13 ta' Mejju 2007 • Nr 28

Arkivji




 

 

 

13 ta' Mejju 2007
Allons! Enfants de la Patrie!

Nicolas Sarkozy, li dalwaqt se jingħata l-ġurament bħala l-President il-ġdid ta’ Franza, kmieni l-ġimgħa li għaddiet għadda minn Malta minn fejn tela’ fuq yacht lussuż biex jagħmel mawra għall-kwiet fil-baħar Mediterran wara r-rebħa elettorali tiegħu tal-Ħadd li għadda. Rebħa li Lorenzo tagħna għandu ħafna x’jitgħallem minnha.
L-ewwel ħaġa hi li l-elettorat Franċiż ma ddejjaq xejn iċaħħad lix-Xellug minn rebħa għal tliet darbiet in fila. Il-Franċiżi għarfu li l-bidliet li jeħtieġ isiru fi Franza jistgħu jsiru mill-istess naħa ta’ l-ispektrum politiku li ilu jmexxi lil Franza għal 12-il sena minn mindu miet il-President Mitterand.
Jiġifieri Lorenzo għandu jwassal il-messaġġ li hu jista’ jkun il-promotur ġenwin tal-kambjament anki jekk il-PN jirbaħ tliet elezzjonijiet in fila.
U l-Franċiżi ma ddejqu xejn jivvutaw lil wieħed li kien Ministru taħt Chirac u li kien ħa ħafna deċiżjonijiet kontroversjali. Li tkun kapaċi u lest tieħu deċiżjonijiet kontroversjali tista’ tissarraf f’kapaċità biex twassal għal kambjament.
Imbagħad, minkejja li Segolene Royal kienet il-wiċċ frisk tal-kampanja elettorali, il-kamp ta’ Sarkozy irnexxielu jipperswadi lill-elettorat Franċiż li Royal ma kellhiex l-ħila li tmexxi lill-pajjiż b’mod li jixraq lil Franza u li gvern tagħha kien ikun wieħed inadegwat u inkompetenti.
Sarkozy ma qagħadx jgħid kemm Franza sejra tajjeb kif qed iredden Lorenzo kull nhar ta’ Ħadd iżda wiegħed li jwettaq il-bidliet meħtieġa. Lorenzo, dan l-aħħar, waqa’ wisq jiddefendi u jiftaħar kemm l-ekonomija tal-pajjiż sejra tajba. Jaħasra b’daqshekk m’hu qed jiġbed lil ħadd lejh. Ma’ kull taqlib, anki meta wieħed jikkonsidra kollox ma kollox, il-pajjiż dejjem jimxi ’l quddiem, imma dejjem se jkun hemm min ma jkunx mar tajjeb u l-ftaħir ta’ Lorenzo jservi biss biex jurta lil dawn in-nies. Il-poplu jitqanqal jekk ikollu l-promessa tal-futur u mhux billi tipprova tbiegħlu l-idea li l-affarijiet sejrin tajbin u allura m’għandna nibdlu xejn.
Il-periklu li tgħid li m’hemmx bżonn jinbidel il-partit fil-Gvern jista’ jinftiehem li m’hemm bżonn jinbidel xejn u hawn hu fejn il-PN ikompli jitlef il-voti flok jirkuprahom!
Fl-aħħar mill-aħħar, il-poplu Franċiż qabbel dik li ħaseb li hi l-kapaċità ta’ Sarkozy ma’ dik li ħaseb li kienet il-kapaċità ta’ Royal. U hawn Lorenzo jista’ jirbaħ, anki jekk s’issa ma tantx wera li lest joqgħod għal dawn it-tip ta’ paraguni.
Fil-kampanja tagħha Royal kemm-il darba wriet li l-politika tagħha hi waħda superfiċjali u anki bidlet il-pożizzjonijiet tagħha fuq diversi kwistjonijiet wara li kliemha stess kien daħħalha fi sqaq li ma jinfidx. Dan intuża mill-kamp ta’ Sarkozy biex iwassal lill-elettorat in-nuqqasijiet ta’ Royal.
Imbagħad kien hemm dik il-famuża żelqa waqt l-aħħar mumenti tal-kampanja elettorali: Segolene Royal ippruvat tbeżża’ lill-elettorat bl-impressjoni li Sarkozy hu wieħed tal-Lemin kważi estrem u saħansitra qalet li jekk jitla’ hu fi Franza jista’ jiġri d-demm. U l-poplu Franċiż kien matur biżżejjed biex ma jafdax lil min jipprova jbeżża’ bil-babaw.
Tassew li Lorenzo għandu ħafna x’jitgħallem mill-elezzjoni presidenzjali Franċiża. Żgur li messu nduna li s’issa l-istrateġija tal-PN hi bbażata fuq ħafna assunzjonijiet żbaljati. Il-PN x’jirbaħ għandu jekk iwarrab ir-ras iebsa ta’ min jaħseb li l-prinċipji tat-teatru għandhom ikunu applikati biex jinħoloq feel good factor!
B’daqsxejn aktar umiltà min qed ifassal l-istrateġija tal-PN għandu jirrealizza li dan il-feel good factor ma jinħoloqx billi l-Prim Ministru jirrepeti l-ħin kollu kemm l-ekonomija tagħna sejra tajba! Il-PN jieħu ftit lezzjonijiet mill-kampanja elettorali ta’ Nicolas Sarkozy għandu bżonn u mhux min jassigura lil Lorenzo li l-elezzjoni se jirbaħha għax il-calculator tiegħu hekk qallu.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt