13 ta' Mejju 2007
L-ebda twissija f’Malta dwar addittivi fl-ikel
Julia Farrugia
Esperti fl-Ingilterra li jispeċjalizzaw fil-livell tal-kwalità ta’ l-ikel matul din il-ġimgħa wissew lill-ġenituri biex ineħħu għal kollox ċerti sustanzi mid-dieta ta’ uliedhom.
L-istħarriġ xjentifiku li sar fl-Università ta’ Southampton wera li xi ingredjenti qed iwasslu biex it-tfal ikollhom imġiba differenti u bi problemi.
Meta saret l-analiżi fuq tfal ta’ tliet snin u dawk ta’ bejn tmienja u disa’ snin instab li dawn kellhom sintomi komuni fosthom attakki ta’ rabja, aktar kienu aktar imqarbin, ma jikkonċentrawx u jkollhom allerġiji differenti. Dawn ir-riżultati jsaħħu studji li kienu saru seba’ snin ilu.
Ħafna minn dawn l-addittivi jinsabu f’ikel proċessat, f’ħelu u f’xarbiet differenti.
Is-sustanzi meqjusa bħala li qed joħolqu l-problemi huma tartrazine (E102), Carmoisine (E122), ponceau 4R (E124), sunset yellow E110) u red AC (E129). Fil-lista hemm ukoll il-priżervattiv (sustanza qawwija li xogħolha hu li tippriżerva ikel biex ma jmurx) bl-isem ta’ sodium benzoate (E211).
Sal-lum dawn is-sustanzi kollha jistgħu jintużaw f’pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Madankollu l-użu ta’ ħafna minnhom hu ipprojbit f’pajjiżi Skandinavi u fl-Istati Uniti.
Meta kkuntattjati minn din il-gazzetta l-Awtoritajiet Maltin qalu li kienu għadhom mhux mgħarrfa b’xi żviluppi ta’ din ix-xorta għaliex normalment il-pajjiżi kollha jirċievu twissija bis-sistema magħruf bħala “Rapid Alert”.
Aktar tard, John Attard Kingswell, Spettur tas-Saħħa, sostna li “hu l-obbligu ta’ l-European Food Safety Authority, l-EFSA, illi tagħmel risk assessment biex jiġi evalwat jekk ċerti studji jkunux xjentifikament korretti.”
“Jekk dan ikun il-każ,” sostna Attard Kingswell, “allura l-EFSA tinforma lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe azzjoni li jidhrilha li tkun xierqa.
“Dan id-Dipartiment hu nfurmat li qed issir evalwazzjoni ġdida fuq dawn is-sustanzi mill-EFSA u l-proċess hu maħsub li jintemm sas-sena d-dieħla.
“Għaldaqstant ikun kmieni wisq u żbaljat li f’dan l-istadju ġenituri jingħataw xi parir biex ma jitimgħux ikel lit-tfal li jkun fih dawn is-sustanzi, aktar u aktar meta dawn is-sustanzi huma awtorizzati u għaldaqstant jintużaw f’ħafna tipi ta’ ikel,” kompla jsostni Attard Kingswell.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt