20 ta' Mejju 2007 • Nr 29

Arkivji




 

 

 

20 ta' Mejju 2007
Wara 243 sena, Beccaria għadda żmienu?

1. Fl-1764 Cesare Beccaria, persuna distratta li ma tantx itajjar nar, anzi bniedem indeċiż għall-aħħar, ippubblika ktejjeb bl-isem ‘Dei Delitti e Delle Pene’. Dan id-dokument, għalkemm deher modest, fil-fatt kien u għadu wieħed mimli b’ideat. Ħsibijiet li biddlu liġijiet, influwenzaw diversi mexxejja Ewropej u li ġew tradotti f’diversi lingwi. Fil-fatt kitbietu sawru ħafna mill-ideat li wara sabu lilhom infushom inkorporati f’diversi dokumenti legali bħall-Kostituzzjoni Amerikana. Hemm diversi punti li jixirqu attenzjoni jekk wieħed irid jagħmel ġustizzja ma’ dik il-kitba. Imma hawn se nipprova nillimita ruħi għal uħud.

2. Beccaria rnexxielu jwassal il-messaġġ li l-liġijiet penali ta’ pajjiż jridu jkunu raġonevoli, jiġifieri jridu jwasslu bilanċ bejn id-dmir tal-gvernijiet li jkollhom sistema li tagħti l-pieni lil min hu ta’ theddida għas-soċjetà u l-individwu nnifsu. Hu qal: “Biex piena twassal għall-għan aħħari tagħha, id-dmir li tinfliġġi m’għandux ikun iżjed mill-vantaġġ li jista’ joħroġ mid-delitt.” Hu sostna li kull delitt li jaqbeż dak li hu strettament neċessarju biex iżomm persuna milli twettaq delitt għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed inġust.

3. Għalkemm sostna fil-fond it-teorija tad-deterrent, jiġifieri li l-bnedmin jibżgħu jikkommettu delitt għax jeħlu piena, ma qagħadx lura milli jikkritikaha. Jikkritika s-sistema u fl-istess ħin jissuġġerixxi metodi u regoli ġodda. Elenka numru ta’ prinċipji bħal per eżempju li l-liġijiet iridu jkunu ċari u sempliċi; li l-poplu kollu jrid ikun magħqud fl-għan li jiddefendi ruħu; il-liġijiet iridu jsiru mhux fil-konfront ta’ kategoriji ta’ nies imma għal kull bniedem; il-bnedmin għandhom jibżgħu mill-pieni li fihom il-liġijiet u xejn iktar; il-pieni jridu jkunu ċerti u iktar ma s-sentenza tingħata ftit wara li jitwettaq id-delitt, iktar tkun ġusta u bżonjuża. Ovvjament minflok il-ħlas ta’ ħsara bi ħsara b’sens ta’ vendikazzjoni, Beccaria ħass u saħaq li hemm bżonn ta’ waħda iktar utilitarja. Sostna li filwaqt li tipprova tirriforma lid-delinkwent u li żżommu milli jerġa’ jirrepeti d-delitt, fl-istess ħin iżżomm lill-oħrajn milli jwettqu.

4. Il-linja tiegħu kienet b’mod ċar ħafna: dik li tħares u tiżgura ġid għas-soċjetà. L-investiment futur irid jiġi kkunsidrat mill-effetti tal-piena fuq il-persuna li kkommetta dak l-att estern li s-soċjetà, permezz tal-parlament, tiddeċiedi li hu illegali u għalhekk kriminali. Ħidmet Cesare Beccaria stabbiliet dimensjoni oħra: dik li tħares lejn il-bniedem u l-Istat f’dawl kompletament ġdid. L-ispirtu umanistiku tiegħu ġiegħel ħafna mexxejja fil-monarkija Ewropea, bħal Katerina l-Kbira tar-Russja, jiċċaqilqu u jirriformaw is-sistema.

5. Imma l-ispirtu Beccarjan, għalkemm stabbilit u baqa’ jinfluwenza l-ħsieb tas-soċjetà, ngħid li għad fadlilna fejn nimxu fuqu. F’dinja fejn il-ġirien qed insiru nafuhom inqas u l-mezzi teknoloġiċi qed jippretendu ħajja fejn il-kuntatt uman progressivament qed jitnaqqas, hemm bżonn studju u diskussjoni ġdida. F’dawn is-sekli kollha li ħaddimna s-sistema penali, u cioè li min wettaq aġir illegali għandu jew jiġi mmultat jew mibgħut il-ħabs, hemm il-possibiltà li nerġgħu neżaminaw jekk dak li qed nagħmlu huwiex iħalli frott jew le.

6. Esponent mill-iktar interessanti, u naħseb li hu suċċessur denju ta’ Beccaria, hu n-Norveġiż Nils Christie. Dan il-professur tal-kriminoloġija jqajjem diversi punti verament interessanti f’kitbietu fuq is-sistema Ewropea li aħna nħaddmu. Huwa jgħid: “Penal law is a perfect instrument for certain purposes, but clumsy for others. It is one where we eliminate many concerns, and it is one based on dichotomies – all or nothing, guilty or not guilty. In many situations we are half guilty.”
Laqtuni l-iktar żewġ ħsibijiet li naħseb huma rilevanti. L-ewwel fejn hu jistaqsi jekk hemmx bżonn li kull aġir illegali u li jrid jiġi kontrollat, neċessarjament għandux isegwi d-duttrina tad-deterrent b’konsegwenza li l-persuna li twettaq dan l-att hi klassifikata bħala kriminali. Illum għadu aċċettabbli li f’kull liġi nikklassifikaw l-atti illegali bħala kriminali jew nistgħu mmorru għal linja oħra? It-tweġiba tas-soċjetà għall-aġir li tħoss li hu żbaljat għandha tkun din jew għandna nibdew inżidu l-multi amministrattivi iktar minn kriminali. Għax jgħid: “Crime is just one among several possible ways of looking at deplorable acts.”

7. It-tieni ħsieb li laqatni hu jekk nibqgħu fuq il-linja tal-bżonn li s-soċjetà tiġi protetta b’żieda kontinwa fil-Kodiċi u fil-liġijiet kriminali, dawn il-pieni huma adegwati jew le? Hu jgħid: “Punishment cannot be equal to damage. Victims and victim movements, will often feel deeply hurt when their sufferings are not reflected in the punishment on a basis of one to one.” Għax il-piena hi fil-fatt forma ta’ espressjoni simbolika. Ma tista’ qatt tkun ugwali għad-delitt fil-konfront ta’ min wettaq u fuq min twettaq id-delitt. Anqas ma hemm verament bilanċ bejn il-ħsara mġarrba u min sofriha.
Ladarba mill-esperjenza dan hu magħruf u aċċettat m’għandniex nerġgħu nqajmu l-punt u niddiskutuh mill-ġdid?

8. L-għan tal-Beccaria, u issa iktar fil-fond ta’ Christie, hu dak li mis-sistema penali eżistenti wieħed iżomm quddiem għajnejh li l-għan finali tagħha hi l-inflizzjoni ta’ ħsara għall-ħsara mġarrba. Hemm ukoll l-effett tad-deterrent, però l-għan aħħari għandu jkun dejjem ir-riforma vera ta’ min aġixxa illegalment. Il-maħfra fuq naħa u l-bżonn ta’ għarfien tar-responsabbiltà li titwieled mill-konsegwenzi ta’ l-aġir anti-soċjali għandhom jingħataw iktar attenzjoni f’dan is-seklu li bdejna. Wara tant snin, minn dik il-kitba “Dei Delitti e Delle Pene”, is-soċjetà tagħna għandha terġa’ tara u tistudja jekk is-sistema tagħna hix tilħaq l-għanijiet tagħha, u jekk le, kif tista’ tirriforma s-settur.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt