13 ta' Mejju 2007 • Nr 28

Arkivji




 

 

 

13 ta' Mejju 2007
Lejlet Lapsi
Divertiment ta’ tlitt ijiem sħaħ

Għall-ewwel darba, Lejlet Lapsi Notte Gozitana se joffri għażla mżewqa ta’ esperjenzi Għawdxin li jvarjaw minn ikel u nbid, għal teatru, żfin, arti, storja u tradizzjoni li se jiġu ppreżentati lill-pubbliku fuq tlitt ijiem bejn it-18 ta’ Mejju u l-20. Għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ arti u kultura se jieħdu sehem aktar minn 450 artist. Iktar tagħrif jinkiseb permezz ta’ 21559832, events@gozoculture.com jew www.gozoculture.com.

Il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju
Il-purtiera tal-palk taċ-Ċittadella tittella’ bil-festa ta’ l-inbid ta’ Delicata fejn se jieħdu sehem diversi artisti lokali. Fl-istess lejla jingħata kunċert mill-kantant popolari Taljan Bobby Solo b’riżq l-Arka Foundation.
Żewg kunċerti ta’ mużika da camera se jonoraw il-programm ta’ l-ewwel lejl: Jean-Marc Apap u Richard Galliano fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, u l-Victoria Clarinet Quartet fl-ambjent intimu tas-Sala Sentinella fic-Cittadella.
Fl-istess ħin, is-swar taċ-Ċittadella jingħataw il-ħajja mhux tas-soltu mill-iSbandieratori Ducato Caetani mill-Italja li se jagħtu wirja spettakolari fit-toroq u l-pjazez bi bnadar kbar, trumbetti u tnabar.
Matul it-tlitt ijiem, il-pubbliku se jgawdi minn dawl arkitettoniku li jqanqal l-ambjent karatteristiku taċ-Ċittadella u r-Rabat. Ta’ importanza partikulari wkoll hi l-wirja prestiġjuża ta’ tpingijiet ta’ Mattia Preti mill-Kollezzjoni Nazzjonali.
Wirjiet oħrajn f’postijiet differenti jinkludu dawk ta’ l-iskultur Victor Spiteri u l-pittur George Scicluna; bozzetti ta’ xogħlijiet artistiċi fi knejjes f’Għawdex; wirja dwar Madre Margherita; żewġ wirjiet separati marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi ta’ Sta Marija u San Ġorġ; wirja ta’ presepji tradizzjonali u oħra ta’ vari tal-purċissjoni tal-Passjoni ta’ Kristu; ritratti antiki li jfakkru l-Għawdex fl-imgħoddi u wirjiet kollettivi oħra ta’ artisti Maltin u Għawdxin.

Is-Sibt 19 ta’ Mejju
Is-Sibt filgħodu jisbaħ b’parata mill-Banda ta’ l-iScouts ta’ San Ġwann u wirja ta’ fjuri u pjanti fil-Ġonna ta’ Villa Rundle; suq tal-pjanti u l-fjuri fit-Telgħa tal-Kastell; suq ta’ oġġetti artiġjanali fi Triq ir-Repubblika, artisti jpinġu u jaħdmu fuq il-post; re-enactment tad-dħul tal-Granmastru Wignacourt fir-Rabat u ċ-Ċittadella, u kunċert ta’ nofsinhar minn mużiċisti lokali fil-Ministeru ta’ Għawdex.
Żjarat kulturali differenti se jkunu qed idawru l-viżitaturi max-xelters, it-toroq dojoq u l-arkitettura tipika, snajja’ u postijiet fejn jinħadem ikel u ħelu tradizzjonali, knejjes u arti sagra.
Dawk li jsegwu l-futbol se jkollhom l-opportunità jaraw il-logħba live ta’ l-FA Cup Final bejn ic-Chelsea u l-Manchester United, u wara l-films Goal 2 – Living the Dream u Charlotte’s Web fl-Oratorju ta’ Don Bosco.
Atturi u kantanti żgħar se jippreżentaw it-talent tagħhom fl-Iskola Primarja tal-Belt Victoria bi preżentazzjonijiet ta’ karattri ta’ Disney. Wirjiet teatrali oħra huma Lacuna mill-grupp teatrali Dù, L-Imfietaħ ta’ Mario Micallef u Lejl bit-Torċ ma’ Zoo.
Tliet tenuri Ingliżi ta’ fama internazzjonali, Tenori, se jagħtu kunċert, akkumpanjati fuq il-pjanu minn John Galea, fl-Aurora Opera House.
Is-Sibt filgħaxija se jkun hemm għadd ta’ kunċerti ta’ mużika klassika fil-knejjes u l-kappelli tar-Rabat u ċ-Ċittadella.
B’kollox se jkun hemm sitt palkijiet prinċipali biex jintlaħqu l-gosti ta’ kulħadd, mit-tfal, għal ammiraturi tal-mużika pop, rock, jazz, semi-klassiku, marċi u żfin. Mat-tokki ta’ nofs il-lejl se jingħata spettaklu ta’ logħob tan-nar ta’ l-ajru li jidher minn fuq is-swar taċ-Ċittadella.
Ħafna mill-ħwienet se jibqgħu miftuħa filwaqt li se jkun hemm postijiet ta’ l-ikel take-away fejn il-Pjazza tal-Venda tar-Rabat li nhar is-Sibt filgħaxija se tkun mibdula f’ristorant kbir li jservi ikel ta’ kull tip.

Trasport
Servizz ta’ trasport pubbliku b’tal-linja se jitlaq mill-Belt Valletta, Bormla, Ħal Luqa, Birkirkara, Mosta, Raħal Ġdid, Ħal Qormi u tas-Sliema għaċ-Ċirkewwa b’mod shuttle nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju bejn is-2pm u s-6pm. Il-prezz huwa ta’ 50ċ u jinkludi l-vjaġġ lejn iċ-Ċirkewwa biss. Servizz lura miċ-Ċirkewwa għall-Belt Valletta u l-irħula msemmija se jingħata mis-1.30am sal-5.30am tal-Ħadd.
Servizz ta’ trasport pubbliku se jingħata wkoll f’Għawdex b’sistema shuttle li jitlaq mill-Port ta’ l-Imġarr lejn ir-Rabat mill-5.30pm sa 00.00am tas-Sibt, b’sistema oħra shuttle li titlaq mir-Rabat lejn il-Port ta’ l-Imġarr minn 00.00am tas-Sibt sa l-4.30am tal-Ħadd filgħodu. Il-prezz tal-biljett hu ta’ Lm1 li jinkludi l-vjaġġ lura.
Għal kulmin se jkun diġà qiegħed fuq il-gżira Għawdxija, se jiġi offrut servizz ieħor speċjali minn 13-il raħal f’Għawdex kif ukoll mill-bajjiet tax-Xlendi u Marsalforn għar-Rabat. It-trasport pubbliku jitlaq kull tlett kwarti bejn is-6.30pm u l-10.15pm, ħlief ta’ Kerċem li jitlaq bejn is-6.15pm u l-10pm. Servizz lura mir-Rabat lill-istess irħula jingħata kull siegħa bejn 00.00 tas-Sibt sat-3am tal-Ħadd.
Il-kumpanija Gozo Channel qed toffri biljetti mraħħsa għall-Ġimgħa u s-Sibt, 60ċ għall-passiġġier u Lm3.60 għas-sewwieqa.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt