Għadu jagħmel sens illum li niċċelebraw Jum l-Omm? Wara kollox illum il-mara għandha ħafna iktar dimensjonijiet mill-maternità.
Sehem il-mara fis-soċjetà Maltija qiegħed dejjem jissaħħaħ, mhux biss fil-qasam tax-xogħol imma kulfejn in-nisa Maltin huma preżenti – fil-familja, fl-edukazzjoni, fix-xjenzi, fil-ġudikatura, fil-kultura, fil-politika, fl-imprenditorija, fis-soċjetà ċivili.
Dan hu frott il-ħidma sfiqa li għamlu u qed jagħmlu ħafna setturi tas-soċjetà u entitajiet, kemm fis-settur statali u dak privat, fosthom u mhux l-inqas, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel.
Min-naħa l-oħra, li taspira għall-ugwaljanza ma tfissirx li tnaqqas imqar b’millimetru l-importanza tal-maternità. U dan mhux biss minħabba l-bżonn ovvju li għandha kull soċjetà li jkollha t-tfal li jitrabbew f’ambjent ta’ mħabba li jinkludi l-omm, imma għax il-maternità hi dimensjoni femminili li jistħoqqilha rispett u appoġġ daqs kull aspett ieħor tal-mara.
Li tkun omm mhux faċli. La kienet qabel u lanqas hija llum. Jien kelli x-xorti nosserva erba’ ommijiet formidabbli mill-qrib: lin-nanna, lill-mamà, lill-kunjata u lill-mara tiegħi. U f’dawn ix-xhur li ili fil-Kummissjoni Nazzjonali Familja ltqajt ma’ ħafna ommijiet oħrajn li fetħuli ftit is-siparju fuq dinjiet oħra li mhumiex tiegħi.
Mhix faċli żżomm familja kbira magħquda, bit-tempesti kollha li jinqalgħu ġo fiha matul is-snin, bħal ħarruba mimlija żmien li ddellel lil kulħadd u ħadd ma jdellel lilha. Mhix faċli li kulħadd ifittxek biex tindokra u ddewwi u l-bżonnijiet tiegħek dejjem jiġu l-aħħar.
Mhux faċli titlaq ix-xogħol kif kienet is-sitwazzjoni snin ilu, għax l-għarus u l-familja u s-soċjetà u l-liġijiet hekk jitolbu minnek għalkemm dan lilek jagħtik is-sodisfazzjon u l-indipendenza biex issir kollox għal ħaddieħor.
Mhux faċli tagħżel li tkun omm li tiddedika lilha nnifisha kollha kemm hi għall-familja, meta tisma’ madwarek li din hi għażla ta’ inqas valur, li bqajt imsakkra ġewwa u stajt kont ta’ iktar bżonn għas-soċjetà.
Mhux faċli tagħżel li tkompli taħdem, kemm biex tkompli bil-karriera u żżomm din il-parti mill-identità tiegħek kif ukoll biex tlaħħaq ma’ l-ispejjeż, u tisma’ min jgħidlek li moħħok fik innifsek flok fit-tfal.
Mhux faċli tbiddel l-aspettattivi u l-ħolm tiegħek meta ssib li uliedek għandhom diżabbiltà. Mhux faċli tħabbat wiċċek kuljum ma’ dinja li f’daqqa waħda saret tellieqa infinita ta’ ostakli, għalik u għal uliedek.
Mhux faċli li toħroġ tqila u l-prinċipal iqarras wiċċu għax se tiswielu iktar u se taħdem inqas. Daqskemm mhix faċli li tmur lura x-xogħol wara l-leave li ħadt biex trabbi t-tfal u ssib li l-ambjent tax-xogħol inbidel sew u trid titgħallem ħafna affarijiet mill-ġdid.
Mhux faċli li tgħin lill-kbira fis-somom waqt li ż-żgħir qed ibagħbas il-forn u qed idoqq it-telefon u għadek lanqas bdejt taħseb x’se ssajjar għada u l-kbira għad trid tinħasel u tagħmel il-basket ta’ l-iskola u qed tinkwieta għal missier ir-raġel għax xjaħ u mhux ta’ waħdu u ġie l-kont tat-telefon m’għola s-smewwiet u l-mogħdija għadha nofsha lesta u għada trid tqum kmieni biex twassal iż-żgħir għand il-babysitter l-oħra qabel ix-xogħol għax tas-soltu marida... u jċempel ir-raġel li reġa’ nqabad xogħol għax il-meeting li kellu għadu għaddej.
Mhux faċli toħroġ tqila u l-partner tiegħek, flok iħaddnek miegħu, jagħtik ċekk biex tagħmel abort. Mhix faċli li minflok tagħżel li trabbi waħdek.
Mhix faċli li ssib ruħek armla jew separata u trid tieħu ħsieb waħdek tat-tfal, apparti l-uġigħ ta’ qalb u ta’ ras mis-sitwazzjoni ġdida li qiegħda fiha.
Mhux faċli meta tkun tajt ħajtek kollha lit-tfal u dawn jikbru u ma jkunux jafuhulek. Mhix faċli li rabbejt u żewwiġt kemm-il wild u issa waħdek mit-Tnejn sal-Ħadd quddiem it-televixin.
Mhux faċli li tkun omm ta’ tifel jew tifla li addottajt jew iffosterjajt b’qalbek kollha u ssib il-bilanċ bejn dak li m’intix u dak li tista’ tkun fil-ħajja ta’ dawn it-tfal.
Mhux faċli tkun l-‘omm’ fid-djar tat-tfal ma’ min il-kelma ‘omm’ m’għandhiex tifsira sabiħa u ma tfakkarx f’bewsa u tgħannieqa.
Mhux faċli tkun omm li tħobb tassew lil uliedha imma mifruda minnhom minħabba l-mard jew id-droga u ma tistax tkun ħdejhom meta għandhom bżonnha.
Għadu jagħmel sens li niċċelebraw Jum l-Omm? Dażgur li jagħmel sens. Jagħmel sens li niċċelebraw l-att, l-għażla u l-proċess tal-maternità. Jagħmel sens li s-soċjetà tappoġġja bis-sħiħ lin-nisa f’din id-dimensjoni unika u fundamentali tagħhom. U l-impenn tal-Kummissjoni Nazzjonali Familja huwa li tagħmel dan permezz ta’ l-abbozz tal-Pjan Nazzjonali dwar il-Familja li dalwaqt se jitressaq lill-Gvern.
Sandro Spiteri hu Chairman Kummissjoni Nazzjonali Familja
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt