13 ta' Mejju 2007 • Nr 28

Arkivji




 

 

 

13 ta' Mejju 2007

Il-Knisja u l-politika

TONI

Hu l-akbar pajjiż bl-akbar konċentrament ta’ Nsara fid-dinja. 140 miljun Kattoliku b’kollox. Minkejja dan, l-abort hu permess f’żewġ ċirkostanzi speċifici biss – biex tiġi salvata l-ħajja ta’ l-omm u f’każ ta’ tqala b’konsegwenza ta’ stupru. B’dan kollu hu stmat li kull sena jitwettqu bejn miljun u żewġ miljuni abort f’dawk li tlaqqmu bħala l-‘fabbriki ta’ l-anġli’. Dan hu l-Brażil.
F’dan ix-xenarju seħħet iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’dan il-pajjiż. Lanqas laħaq rifes l-art li f’konferenza stampa rari ħafna minn fuq l-ajruplan mill-ewwel għamel referenza għall-pożizzjoni tal-Knsija dwar l-introduzzjoni liberali ta’ l-abort fil-Brazil. Anzi aktar minn referenza, kienet dikjarazzjoni ta’ gwerra kontra dawk il-politiċi Brażiljani li kienu favur l-abort.
Mingħajr tbaqbiq qal li l-Knisja ma kinitx se toqgħod lura milli tagħmel użu mill-arma ta’ l-iskomunika kontra dawn il-politiċi. Dikjarazzjoni li tinstema’ ddarras daqs raspa fi żminijiet fejn kulħadd kien jaħseb li l-Iskomunika kienet saret biċċa għodda reliġjuża biex titqiegħed fil-mużewijiet, bħal għodod tat-tortura ta’ żmien l-inkwiżizzjoni Spanjola.
Il-Knisja taf li fil-Brazil, frott tal-problemi soċjali kbar li jifnu lill-poplu Brażiljan ta’ kuljum, qiegħda titlef ħafna fidili. Hu stmat li matul dawn l-aħħar snin il-kattolici fil-Brażil naqsu b’madwar 25 fil-mija. Il-Knisja taf, li reliġjonijiet oħra bħall-Pentekostali qegħdin dejjem jikbru f’dan il-pajjiż u taf ukoll li bħal f’kull pajjiż ieħor, li l-Insara f’dak il-pajjiż qegħdin aktar ma jmorru jibirdu u ftit jagħtu kas il-preċetti tal-Knisja. Issa l-Knisja f’dan il-pajjiż ma kinitx nieqsa minn qassisin li kienu jew għadhom feroċement impenjati kemm soċjalment kif ukoll politikament – biżżejjed insemmi lill-Isqof Helder Camara bix-xogħol li wettaq f’Recife qalb l-ifqar fost il-fqar. Iżda konxju li l-Knisja Kattolika qiegħda tinxef u tinxtorob f’dan il-pajjiż, il-Papa mess korda li mingħalih tirrivampa l-entużjażmu tal-poplu Brażiljan għat-tagħlim tal-Knisja Kattolika – l-abort!
Iżda l-Papa Benedittu XVI mhux jintebaħ li bil-mod li l-Knisja qed tittratta s-suġġett hemm il-possibiltà li tagħmel ħsara lilha nfisha aktar. Il-fundamentaliżmu tal-Knisja Kattolika f’dan il-pajjiż, li saħansitra qiegħda topponi kampanja governattiva favur l-użu tal-condoms minħabba li l-marda ta’ l-AIDS f’dan il-pajjiż b’mod allarmanti tirvina ħafna familji, aktar se tagħmilha ħsara milli ġid.
F’pajjiż fejn kull familja għandha minn 10 sa 12-il tifel u tifla. F’pajjiż fejn il-President hu nnifsu ġej minn familja fqira u numeruża u fejn jingħad li meta kien għarus kien ħeġġeġ lill-għarusa biex twettaq abort. F’pajjiż fejn ħafna tfal abbandunati jiġu litteralment ikkaċċjati u maqtula fit-toroq ta’ Rio de Janeiro. It-tattika tal-Knisja fil-Brażil hi żbaljata.
Żbaljata wkoll għax il-Knisja qiegħda thedded li tirrikori għall-metodi li m’għandhomx mill-perswazjoni iżda mill-impożizzjoni. Hemm il-periklu li l-arloġġ jitreġġa’ lura għaż-żmien meta ma kontx tagħraf fejn jibda l-poter temporali ta’ gvernijiet ċivili minn dawk extra legali ta’ l-awtoritajiet ekkleżjastici.
Bħal min m’għandux jitħalla jinfluwenza l-aġenda politika għax huwa b’saħħtu finanzjarjament billi jixtri lil dan u lil dak il-partit, il-Knisja bl-istess mod m’għandhiex tieħu vantaġġ mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-soċjetà, fejn għadha dominanti, billi ‘tinforza’ lill-politiku jagħmel dak liakkost ta’ kollox trid hi. Min jagħmel hekk f’dawn iċ-ċirkostanzi jkun qiegħed jimmina proċess storiku li ħa mijiet ta’ snin biex evolva – kemm jekk jagħmlu bi flus jew bis-salib.
Aħna l-Maltin, aktar minn kull pajjiż ieħor, nafu xi jfisser l-indħil tal-Knisja sfaċċat u dirett fil-kamp politiku. Iż-żminijiet tas-Sittinijiet u l-impożizzjoni ta’ l-interdett fuq l-eżekuttiv tal-Partit Laburista, li joqrob sewwa lejn l-iskomunika, ħalla effett trawmatiku fuq dawk li għexu dawk iż-żminijiet u anke fuq il-memorja kollettiva tan-nazzjon Malti. Il-lum, ’il fuq minn 40 sena wara, għalkemm rarament jissemma’ u lanqas hemm l-iċken referenza għalih fil-kotba ta’ l-istorja fuq il-bankijiet ta’ l-iskola ta’ wliedna, xorta għadna nħossuh. Ta’ qabel jirrakkuntaw stejjer lil ta’ warajhom fuq il-kruha li l-Knisja tindaħal direttament fi ħwejjeġ politiċi.
Il-Knisja m’għandhiex tindaħal b’mod li b’xi mod iġib il-politiċi b’daharhom mal-ħajt jew, agħar minn hekk tipprova tinfluwenza l-opinjoni pubblika fiż-żminijiet sensittivi ta’ l-elezzjonijiet.
Minħabba f’hekk kien hemm gvernijiet faxxisti, bħalma seħħ fi Spanja u f’postijiet oħrajn, li bl-appoġġ tal-Knisja lokali eskludew partiti politiċi b’aġenda soċjali qawwija.
F’Malta fl-1974 il-Kostituzzjoni Maltija naqqxet dan il-prinċipju li kien wieħed mis-sitt punti li l-Labour Party kien ilu jiġġieled għalihom. Kien għalhekk li daħlu r-reati ta’ korruzzjoni u atti illegali, proprju biex tiġi evitata l-esperjenza qarsa tas-Sittinijiet fejn il-Knisja kienet determinanti biex tinfluwenza l-gvern u saħansitra timminah. Dawn iż-żminijiet għaddew – għall-inqas.
Fil-każ ta’ l-abort fil-Brażil dan il-mostru jista’ jkun li qiegħed jerġa’ jerfa’ rasu. Minn dak li qrajt, bil-mod feroċi kif il-Knisja ħarget qatta bla ħabel kontra dawk il-politiċi li jappoġġjaw abort liberali, intimidat xi ftit jew wisq lill-awtoritajiet ċivili tal-pajjiż.
F’Lula, waqt li kien qiegħed jagħmel id-diskors tiegħu fil-preżenza tal-Papa, ilmaħt bniedem grixti, imbeżżgħa u attent ħafna għal dak li qiegħed jgħid għax diġa’ għadda minn esperjenza qarsa meta waqt l-elezzjonijiet ħafna ekkleżjastiċi mexxewhielu li kien għamel kuraġġ lit-tfajla li kienet toħroġ miegħu meta kien zgħir biex twettaq abort.
Noqogħdu attenti li dan ma jiġrix f’Malta. Bħalissa l-proposti isteriċi li qegħdin isiru biex jorbtu jdejn il-politiku bil-Kostituzzjoni għandha din ir-riħa. F’Malta l-Kurja qed toqgħod lura però m’għandi l-ebda dubju li ċerti għaqdiet huma marjonetti.
Mill-banda l-oħra ma nistgħux ninsew li l-Kurja, bħal kull għaqda għandha dritt għall-opinjoni tagħha – għandha dritt li ssemma leħinha, hi lobby daqs kull għaqda oħra li għandha opinjoni, biex min-naħa l-oħra ma mmorrux għall-estrem l-ieħor li nsiru fundamentalisti aħna b’mod li noħonqulha d-dritt tagħha li ssemma leħinha.
Irridu noqogħdu fuq il-ponot ta’ subgħajna – bħalma għamlu dan l-aħħar it-Torok li ma jridux li ma jibqgħux aktar distingwibbli bejn Ċesri u Kristu. Kulħadd għandu d-dritt għall-opinjoni, però ħadd m’għandu d-dritt li jirrikorri għal kull mezz possibbli biex jimponiha fuq ħaddieħor.

PEPPI

Il-Knisja mhux biss għandha d-dritt imma d-dmir li titkellem dwar il-politika.
Jekk dan jitqies bħala ndħil allura nemmen li l-Knisja għandha d-dritt u d-dmir li tindaħal u saħansitra fejn ikun hemm il-ħtieġa tindika lil- liema partit in-nisrani għandu jew m’għandux jivvota.
Personalment inħoss li l-Knisja f’Malta ssir dejjem irrelevanti proprju għax ma titkellimx u tibqa’ siekta fuq ħafna kwistjonijiet politiċi minħabba l-biża’ li għandha fuq dak li sfortunatament kien ġara fis-Sittinijiet.
Jekk f’Malta jitwieled partit li fil-manifest elettorali tiegħu jwiegħed li se jkeċċi lill-immigranti llegali kollha minn Malta għax għalih Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox, il-Knisja għandha tibqa’ siekta?
Jekk dan l-istess partit jipproponi sistema fejn dawk kollha omosesswali għandhom jintefgħu fuq Kemmuna u jitħallew jgħixu hemm ’il bogħod mis-soċjetà, il-Knisja għandha tibqa’ muta?
Jekk l-istess partit imexxi l-idea, kif kien hemm partit fl-Olanda dan l-aħħar li l-pedofelija għandha tkun legali, il-Knisja, biex ħadd ma jifhimha ħażin, għandha tagħlaq ħalqha u tabdika milli tiddefendi lit-tfal żgħar minn abbuż oxxen?
X’tagħmel il-Knisja jekk il-Gvern jitħajjar idaħħal il-piena kapitali f’Malta? Fejn kienet il-Knisja meta fit-Tmeninijiet it-tortura kienet parti mis-sistema tal-forzi ta’ l-ordni ta’ dak iż-żmien? Siekta. Moħbija. Tal-mistħija.
Dawn mhumiex estremitajiet li mhux qed joħlom bihom xi ħadd.
Dawn kwistjonijiet li anki f’Malta qamu u jerġgħu jqumu u s’issa l-Knisja Maltija tibqa’ kwieta jew forsi toħroġ xi pastorali li apposta ma tkunx tiftiehem biex hekk kulħadd jaħseb li l-Knisja qablet miegħu jew magħha.
Hi xi ħaġa tajba li l-Knisja kienet tkellmet biex fil-Kunsilli Lokali ma jidħlux il-partiti politiċi.
Għalija personali kienet qalet ereżija iżda għamlet tajjeb li tkellmet jekk verament kienet taħseb hekk. L-istess tkellmet meta xi partit qanqal il-kwistjoni tad-divorzju. Sewwa għamlet li ħadet pożizzjoni kontra, anki jekk ma nifhimx kif bħala leġislazzjoni għadna l-uniku pajjiż niddiskutu d-divorzju.
Kemm qagħdet attenta l-Knisja biex ma tinftiehemx li hi kontra jew favur li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea!
Allura tfisser li għax l-Arċisqof jew il-Papa jitkellmu kontra l-morning after pill il-politiċi għandhom jagħmlu li tgħid il-Knisja? Assolutament le. Il-politiċi għandhom jagħmlu dak li wiegħdu u jkunu lesti li jmorru kontra t-tagħlim tal-Knisja jekk il-politiku jħoss li hu fl-aħjar interess tan-nies.
F’Malta għandna Knisja siekta u politiċi li jibżgħu mill-Knisja iżjed milli jibżgħu mill-partiti l-oħra. Tafu kemm niltaqa’ ma’ politiċi li jgħiduli: “Jiena naqbel mad-divorzju”, jew “Jiena naqbel maż-żwieġ bejn l-omosesswali”, jew “Jiena naqbel mal-legalizzazzjoni tas-soft drugs.”
Imma ma jgħiduhomx fil-pubbliku għax jibżgħu li jitilfu l-voti. Ma nafx minn xiex jibżgħu għax fl-Istat li tinsab fih il-Knisja sal-lum, siekta se tibqa’.
Il-Knisja għandha d-dritt u d-dmir li titkellem u tipproponi anki alternattivi. Iżda l-politiċi m’għandhom l-ebda dmir u kultant lanqas id-dritt li jisimgħu minnha. Lanqas hu sew kif għaddiet il-liġi taż-żwieġ fejn id-deċiżjonijiet tal-Knisja jsiru parti mil-liġi. Dakinhar min fassal dik il-liġi għamilha iktar ta’ Kardinal milli ta’ Prim Ministru.
Ma naqbilx lanqas li l-Knisja għandha jkollha sehem fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u l-kurrikulu li jiggwida t-tagħlim ta’ uliedna.
Anzi ngħid li t-tfal żgħar m’għandhomx jitgħallmu r-reliġjon Kattolika fil-klassi iżda dwar ir-reliġjon Kattolika, dik Musulmana u l-bqija f’qafas ta’ storja u antropoloġija. It-tfal żgħar għandhom jitgħallmu jiddiskutu kwistjonijiet soċjali f’kuntest ta’ valuri fundamentali u universali. Nemmen li l-Knisja tindaħal fl-iskejjel ta’ l-Istat u m’għandha l-ebda dritt tagħmel dan.
Imbagħad meta nikbru u nisimgħu lill-Knisja titkellem fuq kwistjonijet u aħna bħala ċittadini mhux brainwashed mill-istess reliġjon inkunu nafu nagħżlu dak li nħossu li hu l-aħjar u niddiskutu l-argumenti anki b’mod l-iktar imqanqal l-argumenti.
Min jgħid li l-Knisja m’għandiex tindaħal fil-politika allura jew hu jew jiena fhimna lil Kristu b’mod radikalment differenti.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt