13 ta' Mejju 2007 • Nr 28

Arkivji




 

 

 

13 ta' Mejju 2007
Bumerang

Verament kien l-1 ta’ Mejju u rawh nies inqas milli jarawh is-soltu. Anke jekk in-nies li jarawh is-soltu kulma jmur qegħdin jonqsu.
Qed nirreferi għall-iktar programm imħallas tajjeb mit-televizjoni ta’ l-Istat, jew aħjar, mill-Kaxxa ta’ Malta, jekk mhux b’mod assolut b’mod relattiv żgur meta tqabblu ma’ l-udjenzi li dejjem qed jonqsulu.
Mhemmx għalfejn ngħid, qed nirreferi għall-edizzjoni tal-programm ta’ Bondì meta kien mistieden it-Tabib Frank Portelli li fil-bidu tad-Disgħinijiet kien President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN u anki Deputat Parlamentari Nazzjonalista.
Sintendi l-preżentatur ħaseb li kien qed jilgħab politikament safe meta stieden lil xi ħadd li bħalu u fl-istess żmien kien uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista. Imma milli jidher Portelli, li issa ilu xi ftit jew wisq maqtugħ mill-politika, u l-magna Nazzjonalista tal-kontroll ta’ l-imħuħ m’għadhiex tagħmel daqshekk bih, esprima ruħu kemmxejn differenti minn kif wieħed seta’ jobsor minn xi ħadd li fil-passat kien jipproġetta ruħu ta’ suldat Nazzjonalista.
Kien proprju t-tieni programm dwar l-isptar Mater Dei f’temp ta’ ġimgħa. L-isptar li ilhom 13-il sena ġejjin bih u li s’issa għadna ma nafux bl-eżatt meta realistikament se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pazjenti.
Apparti li qed jinfetaħ għall-coffee mornings tal-kandidati Nazzjonalisti qabel mhu se jkun laqa’ fih imqar pazjent wieħed, dan l-isptar issa qed jinfetaħ ukoll għat-teatrini ta’ Becky u għat-talk-shows tas-Sur Bondì.
Għas-sens ta’ bilanċ il-preżentatur ħaseb li seta’ jserraħ rasu jekk jgħid li stieden il-kelliem tas-Saħħa ta’ l-Oppożizzjoni imma dan ma kienx preżenti għax kien impenjat fiċ-Ċelebrazzjoniet ta’ l-1 ta’ Mejju fil-Belt.

Żbilanċ
Naturalment bil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech, ta’ żewġ eks uffiċjali tal-PN u tar-rappreżentant tal-MAM, ‘il-bilanċ’ kif jaf iħawru s-Sur Bondì kien iggarantit.
Sa dil-gimgħa stess fi programm fuq One TV baqa’ jippersisti fil-gidba li hu qatt fi15-il sena ma immonopolizza s-slot tat-Tlieta wara l-aħbarijiet u ma ġie ċċensurat mill-Awtorità tax-Xandir.
Proprju fi Frar li għadda, f’każ li kont involut fih direttament jien, qala’ ċanfira mhux biss mill-BA imma anki mill-Bord Editorjali tal-PBS. Silta qasira mir-ruling ta’ l-Awtorità dwar dan il-każ, tikkonferma kemm is-Sur Bondì ma jiddejjaq xejn jigdeb f’wiċċ kulħadd:
“L-Awtorità tixtieq tesprimi d-disapprovazzjoni tagħha dwar il-fatt li l-preżentatur għoġbu jidħol f’konfrontazzjoni diretta mal-parteċipant in kwistjoni, anki b’kummenti ta’ natura partiġjana. Dawn it-tip ta’ kummenti fihom infushom jistgħu joħolqu żbilanċ politiku fi programm ta’ ġrajjiet ta’ llum, żbilanċ li jkun jikser il-provvedimenti relattivi kemm tal-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll ta’ l-Att dwar ix-Xandir.”

Fl-Iskozja
Imma niġi lura għall-bomba fil-veru sens tal-kelma li ħareġ biha Frank Portelli fil-programm ta’ l-1 ta’ Mejju. L-ewwel imbekkata li ta Frank Portelli, li mhux daqstant impressjonat bit-tlellix tal-Mater Dei, meta stqarr li mhux konvint li t-tax payer Malti se jieħu value for money ta’ Lm250 miljun li se jkunu ntefqu biex inbena dan l-isptar. “Miniex konvint f’dan is-sens.
Per eżempju dan l-aħħar irriċerkajt u sibt sptar f’Edinburgh, li hu n-New Royal Infirmary, li qisu l-isptar tagħna eżatt. Dan għandu 25 teatru ta’ l-operazzjonijiet, għandu l-istess footprint, attrezzat u komplut b’kollox eċċ eċċ. Dawn bnewh f’sitt snin, mis-sena 1996 sa l-2002. Aħna domna mill-1990 sa l-2007, 17-il sena.”
U fil-pront joħroġ għan-nofs is-sur Bondì bil-fire extinguisher biex jagħmel ftit damage control ħalli l-kontroll tal-programm ma jaħrabx għal kollox minn idejh. U b’ton qisu ħiereġ mill-oraklu ta’ l-Ipoġew interġetta mill-ewwel, “Għandek żball... wara 30 sena dan l-isptar ta’ Edinburgh ma jibqax aktar tal-Gvern Ingliz...”
Imma sewwa sew fejn u ta’ min kien dan l-iżball?! Żgur mhux ta’ Frank Portelli meta qal li l-isptar Skoċċiz ħa sitt snin biex jinbena u l-Mater Dei ħa aktar mid-doppju, fatt li ma jista’ jmerih ħadd u taħt l-ebda skuża mqanżħa minn fomm is-Sur Bondì.
Bħal dak li qallu jekk mill-Lm250 miljun tnaqqas is-somma li nefaq il-Gvern għall-espropjazzjoni ta’ l-art fejn inbena l-isptar f’Tal Qroqq, mhux xorta jibqa’ differenza ta’ iktar minn Lm100 miljun minn kemm ġie jiswa biex inbena dan l-isptar ġdid f’Edinburgh?
Imma l-importanti li l-preżentatur sehmu tah biex jinżera’ d-dubju dwar dak li kellu xi jgħid Frank Portelli.

Il-każ ta’ Poulson
Imbagħad ġejna għall-qofol tal-kwistjoni ta’ fejn setgħu marru d-differenza tal-flus li mhix riflessa f’value for money li se jkun ħa lura t-tax payer Malti. Portelli beda biex tana ftit sfond storiku dwar it-tixħim li kien għadda rigward l-iskandlu ta’ l-isptar ta’ Għawdex fi żmien Borg Olivier, Carmelo Caruana, John Poulson u Reginald Maudling.
Poulson, li kien involut f’wieħed mill-ikbar skandli ta’ korruzzjoni fl-Ingliterra, kellu jxaħħam biex ivara. Ħareġ somma flus li eventwalment kellha tispiċċa tmur għall-fond tal-bini ta’ l-istamperija Nazzjonalista f’Tal Pietà li kien immexxi minn Karmenu Ċaruana.
Bħala l-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Caruana kellu f’idejh l-għoti tal-kuntratt tal-bini ta’ l-isptar. Bil-flus għall-istamperija u bir-rigali li kien jagħti lil mara ta’ Maudling, li kellu ħabta meta l-affarijiet ikunu se jieħdu fit-tul jikteb lil Borg Olivier u lil Caruana biex jagħmel pressjoni fuqhom, Poulson intgħażel bħala perit, inġinier u quantity surveyor tal-proġett, minkejja li ma kellux reputazzjoni tajba u ma kienx rakkomandat mill-Crown Agents u mir-RIBA.
Kien sfond storiku interessanti li ta fuq fuq Frank Portelli biex jasal għall-Mater Dei fejn, skond hu, konvint li mhemmx il-value for money u allura d-differenza fil-flus ta’ bilfors għebet x’imkien.
“Korruzzjoni fl-ammont ta’ commissions li ngħataw down the line u li applikat kullimkien.”
Meta ġie sfidat minn Bondì biex jagħti evidenza ta’ dan, Portelli fil-pront semmielu l-każ ta’ dak li ġie offrut commission kbira u issa spiċċa l-ħabs. Bondì dak il-ħin ried l-art tibilgħu għax ir-referenza kienet ċara għal Joe Zahra, dak li sa ftit ilu kien parti mit-tim tal-produzzjoni ta’ l-istess Bondìplus.
Portelli semma wkoll commissions lil min xtara proprjetà li żgur ma kienx jiflaħ għaliha meta suppost kien qed jgħix bil-paga. Għal darb’oħra joħroġ is-Sur Bondì bil-fire extinguisher, mifxul kif kien li l-programm kien qed jieħu żvolta mhux mistennija...
“Jekk dak li qed tgħid hu minnu u għandek xi evidenza, int għandek obbligu li l-lejla stess tmur il-Kummissjoni tal-Korruzzjoni għand il-Pulizija u tirrapporta. Għax m’għamiltx hekk min naħa tiegħek?”
Is-Sur Bondì ħaseb li b’dan il-mod lil Portelli kien se jagħlaqlu ħalqu imma dan mill-ewwel wieġbu,
“Għax jagħmluli xi bomba!”
Wieħed mill-famużi ‘20 punt’ tal-PN kien jgħid “Tgħix f’darek bla biża’” biex imbagħad Portelli lanqas f’pajjiżu ma jista’ jgħix bla biża’. Jibża’ jitkellem f’pajjiż immexxi minn partit li tiegħu kien il-president, għax jekk jitkellem jagħmlulu bomba.
Insomma, edizzjoni ta’ dan il-program li għal darba kienet bomba f’kull sens. Bumerang li ġiet lura għal wiċċ minn tefagħha.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt