13 ta' Mejju 2007 • Nr 28

Arkivji




 

 

 

13 ta' Mejju 2007
Il-kultura ġabet bidla

1. Minn 20 sena ’l hawn kien hemm diversi bidliet li seħħew f’pajjiżna. Uħud għas-sewwa, oħrajn inqas minn hekk. Imma naħseb li l-poplu biddel ħafna l-mod ta’ kif iħares lejn il-kultura: hemm apprezzament ikbar.
Kien hemm żmien meta dan l-aspett verament importanti fil-ħajja tal-bniedem kien traskurat, anzi mqiegħed kompletament fil-ġenb. Ma kinetx prijorità la ta’ l-Istat u wisq anqas ta’ l-eletturi li postijiet storiċi u magħhom l-identità tagħna jkunu restawrati u ikkurati. Il-pajjiż kien mehdi u mitluf fi ħwejjeġ oħra. Anzi l-mentalità kienet għadha priżervata f’waħda li ssawret minn nazzjon li ħareġ imfarrak mit-tieni gwerra dinjija u li kien għadu ma fehemx biżżejjed xi tfisser li tkun indipendenti. Il-ħsieb prevalenti kien li ż-żminijiet moderni kienu jitolbu li neliminaw l-antik u ndaħħlu l-ġdid.

2. Biss illum irridu naċċettaw li l-pendlu ċċaqlaq min-naħa għall-oħra. Issa morna fuq linji li jaċċettaw l-antik però jneħħu l-antikwat. Fhimna ferm iktar li ma għandniex narmu l-istorja, il-palazzi, il-fortizzi u kulma għandna. Issa qed nindunaw x’wirt hu u napprezzaw ferm iktar li għandna nieħdu ħsiebu billi nonfqu flejjes biex inżommuh u nġibuh għall-glorja tal-passat. Fhimna wkoll li dan mhuwiex kontra l-iżvilupp modern imma jimxi id f’id miegħu. Meta nduru ma’ l-ibliet u l-irħula tagħna qed naraw ħafna iktar proġetti ta’ restawr milli qatt kellna fl-istorja tagħna. Nazzarda ngħid li huwa issa, wara dik il-qirda f’dik t-taqtiegħa mondjali, li qed nimxu b’linja vera u proprja ta’ apprezzament tal-wirt kulturali sħiħ tagħna.

3. Gandhi kien qal “A nation’s culture resides in the hearts and in the soul of its people” (Il-kultura ta’ nazzjon tinsab fil-qlub u r-ruħ tal-poplu tagħha) u għandu raġun. Mhux biżżejjed, għalkemm ċertament essenzjali, li mexxejja ta’ nazzjon ikollhom għal qalbhom il-kultura. Biex poplu jasal l-ewwel iħobb u jgħożż dak li għandu u li hu u li jqegħidhom fuq l-ogħla post fil-lista ta’ prijorità jrid jgħaddi minn ċerti esperjenzi. Fortunatament għalina għaddejna minnhom. Għalhekk għandna forza fil-pajjiż li narawha taħkem sija fuq in-naħa ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi kif ukoll fuq dawk tal-livell ta’ Gvern lokali.

4. Għandna ċerta abbundanza ta’ għaqdiet li l-ħin kollu jissorprendu b’ħidmiethom. Din l-Art Ħelwa, Wirt Artna u l-Fondazzjoni Patrimonju Malti jispikkaw fil-proġetti ambizzjużi tagħhom. Proġetti li jibdewhom u b’ħafna sagrifiċċju u dedikazzjoni jwassluhom fil-port. Postijiet mitluqa jerġgħu jieħdu lura l-ħajja bħalma rajna riċentement b’Palazzo Falson fl-Imdina li sewa iktar minn Lm800,000. L-istess esperjenza għandna b’numru tajjeb ta’ Kunsilli Lokali li nxteħtu huma wkoll jiddedikaw partijiet mill-fondi tagħhom għal dawn ir-restawri. Dawn huma llum mexxejja f’dan is-settur tant importanti għalina però mhumiex l-uniċi eżempji. Nieħu l-każ tal-kappella ta’ Santa Lucia fit-triq int u sejjer lejn il-Gudja li minn post mitluq ħadet il-ħajja u hija ġojjell apprezzata ferm u ferm iktar.

5. Bla dubju dawn huma passi ’l quddiem fl-aspett estern u estetiku u dan hu sinjal ta’ bidla fil-qlub tagħna bħala Maltin. Imma naħseb li għalkemm għamilna avvanzi kbar fid-demokrazija tagħna għad fadal passi oħra biex jikber l-ispazju kollu ta’ dak li għandna nkunu. Ġew quddiemi, fuq dan il-punt, żewġ kwotazzjonijiet interessanti. Waħda ta’ Goethe li tgħid: “Hatred is something peculiar. You will always find it strongest and most violent where there is the lowest degree of culture.” (Il-mibegħda hija xi ħaġa partikolari. Issibha dejjem l-iktar b’saħħitha u vjolenti fejn hemm l-inqas livell ta’ kulutra). U oħra ta’ Mailer li tgħid: “Culture is worth huge, huge risks. Without culture we are all totalitarian beasts.” (Għall-kultura ta’ min wieħed jieħu riskji verament kbar. Mingħajr il-kultura nsiru kollha bhejjem totalitarji.)

6. Id-demokrazija vera, dik li tħares lejn il-bniedem u tagħtih id-dinjità, ma tistax tikber u tiffjorixxi jekk kemm-il darba ma tagħtix spazju u saħħa għad-dimensjoni kulturali tal-poplu. Il-kultura u d-demokrazija jimxu id f’id u huma kumplimentari. Anzi, waqt li waħda tagħti u tiggarantixxi l-qafas legali fejn topera, l-oħra tieħu ħsieb tinfluwenza u tagħti lura ideat li jkomplu jibnu demokrazija b’sustanza vera. Ebda pajjiż ma jista’ jiddikjara li wasal fl-għan finali ta’ dak li għandhom ikunu dawn iż-żewġ aħwa. Għax l-għarfien tagħhom u l-iżvilupp sħiħ jitlob snin twal u esperjenza. Fortunatament għalina f’dan il-pajjiż qbadna t-triq it-tajba. Ma bqajniex poplu li jiddisprezza l-kultura u d-demokrazija. Anzi sirna napprezzawhom ferm. Dan hu element li jiggarantixxi l-progress u l-futur tagħna lkoll.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt