13 ta' Mejju 2007 • Nr 28

Arkivji




 

 

 

13 ta' Mejju 2007
Lil hinn mill-bank ta’ l-iskola

Is-sistema edukattiv tagħna hi ta’ livell. Ħadd ma jista’ jiċħad li f’pajjiżna m’għandniex opportunitajiet biex niżviluppaw il-ħiliet akkademiċi u ta’ tagħlim.
Ħafna huma l-Maltin li għamlu suċċess anki barra minn pajjiżna fejn tidħol tħejjija akkademika u karriera f’oqsma meqjusin diffiċli jew sofistikati. B’daqshekk iżda ma jfissirx li għandna kollox perfett.
Hemm diversi nuqqasijiet li jinħtieġu li jiġu indirizzati llum qabel għada. L-istudenti tagħna mhumiex qed joħorġu kompluti bħala ċittadini li fuqhom tista’ tkompli tiżviluppa s-soċjetà li ngħixu fiha. Ħafna drabi qed jiġrilna li m’aħniex nipprijoritizzaw is-suġġetti li għandhom jiġu mgħallma fl-iskejjel, fil-kulleġġi u fl-Università.
F’oqsma oħra għadna m’aħniex aġġornati biżżejjed u ma nistgħux ngħidu li lħaqna l-livell ta’ istituzzjonijiet edukattivi Ewropej. Għadna nisħqu wisq fuq l-istudju, il-kotba u t-teorija. Donnu l-formazzjoni edukattiva tagħna m’għandha x’taqsam xejn mal-formazzjoni tal-karattru, mas-sens ċiviku, ma’ l-etika u l-morali jew mal-ħiliet intellettwali jew kulturali li mhux neċessarjament jinkisbu permezz ta’ l-istudju akkademiku.
Qisna ma nistgħux noħorġu mill-qoxra li rabbejna matul is-snin fejn ibbażajna kollox fuq edukazzjoni ta’ informazzjoni iktar milli ta’ formazzjoni. L-importanti li naqraw dwar dak li naħsbu joħroġ fl-eżami. Nistudjaw għall-eżamijiet u l-kisba taċ-ċertifikati. L-inizjattiva u l-kreattività mhumiex parti integrali mill-kurrikulum edukattiv.
Il-konsegwenzi ta’ dan kollu diġà bdejna nbatuh. Qed naraw studenti li jagħmlu snin sħaħ fil-klassijiet ta’ l-iskejjel imbagħad jispiċċaw bilkemm jiktbu u jaqraw. Oħrajn itemmu snin sħaħ ta’ korsijiet fl-Università mbagħad lanqas huma kapaċi jieħdu deċiżjonijiet importanti dwar il-futur tagħhom. Għad għandna żgħażagħ li kif jidħlu fid-dinja tax-xogħol ikunu qishom qed jerġgħu jiskopru pjaneta oħra.
Qed niffaċċjaw ġenerazzjoni ta’ ħaddiema żgħażagħ li jridu jsibu kollox lest mingħajr ħeġġa u sens ta’ dedikazzjoni. Kieku dawn huma biss in-nuqqasijiet li qed niffaċjaw minħabba d-difetti fis-sistema edukattiva fiha u ma fihiex! Biż-żmien kollox jista’ jitranġa! Imma iktar minn hekk mill-iskejjel tagħna qed joħorġu ċittadini li huma maħkumin minn apatija qawwija lejn is-sehem li jistgħu jagħtu fis-soċjetà tal-lum.
Żgħażagħ neqsin minn sens ta’ valuri morali li jgħinu biex jaffrontaw l-iebes tal-ħajja; studenti li ma jafux fejn joqgħod ir-rispett lejn l-awtorità; ġuvintur u tfajliet li għalihom l-etika ma tfisser xejn. Qed joħorġu studenti li għalkemm jistgħu jiftaħru bin-numru ta’ ċertifikati, diplomi u degrees iżda mbagħad isibuha diffiċli biex jaġixxu b’rispett u tolleranza lejn ħaddieħor; b’uħud lanqas biss jafu x’inhuma l-elementi bażiċi ta’ mġiba u manjieri mistennija minn ċittadini adulti f’soċjetà ċivilizzata.
Ma rridx niġġeneralizza imma mill-banda l-oħra ma nistax ma nallarmax ruħi meta naħseb fil-fond dwar il-ġejjieni tas-soċjetà tagħna. Fuq kollox imbagħad hemm il-problema ta’ kemm is-sistema edukattiva preżenti qed tassigura li fost l-istudenti tagħna hemm tħejjija professjonali u sana f’dik li hi tmexxija. Ma nafx kemm l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna qegħdin jgħinu biex pajjiżna jipproduċi mexxejja li għada jistgħu jmexxu istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet importanti fil-pajjiż.
Illum diġà għandna min hu tal-fehma li fil-preżent il-mexxejja ta’ pajjiżna f’kull qasam - politiku, kummerċjali, trejdunjonistiku, reliġjuż, sportiv - huma neqsin mill-istatura u l-istoffa li kellhom il-mexxejja predeċessuri tagħhom. Aħseb u ara x’se jgħidu uliedna fuq il-mexxejja ta’ żmienhom?
Hu minnu li l-istil tal-ħajja li ngħixu llum m’għadux li kien ftit tas-snin ilu.
Id-dinja qed tinbidel jum wara jum b’ritmu mgħaġġel. Għalhekk irridu naġġornaw u nadattaw ruħna għal żminijietna. Dan it-tibdil iħalli impatt l-aktar fejn jirrigwardjaw ir-relazzjonijiet.
Il-ħarsa insidjuża tal-missier lejn uliedu kienet biżżejjed biex jasal il-messaġġ tat-twiddiba. It-twissija ta’ “kastig” mill-għalliem lill-istudenti kienet tkun biżżejjed biex l-għalliem jiġbed ir-rispett lejh waqt li jnissel sens ta’ dixxiplina. L-uniformi tal-pulizija waħedha wkoll kienet isservi ta’ deterrent għal min kien ikun jixtieq ixellifha mal-Liġi u l-ordni pubbliku. Il-kelma ta’ l-imgħallem fuq il-post tax-xogħol kienet iġġib sudizzjoni u sens ta’ kontroll. Il-politiku minn dejjem kellu l-privileġġ imma xorta kien jiġbed stima lejh mingħajr attentati ta’ manipulazzjoni permezz tal-mezzi tax-xandir. Illum dan kollu sparixxa minn quddiemna.
Naħsbu li għamilna passi ta’ ġgant ’il quddiem imma fil-verità, minkejja l-“immodernizzar” fejn tidħol formazzjoni edukattiva, żgur li m’aħniex aħjar minn ta’ qabilna.
Għalhekk meta nitkellmu dwar ir-riforma fl-edukazzjoni m’għandniex nieqfu sal-punt li ntejbu l-metodoloġija ta’ kif niżviluppaw il-ħiliet intelletwali biex inlaħħqu mal-pressjonijiet tat-tagħlim akkademiku. M’għandniex lanqas inkejlu l-progress fuq kemm jitjiebu l-faċilitajiet edukattivi inklużi dawk infrastrutturali.
Irridu nħarsu ferm ’il bogħod minn hekk. Meta s-soċjetà tibda tinnamra mal-kriminalità, meta tibda tiġġustifika l-mard minflok tfittex il-kura, meta titgħarras mal-preżent mingħajr kunsiderazzjoni tal-futur, inkunu fi stat ta’ kriżi. U kriżi ma noħorġux minnha billi nattakkaw is-sintomi. Irridu nattakkaw il-kawża tagħha. F’dan il-każ għalhekk irridu nikkuraw l-għeruq: is-sistema edukattiva.
Il-ġlekk ma jagħmlekx raġel. Daqshekk ieħor iċ-ċertifikatskolastiku ma jagħmlekx ċittadin format f’soċjetà. ċivili.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt