13 ta' Mejju 2007
Politika mibnija fuq pedament moderat
Karl Stagno-Navarra jintervista lill-Perit Robert Musumeci
Il-Perit Robert Musumeci għandu 33 sena u ilu s-Sindku Nazzjonalista tas-Siġġiewi għal dawn l-aħħar seba’ snin, bil-kariga ikkonfermata fl-elezzjonijiet li saru f’Marzu li għadda.
Impenjat mill-lat professjonali bħala perit kif ukoll bħala ċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini (BICC), Robert Musumeci jistinka biex iżomm il-bilanċ u jqassam il-ħin tiegħu bejn il-professjoni u l-politika, issa wkoll li qed jaħdem bħala kandidat tal-PN fuq is-Sitt u s-Seba’ Distrett elettorali. Is-Sindku tas-Siġġiewi hu rispettat u maħbub min-nies tal-lokal tiegħu u issa qed jipponta li jirbaħ is-simpatija tan-nies f’żewġ distretti diffiċli fejn qed iħabbatha ma’ żwiemel tradizzjonali tal-PN bħalma hu, fost l-oħrajn, Louis Galea.
Iżda Robert mhux qed jaqta’ qalbu. Qed iħares ’il quddiem b’saqajh ma’ l-art u b’ambizzjoni politika kontrollata.
Robert Musumeci jqis lilu nnifsu bħala xxurtjat li rnexxielu jitla’ s-sellum tas-suċċess f’temp relattivament qasir hekk kif il-popolarità tiegħu ilha tikber sa mis-snin li kien jaħdem fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni meta kien għadu student.
Iltqajt ma’ Robert Musumeci fl-uffiċċju tiegħu ta’ periti li jinsab fil-qalba tas-Siġġiewi fejn interrompejtu mill-appuntamenti u tkellimna fit-tul dwar diversi temi, fosthom dwar l-aspirazzjonijiet, ix-xogħol u l-opinjoni tiegħu fuq kwistjonijiet nazzjonali bħalma hi s-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Fejn tidħol l-ambizzjoni politika Robert Musumeci jispjega li l-ħajra tiegħu ġejja mir-rieda li jagħti servizz lill-pajjiż. Madankollu jispjega ċar ukoll li huma n-nies li jridu jagħżluh u jesprimu l-fiduċja tagħhom lejh.
“Jiena, flimkien mal-mara tiegħi, impenjati bi sħiħ f’uffiċċju ta’ periti li mmexxu flimkien. Il-politika mhix mira assoluta tiegħi. Jien disponibbli li nagħti s-servizz tiegħi jekk in-nies tridni. Iżda jekk jidhrilhom li għandhom jagħżlu alternattiva aħjar għandhom jieħdu dik l-alternattiva. Dħalt fil-politika konvint li l-għixien tiegħi ma jkun jiddependi qatt u bl-ebda mod mill-politika,” isostni.
Iżda jekk il-politika mhix il-mira assoluta ta’ Robert Musumeci, x’seta’ għamel biex f’Marzu li għadda kiseb l-aħjar riżultat għall-PN, tant li s-Siġġiewi kienet l-unika lokalità li l-PN żied fil-voti?
“Dejjem emmint fit-tħaddim ta’ politika ta’ moderazzjoni fejn lil min ma jaqbilx miegħi nipprova nġibu miegħi. Ma nemminx fil-konfront. Nemmen fil-politika li tfittex il-kompromess bejn kulħadd.
“Nemmen ukoll li ħafna drabi n-nies ikollhom jingħatalhom raġun u nagħmel minn kollox sabiex jieħdu dak li hu dritt tagħhom.” wieġeb Robert, filwaqt li żied kif matul is-snin kemm ilu Sindku dejjem fittex u ra kif isib l-aħjar minn fost il-kunsilliera mill-kamp politiku oppost.
“Dejjem ħdimna sew flimkien u fejn ma qbilniex, dejjem rajt kif inkun moderat, niżen l-affarijiet sew u b’responsabbiltà nsibu s-soluzzjonijiet flimkien.”
Robert Musumeci hu konvint li s-suċċess tal-politika ta’ moderazzjoni kif imħaddma fuq livell lokali tista’ tkun imħaddma b’aktar għaqal fuq livell nazzjonali miż-żewġ partiti.
Isostni kundanna qawwija lejn kulmin jemmen li l-attakki personali jistgħu jagħtu xi vantaġġ lil xi ħadd.
“Il-media tal-partiti jeħtieġu jkunu aktar serji fil-messaġġi politiċi tagħhom lin-nies u mhux li jużaw il-media tagħhom biex ikissru lin-nies,” sostna.
Hawnhekk żviluppajna diskors fuq il-politika nazzjonali, naturalment ibbażat fuq ir-riżultati miksuba mill-PN fuq bażi lokali f’Marzu li għadda.
Robert Musumeci jistqarr li hu konxju mill-fatt li l-PN mhux għaddej minn perjodu ta’ popolarità partikolari.
Skond Robert, il-fatt li l-PN ilu fil-Gvern għal dawn l-aħħar 20 sena twassal lin-nies biex temmen li hu żmien twil wisq u forsi tkun aljenata mis-suċċessi reali li nkisbu mill-Gvern u li permezz tal-kuntest wiesa’ tagħhom qed igawdi l-pajjiż kollu kemm hu.
“Mhux qed ngħid li l-MLP hu partit għar-rimi, anzi nemmen li l-MLP għandu affarijiet li huma tajbin.
“Nistqarr iżda li dak li qed jagħmel il-Gvern immexxi mill-PN taħt il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qed irendi lil dan il-pajjiż suċcessi kbar u importanti li minnhom se jgawdi kulħadd.”
Robert Musumeci jgħid li l-ħidma tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi ma jista’ jitqabbel ma’ l-ebda programm politiku alternattiv.
“Ara u ifhem il-kobor tas-suċċess tal-Prim Ministru Gonzi fit-trażżin tad-defiċit. Għandek biżżejjed biex tifhem xi tfisser is-serjetà u r-responsabbiltà lejn il-pajjiż.”
Jekk dan hu l-każ, allura għaliex il-PN mhux qed igawdi l-popolarità li hi mistennija minn dawn il-kisbiet?
“Nemmen li għalkemm il-Gvern immexxi mill-PN qed jikseb daqshekk suċcessi, partikolarment fis-settur ekonomiku, l-element Gonzi mhux qed jinħass biżżejjed madwar il-pajjiż kollu,” jispjega Robert Musumeci li jżid fuq kif ċerti realtajiet ġodda li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-politika, iżda mar-realtajiet moderni u tal-globalizzazzjoni, ikun hemm min jintlaqat b’mod ħażin.
“Il-vot ta’ protesta f’livell lokali hu dejjem importanti biex wieħed jifhem u għalhekk hu importanti li s-Sindki jkunu prattiċi u sensittivi għall-ħtiġiet tan-nies.
“Meta ngħid li jien inħobb il-moderazzjoni din għandha tkun il-filosofija ta’ dawk kollha li huma f’karigi ta’ responsabbiltà, u aħna s-Sindki għandna nkunu proprju dawk li nipprattikawha u nkunu moderati fil-ħidma tagħna man-nies f’kull lokalità.”
Robert Musumeci jargumenta li kull partit fil-Gvern iġarrab nuqqas ta’popolarità, u dan hu ovvju minħabba li dak li jkun fil-Gvern jeħtieġ jieħu deċiżjonijiet li żgur se jħallu l-effetti tagħhom fuq xi sezzjoni jew oħra tas-soċjetà.
“Il-PN għandu kontrieh iż-żmien kemm ilu jmexxi lill-pajjiż anki jekk dejjem irnexxielu jbiddel u jiġġedded.
“Il-MLP min-naħa l-oħra hu realtà u forza politika b’saħħtu li ma tistax tinjora. Ma nemminx iżda li hu l-partit alternattiv għall-Gvern tal-lum, partikolarment għall-fatt li għadu ma jistax jiggarantixxi kontinwità li tagħti s-serħan tal-moħħ lin-nies li jispiċcaw anzjużi dwar x’inhu ġej ġdid.
“Hemm ukoll l-aspett tat-taqbid intern fl-MLP li filwaqt li ma nawgura lil ħadd li jgħaddi minnu, hu indikattiv ta’ partit fil-Gvern li jista’ jkun distratt wisq mid-dmirijiet tiegħu. Ikolli nammetti li ma niħux gost nara diżgwid fil-Partit Laburista, minkejja li ma niffurmax parti minnu. Id-deni qatt ma ma ssarraf f’ġid,” qal Robert Musumeci.
Meta wieħed janalizza l-kontroversji li spikkaw matul iż-zmien ta’ Gvern immexxi mill-PN wieħed isib li l-parti l-kbira minnhom huma marbuta ma’ l-ambjent u l-iżvilupp fil-pajjiż.
L-ambjent sar ħsieb fiss fuq moħħ il-parti l-kbira il-Maltin u l-Għawdxin u għaldaqstant il-fatt li l-Gvern immexxi mill-PN poġġa l-ambjent bħala priorità fuq l-aġenda tal-ħidma tiegħu jirrefletti l-impenn tiegħu li jirrispondi għall-ħtiġiet u l-aspetattivi tan-nies.
Minn kull stħarriġ li jsir fost l-opinjoni pubblika, l-ambjent jibqa’ fuqnett ta’ l-aspettattivi tan-nies u hawnhekk jidħlu l-kontroversji marbuta ma’ l-estenzjoni ta’ żoni ta’ l-iżvilupp (ODZ).
Hawnhekk Robert Musumeci iddefenda d-deċiżjoni tal-Gvern f’dan ir-rigward u qal li meta l-Gvern wasal biex titwettaq l-ODZ għamilha ċara li l-iskemi li kienu hemm qabel kienu temporanji li kienu ilhom fis-seħħ fl-1988 biex bażikament jagħlqu l-izvilupp qawwi li kellna fis-snin ta’ qabel.
“Il-Gvern ried jiddefinixxi dawn l-iskemi u l-uniku mod amministrattiv li seta’ jagħlaq dawn iż-żoni kien billi jidħol f’eżerċizzju fejn jelenka numru ta’ kriterji biex dawn it-tali kriterji jiddefinixxu jistgħux ikunu magħluqa jew le,” sostna Robert Musumeci.
“Naturalment wieħed jista’ jiddibatti l-kriterji, però għallinqas kien hemm proċess fejn wieħed seta’ jgħarbel u jikkummenta, jagħti s-suġġerimenti fi proċess għal kollox miftuħ.”
Robert Musumeci żied jgħid li wieħed ma jistax jikkritika li l-Gvern ma mexiex b’mod ġust f’dan.
“Naturalment hemm min jista’ jargumenta li l-Gvern kien imissu baqa’ bl-iskemi temporanji u ma għalaqx il-konfini. Iżda infakkar ukoll li l-Gvern kellu manifest elettorali li rabtu ma’ l-elettorat biex jiddefinixxi dawn iż-żoni u l-Gvern żamm kelmtu.”
Robert Musumeci hu konxju ħafna li l-ambjent sar element kruċjali fil-konsiderazjonijiet politiċi tal-poplu, iżda jgħid li l-PN hu l-partit li kemm ilu fil-Gvern kien hu li ġġenera kuxjenza ambjentali u t-track record tiegħu f’dan il-qasam il-PN joħroġ ferm superjuri meta jitqabbel ma’ x’kien jiġri qabel. Bizzejjed insemmu t-twaqqif tal-Mepa li mponiet qafas rigoruż kontra dak li kien jiġri fi żmien il-PAPB.
Pajjiżna bħalissa tinsab fl-eqqel tal-mixja lejn il-bidla għall-ewro u dan qed iwassal għal żvilupp aktar mgħaġgel bil-konsegwenza li ħafna huma dawk li qed jargumentaw li l-impatt ambjentali li qed iseħħ f’dawn ix-xhur hu wieħed irreparabbli.
Robert Musumeci jgħid iżda li l-impatt ambjentali hu marbut ma’ dak li diġà kien approvat fil-Pjani Lokali.
“Jekk wieħed jaqbad il-Pjani Lokali li minnhom infushom jagħtu direzzjoni ċara ta’ x’inhu l-impatt mistenni fuq l-ambjent u għaldaqstant, wieħed jista’ fil-verità jikkwantifikah minn issa għaliex il-lum hemm pjan għal kull lokalità madwar il-pajjiż li jelenka il-volum ta’ bini li hu permessibbli u mhux,” jargumenta, u jżid li dak li qed naraw bħalissa hu rifless fi Pjani Lokali li huma approvati.”
Ħadt l-opportunità li nitkellem ma’ Robert Musumeci dwar il-Mepa li ta’ spiss tkun fil-kritika ta’ ħafna u qed tispiċċa bħala fost l-aktar punti msemmija għall-astensjoni mill-vot ta’ ħafna partitarji tal-PN.
“Jiena bħala perit ngħarbel b’reqqa l-aġir u l-politika tal-Mepa kuljum bl-iskop li niżgura li dak li hu d-dritt tal-klijenti tiegħi jingħata lilhom anki jekk dan ikun jitlob il-persistenza.
“Madankollu wieħed jeħtieġ jirrikonoxxi li matul dawn l-aħhar snin il-Mepa għamlet passi kbar ’il quddiem u għall-aħjar li permezz tagħhom seħhet aktar trasparenza għall-ġid ta’ kulħadd.
“Nemmen li l-Mepa għandha ttejjeb l-oġġettività tagħha u mhux li timxi esklussivament mal-ktieb u toqgħod tiffissa fuq il-kejl tat-tieqa, tal-bieb u ta’ miljuni ta’ affarijiet. Għandha tkun aktar prattika, li tiffoka aktar fuq l-estetika u tapprezza l-impatt globali fuq il-kuntest urban,” qal Musumeci.
Ma’ Robert Musumeci ma stajtx ma nitkellimx fuq aspetti marbuta ma’ l-industrija tal-kostruzzjoni, partikolarment fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fl-isfond tal-ħafna inċidenti traġiċi u l-korrimenti regolari li qed iseħħu fuq il-lantijiet tax-xogħol.
Filwaqt li jargumenta li l-incidenti ma jonqsux minħabba li bħalissa għaddej ħafna aktar xogħol mis-soltu, jispjega kif bħala ċ-Chairman tal-BICC, qed jipproponi miżuri importanti li għandhom iservu bħala mezz biex tiddaħħal aktar responsabbiltà fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol tal-kostruzzjoni.
Robert Musumeci qed jipproponi li kull permess li jinħareġ mill-Mepa jeħtieġ li jkollu tliet kundizzjonijiet li jkunu standard.
“L-ewwel, kull sit ta’ kostruzzjoni jeħtieġ ikun sorveljat b’mod kontinwu minn bennej liċenzjat skond ir-regolamenti, li jfisser li ħadd ma jista’ jkollu sit ta’ kostruzzjoni jekk mhux sorveljati minn ħaddiema liċenzjati skond is-sengħa.
“Li l-bennej ikun liċenzjat hi Liġi li ilha fis-seħħ sa mill-1968 u aħna bħala periti suppost mitluba li nissottomettu lill-awtorità l-isem tal-bennej flimkien mad-dettalji tal-liċenzja tiegħu, iżda sfortunatament qatt ma tkun segwita.
“It-tieni, jien qed ngħid li kif jipprovdu l-liġijiet ta’ l-2003, kull sit jeħtieġ ikun soġġett għal risk assessment u dan ir-rapport ikun disponibbli fuq is-sit.
“Il-ħasra hi li hemm ħafna enforcement officers li jmorru fis-siti, jiffissaw fuq il-wisa’ u kejl tal-btieħi u affarijiet oħra, iżda jkun ħafna aktar utli jekk l-enforcement officer jistaqsi wkoll għal risk assessments reports li għalkemm hi obbligatorja bil-Liġi, sal-lum għad mhemmx mekkaniżmu ċar ta’ kif din il-ligi tkun infurzata.
“Fl-opinjoni tiegħi, risk assessment report hu strument biżżejjed biex iżomm aktar kuxjenza dwar ir-riskji jew le għas-saħħa u s-sigurtà.
“It-tielet u l-aħħar ħaġa importanti hi li kull kuntrattur jeħtieġ li jqabbad espert biex jassistih fis-saħħa u
s-sigurtà bl-iskop li jiggwidah waqt ix-xogħol.
“L-isem ta’ dan l-espert għandu jkun komunikat għall-awtorizazzjoni qabel ma jibda x-xogħol bl-iskop li anki hawnhekk kif għandna r-regolamenti għall-immanniġgjar tal-bini li jipprovdi għad-dettalji bl-ismijiet tal-klijent, il-perit, il-bennej u affarijiet oħra, jkun hemm ukoll il-htieġa li jinkludi l-isem u l-kunjom ta’ l-espert li jrid ikun imqabbad mill-kuntrattur, għaliex ir-responsabbiltà għas-saħħa u s-sigurtà waqt ix-xogħol li jkun għaddej teħtieġ tkun ċara dwar min ikun qed jassumiha,” temm il-perit Musumeci.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt