inżommu livell ekonomiku sostenibbli kif tridna l-Unjoni Ewropea. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew ma waqfux mal-ftaħir u l-apprezzament tax-xogħol li għamel il-Gvern biex ilħaqna l-miri stipulati mit-Trattat ta’ Maastricht iżda widdbuna bil-pulit fuq kemm irridu naqtgħu iktar bi snienna f’diversi oqsma.
Semmew id-dejn nazzjonali, is-servizzi tas-saħħa, l-pensjonijiet u interessanti wkoll dak li rrimarka l-Bank Ċentrali Ewropew fejn qal li għaż-żmien li ġej ninħtieġu wkoll li nrażżnu ċ-ċaqliq ’il fuq tal-pagi u s-salarji għax dan jista’ jħalli effetti negattivi fuq l-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku hekk kif nidħlu fiż-żona ewro.
Importanti li nibqgħu nżommu r-ritmu biex insostnu l-ekonomija tagħna għaliex b’hekk nistgħu niggarantixxu kwalità ta’ ħajja aħjar. Bi kwalità nifhem li nkunu komdi biżżejjed biex niddedikaw ħin għall-mistrieħ fi spazju naturali fejn inkunu nistgħu nimirħu fih.
Għalhekk hemm bżonn li nuru l-istess determinazzjoni fil-proġett tax-Xagħra l-Ħamra biex dan ingawduh mhux biss għax ikun aċċessibbli imma wkoll għax l-iżvilupp ekonomiku jkun jippermetti li minflok naħdmu lejl u nhar, minn impjieg għall-ieħor biex inlaħħqu mal-ħajja, inkunu nistgħu niddedikaw ħin biżżejjed għall-mistrieħ f’ambjent naturali.
Kultant verament inħossuna fl-ispazju iżda li għandna bżonn hu li ngawdu n-natura fi spazju fejn inkunu nistgħu nimirħu.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt