13 ta' Mejju 2007
Sultan f’palazz b’ 100 sena storja
Li club jagħlaq 100 sena ta’ storja mhux ċajta. Imbgħad f’pajjiż bħal Malta ħaġa bħal din hi aktar diffiċli milli wieħed jaħseb meta tikkunsidra li kważi l-ebda club Malti m’għandu dħul mill-futbol.
Ħamrun Spartans hu wieħed mill-clubs glorjużi ta’ pajjiżna. Anki jekk ilhom is-snin ma jkollhom skwadra li tikkompeti fil-kampjonat Premier, baqgħu wieħed mill-aktar clubs popolari fil-gżira. Iddominaw is-Snin 80 u din is-sena żiedu unur ieħor hekk kif rebħu l-kampjonat ta’ l-Ewwel Diviżjoni u sparaw ruħhom fl-ogħla kampjonat Malti, proprju fejn jixirqilhom.
Din id-darba ċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom jistgħu jkunu jfissru ħafna aktar minn normal għax ħabtu m’għeluq iċ-ċentinarju ta’ dan il-club glorjuż.
Il-Ħamruniżi jibqgħu magħrufin għall-briju u l-ispettaklu li joffru. Tista’ ma tkunx Ħamruniż però hu fatt u kulħadd jammetti li l-kampjonat Premier mingħajrhom qisu platt għaġin mingħajr zalza.
Wara li t-tim ta’ San Gejtanu akkwista dan is-suċċess ħsibt li hu l-mument opportun biex din l-intervista nagħmilha mal-captain ta’ din l-iskwadra li ta’ 38 sena għadu idolu fost il-Ħamruniżi bil-253 goal li skorja s’issa fil-karriera tiegħu. Ħadd s’issa ma rnexxilu jiskorja daqshekk fl-istorja tal-futbol Malti u jekk wieħed jagħti ħarsa lejn dawk li jsegwuh f’din l-istatistika, wieħed isib li diffiċli ħafna biex tinqabeż din iċ-ċifra.
Ma’ Stefan iltqajt it-Tnejn li għadda fil-Victor Tedesco Stadium fil-ħin li kien qed jikkowċja lill-youths tal-Ħamrun. Poġġejna fuq il-bank tar-riservi f’dan il-gound meraviljuż, proprju fl-uniku post għall-kenn li kien hemm. Lil Stefan kont nafu ftit. Qatt ma kelli ċ-ċans li nitkellem miegħu daqshekk fit-tul. Bħalma nagħmlu bejnietna kulmeta niltaqgħu Stefan ikellimni fuq il-Juventus.
B’attenzjoni liema bħala, waqt li nagħmillu l-mistoqsijiet li kelli ppreparati, għajnejh ma qatgħu qatt minn fuq l-istruzzjonijiet li kien għadu kemm ta lit-tim tiegħu biex jitħarreġ.
“Jien raġel tal-familja, plejer u kowċ fin-nursery ta’ Ħamrun Spartans. Taħlita ta’ kollox f’daqqa. Naħseb li jien bniedem ċajtier u dejjem nara kif se nivvinta ċ-ċajt. Ħafna nies li ma jafunix jaħsbu li jien xi bniedem stramb għax kważi dejjem hekk jgħiduli. Rari ngerger b’xi ħaġa, anzi, persuna tgerger għal xejn iddejjaqni.
“Kont immur skola is-Seminarju tal-Virtù. Kien rani Dun Anton Portelli u staqsieni nkunx interessat ningħaqad mal-Ħamrun Liberty. Wara ġimagħtejn bdejt niġi u xi tliet xhur wara beda jiġi ħija wkoll.
“Konrad m’għadux jilgħab għax kien weġġa’ rkoptu u ma setax ikompli. Sfortunatament hawn Malta meta plejer iweġġa’ jkollu jaqdef għal rasu u l-operazzjoni li kellu bżonn jagħmel ma saritx. Waqaf ta’ 35 sena.
“Illum jien ngħallem l-Edukazzjoni Fiżika fil-Junior Lyceum tal-Ħandaq. Din hi s-sitt sena tiegħi hemm u qabel għallimt ukoll fit-Technical Institue”.
Bejn skola, futbol u familja nistaqsih kif iqassam il-ġurnata tiegħu.
“Mill-iskola nibqa’ ġej nikkowċja fin-nursery. Imbagħad ikolli t-taħriġ u nerġa’ lura d-dar fit-tard. Ili għaddej b’din ir-rutina snin sħaħ.
“Jien sirt ftit popolari bis-saħħa tal-Ħamrun Spartans. Bdejt magħhom minn meta kelli 11-il sena u għadni sa llum. Li tagħmel 27 sena f’post mhux ċajta. Kwart ta’ seklu qattajtu ma’ dan il-club. Il-parti l-kbira minn ħajti għextha ma’ dawn in-nies. Dak iż-żmien kont bdejt il-Hamrun Liberty. Għalkemm jien Żabbari, il-Ħamrun jibqa’ għal dejjem parti importanti f’ħajti.”
Stefan Sultana hu Żabbari mwieled fit-18 ta’ Lulju 1968. Miżżewweġ lil Lucienne u missier ta’ Erika ta’ 13-il sena u Greta ta’ 11-il sena. Ikellimni wkoll fuq il-Ħamruniżi.
“L-imħabba li rajt mill-partitarji lejn dan il-club hi waħda tremenda. Sfortunatament issa ilna ftit żmien ma nirbħu xi unur. Imma jien inħossni furtunat li lħaqt l-aħjar żmien tal-Ħamrun. Magħhom irbaħt tliet darbiet il-kampjonat, erba’ darbiet it-Trophy u ħames Super Cups. Dawk kienu żminijiet tad-deheb u nħossni kburi li kont nagħmel parti minn dak it-tim.”
Nistaqsih x’affarijiet ra jinbidlu fil-Ħamrun mill-ewwel żminijiet tiegħu sal-ġurnata ta’ llum.
“Dak iż-żmien anqas kont nimmaġina li għad jiġi żmien li jkollna niġġieldu biex ma naqgħux. Fis-Snin Tmenin kellna l-aħjar plejers ta’ Malta u ovvjament f’tim tal-futbol dik hi l-aktar ħaġa importanti. Tant kemm konna nirbħu unuri b’mod faċli li l-ewwel darba li rrealizzajt li l-Ħamrun jistgħu jitilfu wkoll kien meta tlifna l-ewwel finali tat-Trophy kontra l-Belt fil-ħin barrani b’goal ta’ Donçic. Kienet l-unika finali li tlifna mill-ħamsa li lgħabna. Dik kienet l-unika darba li tlift xi ħaġa importanti mal-Ħamrun.”
Il-futbol fil-Ħamrun hu reliġjon. Din hi frażi li għidtha lil Stefan filwaqt li staqsejtu jaqbilx magħha.
“Trid tkun lgħabt ma’ Ħamrun Spartans biex tkun taf x’ifisser verament dan it-tim għall-Ħamruniżi. Il-massa l-kbira tal-Ħamruniżi għadhom sa llum ifittxu l-ewwel fil-media sportiva r-riżultati fejn jidħol il-Ħamrun.
“Diffiċli biex tirbaħ xi ħaġa jekk ma jkollokx xi persuna fil-club finanzjarjament b’saħħitha. It-tim ibati ħafna għax ma jkunx jista’ jakkwista l-aħjar plejers. Però fl-istess ħin dak ikun pożittiv ukoll għax tibda tilgħab bit-tfal li jkun tella’ l-club stess. Jien niftakar li fi żmieni kien ikun ferm diffiċli biex joħroġ plejer minn nursery.
“L-aħħar plejers li konna ħriġna minn hawnhekk konna jien u Joe Brincat. Imbagħad warajna kien hemm David Camilleri u Rupert Mangion. Jekk tara l-iskwadra ta’ din is-sena minn 23 plejer hemm 22 minnhom Ħamruniżi u l-ieħor barrani.”
Fil-bidu ta’ l-istaġun il-Ħamrun kienu anki f’riskju li jitilfu posthom mill-Ewwel Diviżjoni. Madankollu, b’determinazzjoni liema bħala, it-tim għamel titjib kbir tant li rebaħ sensiela ta’ partiti wara xulxin li bihom tela’ fl-ewwel post. X’inbidel minn dak inhar?
“Bdejna ħażin ħafna. Mill-ewwel tliet logħbiet ħadna punt wieħed biss. Onestament bdejt nibża’ li se jiġrilna bħal Rabat Ajax jew Zurrieq. Però fortunatament kellna kowċ li baqa’ kalm u ma tfixkel f’xejn f’sitwazzjoni bħal dik. Ta’ min jgħid ukoll li l-logħbiet negattivi tagħna kienu meta l-pitches ma kellhomx ħaxix. Il-Hibs Ground u l-Victor Tedesco Stadium kienu għadhom ħamrija. Appena ġew strutturati u stajna nilagħbu aktar futbol sew ħadna 10 rebħiet u draw. Aħna l-aktar tim tekniku allura ħaġa bħal din setgħet taħdem kontrina biss.”
253 goal fil-karriera tiegħu. Impressjonanti. Nitolbu jgħidli liem jaħseb li kien l-aktar wieħed sabiħa u liema huma dak li jibqa’ jiftakar għal għomru filwaqt li nistaqsih x’irid ikollu verament attakkant tajjeb.
“L-isbaħ goal li qatt għamilt kien kontra Floriana xi erba’ snin ilu. Kienet mezza rovexxata minn barra l-kaxxa. Għad għandi l-kummentarju tiegħek.
Però l-goal li ksirt ir-rekord bih nibqa’ niftakru wkoll kontra Marsaxlokk fic-Centenery Stadium b’xutt minn barra l-kaxxa. U ma ninsa qatt iż-żewġ goals fir-replay tal-finals tat-Trophy kontra Valletta u Floriana.
“Ma nafx li qatt xi darba qatt ħsibt x’għandi tajjeb li skurjajt daqshekk goals. Li naf hu li jekk ma niskurjax għal xi tliet logħbiet wara xulxin tagħtini rasi. Naħseb li li jkollok l-istint tal-goal tkun ġo fik kemm fil-pożizzjoni u anki f’materja ta’ fortuna. Però furtuna ma tistax tkun dejjem. Importanti li dejjem tiżmarka ruħek mid-difensuri. Hawn plejers kbar li jagħmlu ħafna xogħol utli imbagħad jiġu quddiem il-lasti waħedhom u jixxuttjaw barra. Il-lasti ma jkunux jafu jarawha. Naħseb li hawn plejers li meta jiġu quddiem il-lasta jibdew jarawha qisha waħda tal-5-a-side. Striker tajjeb irid ikun intelliġenti li jimmarka l-vojt u jindirizza l-ballun hemm.”
Hu fatt li s-saħħa tat-tim naqset ħafna miż-żminijiet passati. Inkellem lil Stefan fuq x’jara differenti fit-tim li miegħu qatta tant snin.
“Mhux ġust li tqabbel it-tim tal-lum ma’ dak tas-Snin Tmenin. Konna club kollu stilel. Meta naqas plejer dejjem ġibna ieħor mill-ewwel. Ma ninsa qatt plejers bħal Michael Degorgio, Ray Vella, Gejtu u Leo Refalo, Joe Brincat, David Camilleri u Alex Azzopardi. Iż-żminijiet jinbidlu u llum lili jgħiduli n-nannu. Forsi b’hekk għadni nħossni żgħażugħ. L-aktar importanti kienet li s-sinsla tat-tim kienu kważi kollha Ħamruniżi. Meta kellna xi nuqqas ġibna l-aqwa żewġ barranin li kien hemm dak iż-żmien, lil Barry Gallagher u Ian Leigh. Lill-Maltin kollha għadni narahom u niltaqa’ magħhom. Imma għandi kurżità biex insir naf x’sar minnhom il-barranin. Nixtieq li xi darba tiġi organizzata xi reunion u nerġa’ niltaqgħu kollha flimkien.”
U kull Ħamruniż żgur li jixtieq li xi darba jsir dan kollu f’forma ta’ serata. Jien inkun l-ewwel wieħed li ngħin fiha. Forsi fl-aħħar ta’ l-istaġun li ġej ikun iż-żmien ideali biex il-mitt sena ta’ storja tkun magħluqa f’serata unika li ma tintesa qatt.
Stefan ikompli minn jeddu billi jgħidli kemm hu kowċ kbir u jaf il-logħba bl-amment Atanas Marinov.
“Mis-suċċess ta’ din is-sena għandu mertu kbir il-kowċ. Inħoss li għaraf jisfrutta l-potenzjal tal-plejers kollha u anki ħalla fuq il-bank lil min ma kienx għaddej mill-forma. Fil-bidu kien hawn min issuppervja imma meta fit-taħriġ reġa’ ta l-massimu tiegħu reġa’ daħal u ma nqalax.
“Kien hawn kompetizzjoni kbira bejn min jilgħab u le dan l-istaġun. Fil-bidu kellna lil Gaetan Spiteri nieqes, imbagħad weġġajt jien u ġie żmien fejn Steve Meilaq ma kienx għaddej minn forma tajba. Kien hemm żmien fejn anki Rupert Mangion ma lgħabx. Appena reġa’ beda jilgħab spiċċa biex kien l-aqwa plejer tat-tim.”
Nitkellem ma’ Stefan fuq il-fatt kif bħala veteran jara l-fatt li t-tim ta’ ħajtu qed jiċċelebra 100 sena.
“Li club jagħlaq 100 sena mhux ċajta. Il-plejers kollha għandhom ikunu kburin li jagħmlu parti minn skwadra li din is-sena spiċċat champions ta’ l-Ewwel Diviżjoni kif kien jixraq. Jien ma kontx inkun kuntent biss bil-promozzjoni. Għall-Ħamrun Spartans dan mhux biżżejjed.”
Imma Ħamrun Spartans safejn jistgħu verament jaslu fil-kampjonat Premier b’din l-iskwadra?
“Trid tkun realistiku u tgħid li għalissa żgur m’għandniex biex nirbħu l-kampjonat. Aħna ffortunati li għandna dan il-ground fejn nitħarrġu li hu l-għira ta’ ħafna timijiet oħra. Qegħdin f’Mejju u kif tista’ tara l-ground għadu f’kundizzjoni tajba. Ħadd f’Malta m’għandu l-faċilitajiet tagħna taqta’ l-Hibernians u l-Luxol.”
Nitkellem ma’ Stefan fuq ċerti kurżitajiet u opinjonijiet differenti ta’ nies li tant iħobbu l-futbol. Nistaqsih min jaħseb li hu l-aqwa attakkant li lagħab miegħu f’karriera daqstant twila.
“Aktar milli attakkant naħseb li kien midfielder l-aktar plejer li sewa għalija personali. Jekk tara l-goals li għamilt tinduna li hemm persentaġġ qawwi minnhom li l-ballun ġie minn saqajn Michael Degorgio. Il-ħajja fil-ground waqt logħba futbol b’Michael ħdejk hi ħafna aktar faċli.”
U liema kien l-aqwa difensur li sab jimmarkah kemm ilu jilgħab? Filwaqt li jidħak, Stefan jgħidli, “Aħjar insemmi dawk li m’għadhomx jilagħbu biex ħadd ma joħroġ ikkargat għalija. Diffiċli biex jinqabżu ħafna kont insib lil Pierre Brincat, Joe Galea u Lawrence Attard. Kellhom saħħa tremenda.”
U l-aqwa plejer li qatt kellhom il-Ħamrun?
“Personalment inħoss li kien ukoll Michael Degorgio. Kien hawn plejers oħra kbar. Ma nistax ninsa l-umiltà ta’ Ray Vella u l-onestà ta’ Marco Grech. Kulħadd kellu t-tajjeb tiegħu imma meta nikkunsidra kollox ma’ kollox inħoss li Michael Degiorgio kien l-aqwa plejer li qatt libes il-flokk ta’ Ħamrun Spartans.”
Ma stajtx inħalli ċans bħal dan jaħrabli u ma nkunx tkellimt miegħu fuq it-tim Nazzjonali ta’ żmienu u dak tal-lum.
“Għalkemm lgħabt biss xi 33 logħba nħoss li kelli żmien tajjeb ukoll fit-tim Nazzjonali. Ma nafx il-għala imma lgħabt ħafna minn dawn il-logħbiet ma’ timijiet tamparna jew ftit aħjar minna. Allura ċ-ċansijiet li nġibu riżultati tajbin fihom kienu tajbin. Irbaħna xi sitta jew seba’ logħbiet minn dawn it-33.
“Għandi memorji sbieħ ħafna anki għax kien perjodu fejn fih lgħabt ma’ l-aqwa plejers tal-pajjiż taħt Pippo Psaila, Milorad Kosanovic u Josef Ilic. Xtaqt li lgħbat aktar imma dak iż-żmien kien hemm attakkanti aħjar minni bħal Carmel Busuttil u Gilbert Agius. Ħafna drabi konna nilagħbu b’attakkant wieħed allura kienet diffiċli ħafna biex issib post regolari.
“Għadni mmur b’mod regolari nara t-tim Nazzjonali mat-tfal tan-nursery. Qed jilagħbu futbol tajjeb u hemm erbat itfal li se jagħtuna pjaċir fis-snin li ġejjin. L-importanti hu li l-poplu Malti jmur jagħti l-appoġġ tiegħu għax meta l-ground ikun mimli l-plejers jilagħbu aħjar.”
Nistaqsih x’inhi x-xewqa tiegħu tal-futur.
“Li xi darba jerġgħu jiġu ż-żminijiet tat-Tmeninijiet. Inħobb inkun realistiku. Irridu nsibu bniedem bħal Victor Sciriha ta’ Marsaxlokk, Robert Arrigo ta’ Sliema u Tony Bezzina ta’ Hibernians.
“Aħna l-aħjar żmien tagħna għamilnieh taħt Victor Tedesco. Is-Sur Tedesco kien amministratur kbir u jaf il-logħba tal-futbol bl-amment. Mas-Sur Tedesco meta konna nirbħu logħba 1-0 l-għada kien ikollna laqgħa għax inkunu rbaħna b’goal wieħed biss. Ma kienx ikun kuntent b’rebħa minima tant li tgħidx kemm kien jgħajjat magħna u jgħidilna li ma lgħabniex tajjeb.”
Fl-aħħarnett tasal il-mistoqsija li hi fuq fomm kulħadd. Imma Stefan Sultana meta se jirtira?
“Nies li m’għandhomx x’jaqsmu mal-Ħamrun jgħiduli biex nirtira. Dawk li huma tal-Ħamrun jgħiduli biex inkompli. Inħoss li għandi nagħti kas aktar il-Ħamruniżi.”
Nerġa’ ngħidlu, “Imma mhux aħjar kieku tieqaf on a high note?”
“Jien inħoss li hi xi ħaġa egoistika li tagħmel hekk. Nieqaf meta nħoss li t-tim m’għandux bżonni aktar.
“Mhux vera d-diċerija li kien hawn li kif niskurja goal is-sena d-dieħla fil-Premier se nieqaf. Hi verità li ma nimmaġinax li għandi nilgħab il-logħbiet kollha għax il-Premier aktar iebes mill-Ewwel Diviżjoni. Imma nammetti li d-data biex nieqaf mhix ’il bogħod. Meta niftakar jaqbadni d-dwejjaq. Ma nimmaġinanix mingħajr futbol.
“Stefan Sultana jkun hawn ieħor żgur ’il quddiem. Ma naħsibx li jien l-aqwa plejer li qatt kellu l-Ħamrun.”
Finalment jasal il-messaġġ u l-appell tiegħu lill-Ħamruniżi.
“Il-messaġġ tiegħi lejn il-Ħamruniżi hu biex jibqgħu jgħinu lit-tim kemm jistgħu. Sfortunatament wara l-logħba tas-sena l-oħra ma’ l-Imsida hawn min għadu urtat u minħabba dan abbandunaw it-tim. Jista’ jkun li għandhom raġun għax dak inhar kien hawn ħafna Ħamruniżi li riduna nirbħu dik il-logħba akkost ta’ kollox. Qatt ma rajt nies daqs dak inhar fil-ground ta’ Kordin. Imma plejer ikollu bżonn il-partitarji fil-mumenti diffiċli. Jekk Alla jrid is-sena d-dieħla nerġgħu nibdew nimlew Ta’ Qali.
“L-intenzjoni tiegħi hi li nibqa’ mal-Ħamrun. Il-ħolma tiegħi hi li xi darba nkun il-kowċ tal-Ħamrun Spartans.”
Nirringrazzjah u nerġa’ nibda miexi lejn it-taraġ tal-Victor Tedesco Stadium li jwassalni għat-triq ta’ barra. Waħdi naħseb kemm kien fortunat min fl-aqwa żminijiet ta’ Stefan kellu l-età tiegħi llum. F’moħħi jberren ħsieb ieħor, dak li kont għadni nqum minn bil-qiegħda minn fuq il-bank li fil-futur jista’ jkun li jkun imsaħħan minn Stefan bħala kowċ biex iġib aktar unuri fil-Ħamrun.
Ad multos anno, capitano. U buon compleanno Hamrun Spartans.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt