Sfumat fix-xejn l-urġenza li biha kien jitkellem il-Prim Ministru dwar il-ħtieġa ta’ żewġ korsijiet tal-golf, waħda f’Malta u l-oħra f’Għawdex, li sa ftit xhur ilu kienu essenzjali għat-turiżmu f’pajjiżna.
Ilbieraħ Lawrence Gonzi ħabbar li l-Gvern uffiċjalment abbanduna l-idea li ssir korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra f’Għajn Tuffieħa u minflok is-sit se jinbidel f’park patrimonjali tal-wirt naturali.
Id-deċiżjoni tal-Gvern intlaqgħet b’mod pożittiv mill-għaqdiet ambjentali u l-bdiewa tal-Manikata li kienu se jitilfu r-raba’ mqabbla lilhom kieku kellha ssir il-korsa tal-golf.
Iżda mit-tweġiba li ta Gonzi għal mistoqsija li saritlu minn din il-gazzetta dwar il-politika tal-Gvern fir-rigward ta’ siti alternattivi għal korsa tal-golf joħroġ ċar li din m’għadhiex priorità.
“Jekk titfaċċa proposta li tkun sostenibbli u li tista’ titwettaq u ma tagħmilx ħsara lil pajjiżna fil-qasam ambjentali l-Gvern lest li jikkunsidraha. Aħna mhu se nagħmlu xejn li mhuwiex sostenibbli anki b’konsegwenza għat-titjib tal-prodott turistiku.”
Dan id-diskors jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li kien intqal minn Gonzi f’Settembru ta’ l-2004 meta tenna li żewġ korsijiet tal-golf huma essenzjali għall-iżvilupp turistiku ta’ pajjiżna.
Il-park fix-Xagħra l-Ħamra se jkun fuq medda ta’ 2.6 kilometri kwadri, bejn wieħed u ieħor ħames darbiet ikbar mill-Belt, u se jkun immexxi mill-għaqdiet Nature Trust u Din l-Art Ħelwa.
Il-park, li se jżomm iż-żona fl-istat naturali tagħha, se joffri opportunitajiet ta’ rikreazzjoni għall-pubbliku, abseiling, passiġġati u attivitajiet oħra ta’ serħan.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt