22 ta' April 2007 • Nr 25

Arkivji




 

 

 

22 ta' April 2007

Nirbħu l-faqar

Jeffrey Sachs hu kkunsidrat bħala l-aktar ekonomista influwenti fid-dinja llum. Bħalissa hu l-lecturer distint li qed jagħti r-Reith Lectures li jinstemgħu kull ġimgħa fuq il-BBC.
S’issa nstemgħu tnejn. Sachs, li jmexxi l-Millennium Villages Projects flimkien man-Nazzjonijiet Uniti, jemmen li jekk l-isplużjoni tal-popolazzjoni tad-dinja ma niħdux ħsiebha sew se twassal għal diżastri kbar. Sachs jemmen li minbarra l-kwistjoni serja ħafna tal-global warming, id-dinja hi għandha diżastru ieħor jistenniha dak tal-global crowding.
Fl-ewwel Reith Lecture ġimgħa ilu Sachs tkellem fuq it-tema ‘Bursting at the Seams’ fejn iddeskriva kif il-popolazzjoni tad-dinja tant qed tikber b’mod mgħaġġel li jekk mhux se niċċaqalqu b’mod deċisiv ġej gwaj kbir għal miljuni ta’ nies.
Illum fid-dinja hawn 6.5 biljun persuna u sas-sena 2050 il-popolazzjoni tad-dinja tista’ titla’ għal 10 biljuni. Tista’ tkun anqas jekk il-gvernijiet jaħdmu fuq pjan serju ta’ kontroll fuq it-twelid biex il-popolazzjoni tilħaq il-limitu ta’ 8 biljuni.
Sachs jikkritika l-aktar lill-Gvern tiegħu stess, dak tal-President Bush, u jakkużah li berbaq il-biljuni ta’ dollari li setgħu ntużaw b’mod effettiv biex fil-ġlieda kontra l-problema enormi tal-global warming kif ukoll dik tal-global crowding, iżda minflok dan il-kapital enormi nħela fuq il-gwerra ta’ l-Iraq.
Jargumenta li jekk id-dinja ma tirrikonoxxix il-problemi enormi tat-tkattir bla rażan tal-popolazzjoni jkompli jiżdied il-faqar u iktar minn hekk il-faqar estrem b’tant miljuni ta’ nies ibatu u jmutu bil-ġuħ. Illum qed naraw din l-istraġi sseħħ f’ħafna partijiet tad-dinja u l-istraġi se tkompli jekk pajjiż bħall-Amerika tibqa’ ma tiħux il-passi deċiżivi li jinħtieġu jittieħdu.
Min irid jifhem aktar jista’ jisma’ ir-Reith Lectures li jmiss. Din il-ġimgħa tkellem fuq it-tema Survival in the Anthropocene u fit-tliet ġimgħat li ġejjin se jitkellem fuq dawn it-temi: The Great Convergence, Poverty in the Midst of Plenty u A new Politics for a New Age. Interessanti għal dawk li jridu jifhmu aktar l-problema tal- faqar fid-dinja li jaqraw il-ktieb li Jeffrey Sachs ippubblika sentejn ilu The End of Poverty.
Fir-Reith Lecture ta’ din l-ġimgħa Sachs jiddeskrivi bil-fatti l-isfidi kbar li qed niffaċjaw fid-dinja llum bħall-isfida tal-problema tal-bidla fil-klima, il-problema tal-faqar u tal-ġuħ u l-isfida l-kbira ta’ l-iskarsezza ta’ enerġija u n-nuqqas ta’ ilma. Min hu f’siktu u f’pożizzjoni ta’ awtorità ma jistax jibqa’ jinjora dawn l-fatti.
Il-kampanja ta’ Sachs hi li jippromwovi analiżi u soluzzjonijiet prattiċi u li jistgħu jitħaddmu fuq medda relattivament qasira ta’ żmien. L-esperimenti li hu wettaq fil-proġett Millennium Villages wera li jekk il-programmi ta’ assistenza jitħaddmu sew dawn jistgħu b’mod verament effettiv inaqqsu b’mod straordinarju l-faqar u jiskansaw lill-miljuni ta’ nies mill-mewt kiefra kkawżata mill-ġuħ u l-malnutrizzjoni.
Sachs hu l-ekonomista li jemmen fl-ekonomija globali tas-suq u fil-kapitaliżmu mondjali u jemmen li bħalma t-tkabbir ta’ l-ekonomija mondjali tas-suq qed jirnexxielu jkabbar b’mod spettakulari l-ekonomiji taċ-Ċina u ta’ l-Indja bir-riżultat li miljuni ta’ Ċiniżi u Indjani qed jintrefgħu mill-miżerja, hekk ukoll jista’ jiġri f’ħafna bnadi oħra tad-dinja. Dan mhux kliem ta’ xi ideoloġista li qed joħlom imma ta’ bniedem kapaċi, li jifhem u hu awtorità dwar it-tħaddim tas-sistema tas-suq ħieles. Dak li jipproponi hu bbażat fuq prinċipji ekonomiċi sodi u mhux fuq ħolm.
Sachs jemmen li jekk 0.7% tal-prodott gross domestiku (GDP) tal-pajjiżi avvanzati tad-dinja jitħaddem bħala kapital fi skemi li jiġġieldu l-faqar mondjali, il-problema tista’ tittaffa serjament.
Il-kritiċi jgħidu li aktar ma jkun hemm flus indirizzati lejn din l-problema kruċjali aktar jitimgħu l-korruzzjoni u l-inkompetenza milli jinqered il-faqar. Sachs, iżda, jargumenta li 0.7% fuq 3.5 triljun ta’ dollari, li hu stmat li hu l-prodott gross domestiku tal-pajjiżi sinjuri, hu biżżejjed biex tintrebah l-ġlieda kontra l-Aids, it-T.B, il-malarja u ħafna kundizzjonijiet oħra li jġibu tant inkwiet u tbatijiet fiż-żoni foqra tad-dinja.
Il-flus jekk jintefqu fuq fertilizzanti, fuq żrieragħ li jagħtu riżultati qawwija, mezzi ta’ kontra l-malarja, fuq bore-holes għall-ilma għax-xorb u fuq sistemi ta’ twassil ta’ ilma għal fejn jgħixu n-nies, iwasslu biex b’mod prattiku miljuni ta’ nies jintrefgħu mill-miżerja. L-infieq li qed jipproponi Sachs għad-dinja sinjura mhu kważi xejn. Iżda fin-nuqqas ta’ dawn l-fondi, 10 miljun persuna, jekk mhux aktar, qed imutu kawża tal-ġuħ.
Bħal fil-każ tal-global warming nemmen li f’Malta wkoll għandna nibnu kuxjenza dwar din l-kwistjoni. Iż-żmien li Malta għamlet bħala ċ-Chair tal-Commonwealth ġabitna aktar konxji tal-problemi li qed jiffaċċjaw l-pajjiżi fqar tal-Commonwealth. Iżda l-problema hi akbar minn hekk. Bħal fil-każ tal-problema tal-global warming, il-problema tal-faqar fid-dinja tintrebaħ jekk nikkommettu ruħna lkoll b’impenn. Mhux għax aħna żgħar nibqgħu gallarija. Anzi ż-żgħir fl-isfera internazzjonali jista’ jagħmel ħafna għax ħadd ma jissuspetta xi motivazzjoni ulterjuri.
Malta diġà għandha isem tajjeb bħala proponent ta’ proposti favur l-ġid tal-popli. Din hi t-triq li rridu nsegwu fl-isfera internazzjonali.
Nirbħu l-istima billi nimpenjaw ruħna għas-sewwa.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt