13 ta' Mejju 2007
Falzon imur pass lura Tar-Rabat hi “kwistjoni magħluqa” u frott “qalb muġugħa”
Kurt Sansone
Bejn daħka u oħra, id-Deputat Mexxej Laburista Michael Falzon ilbieraħ ipprova jnaqqas mit-ton aggressiv li tkellem bih il-Ħadd li għadda fir-Rabat dwar rapport li deher f’din il-gazzetta li kien jitkellem dwar email innoċenti li rċieva mingħand ammiratur u li wasslet biex din il-persuna tkun interrogata mill-Pulizija.
L-intervent ta’ Falzon ilbieraħ fl-ewwel parti tal-programm Spirtu Pront fuq One Radio tqies bħala irtirata parzjali għalkemm baqa’ jsostni l-istess affarijiet li qal il-Ħadd li għadda fir-Rabat.
Minkejja dan ħafna Laburisti xorta baqgħu b’togħma ħażina għax dak li seħħ il-Ħadd dgħajjef id-dehra ta’ partit magħqud, speċjalment lejlet elezzjoni ġenerali.
Fuq One Radio, b’sorpriża għal ħafna, Falzon għamel referenza għal xniegħa interna fl-MLP li s’issa kienet għadha ma ħarġitx fil-pubbliku. Falzon għamel referenza għal xi lista ta’ sitt ismijiet li jinkludu impjegati jew funzjonarji tal-Partit Laburista li allegatament hu għadda lill-Kummissarju tal-Pulizija biex ikunu investigati fuq ittri anonimi li rċieva.
Għal darba darbtejn Falzon ċaħad din ix-xniegħa: “Mhux minnu li rrappurtajt nies fil-partit” u “mhux vera li għaddejt xi sitt ismijiet lill-Pulizija”.
Id-diskors dwar xi lista ta’ nies li Falzon allegatament għadda lill-Pulizija ilu jingħad għal din l-aħħar ġimgħa fil-kuriduri tal-Partit Laburista u kien sors ta’ diżgwid qawwi bejn il-ħbieb ta’ Falzon u oħrajn li ma qablux ma’ l-attakk li għamel il-Ħadd fejn kixef il-qsim intern fil-partit.
Sorsi fil-Pulizija ikkonfermaw ma’ din il-gazzetta li meta l-ittra anonima u l-email għaddew għand il-pulizija għall-investigazzjoni kien indikat lilha wkoll min setgħu kienu l-persuni wara l-ittri mill-kwartieri Laburista. Jidher iżda li l-Pulizija fil-kors ta’ l-investigazzjoni ma kellhiex biżżejjed provi fuqxiex taħdem.
B’ton paternalistiku għall-aħħar mal-preżentatur Falzon reġa’ tenna l-attakk kontra l-ġurnalisti mingħajr ma semma lil ħadd b’ismu. Kien ovvju li fost l-oħrajn Falzon kien qed jirreferi għall-gazzetti ippubblikati mill-kumpanija MediaToday li tippubblika wkoll Illum, u l-Editur Maniġerjali tal-kumpanija, Saviour Balzan.
Intant fl-istqarrija uffiċjali li ħareġ il-Partit Laburista dwar id-diskors ta’ Falzon ma kien hemm l-ebda referenza għall-attakk tad-Deputat Mexxej fuq il-ġurnalisti.
Matul il-programm tar-radju Falzon sostna li hu kien lest li jieħu kull miżura biex jiddefendi lilu nnifsu minn dak li hu illegali.
“Fuq dak li għedt ir-Rabat… għamilt hit qisni,” qal Falzon b’nofs ċajta b’riferenza wkoll lejn xi kummenti li għaddewlu xi ħbieb tiegħu dwar kif matul din il-ġimgħa spiċċa qisu f’xi episodju ta’ Dallas.
Falzon saħaq li “l-ebda attakk kodard mhu se jwaqqafni mill-ħidma tiegħi b’riżq il-partit.” Qal ukoll li mhu se jaċċetta l-ebda attakk fuq il-bqija tat-tmexxija u se jibqa’ spalla ma’ spalla ma’ “Alfred u Charles” iġorr il-bandiera tal-partit.
Dwar l-alleanzi Falzon sostna li hu għandu erba’ alleanzi: “Ma’ dak li hu ikbar minni, Alla. Il-familja, il-ħbieb u alleanza mal-partit.”
Ċaħad li fil-partit kellu l-alleanza tiegħu iżda ammetta li għandu “nies iktar viċin.”
“M’għamiltx konġuri jew laqgħat magħluqa. Dak li kelli ngħid għidtu fil-miftuħ għax hekk jien,” sostna Falzon.
Hu tenna li dik tar-Rabat kienet “kwistjoni magħluqa” għalih u qal li r-reazzjoni tiegħu kienet frott “qalb muġugħa.”
X’ġara fir-Rabat
- Waqt laqgħa ta’ kull nhar ta’ Ħadd mal-partitarji fil-każin tar-Rabat, Michael Falzon jagħmel referenza għall-artiklu li deher f’Illum u l-opinjoni ta’ Saviour Balzan fil-gazzetta MaltaToday.
- L-istorja f’Illum hi dwar ammiratur li bagħat email innoċenti mhux iffirmata lil Michael Falzon fejn talbu biex jibqa’ wara l-mexxej għax il-partit għandu bżonnu u li minħabba fiha l-ammiratur spiċċa interrogat mill-pulizija. Jirriżulta li fl-istess żmien li dan l-ammiratur bagħat din l-email Falzon kien irċieva wkoll ittra anonima b’kontenut inġurjuż u mimli theddid.
- Falzon jattakka lill-ġurnalist Karl Stagno-Navarra u lil Saviour Balzan u jakkużahom li qed jindaħlu f’investigazzjoni tal-Pulizija.
- Falzon imbagħad jiftaħ qalbu dwar dak li għamel hu matul dawn l-aħħar xhur biex jiddefendi lilu nnifsu minn ittri anonimi li kien irċieva.
- Isostni li għadda l-ittri lill-Kummissarju tal-Pulizija u awtorizzah minn qabel biex jieħu passi kontra min ikun il-moħħ wara l-ittri.
- Falzon jgħid li l-Kummissarju jmissu jibgħat għal Saviour Balzan u jistaqsih dwar jekk jafx min hi l-id moħbija li bagħtet l-ittri anonimi.
- Jgħid ukoll li d-diskors li nkiteb fil-gazzetti kien ilu jingħad minn xi ħadd fil-Partit Laburista. Itarraf ukoll dwar inċident li seħħ wara l-burraxka Laburista fl-1998 fejn xi impjegat tal-MLP kien tkellem ma’ qarib ta’ Falzon u qallu li wara t-tluq ta’ George Abela issa jmiss lil Falzon jitlaq.
- L-isplużjoni ta’ Falzon isseħħ fil-preżenza tal-mexxej Laburista Alfred Sant li jidher mismut b’dak li qed jintqal. Sant ma jagħmel l-ebda riferenza għad-diskors ta’ Falzon meta mbagħad jindirizza lill-partitarji.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt