Il-President ta’ l-MFA Joe Mifsud jinsab taħt attakk qawwi mill-Istampa Taljana għal dak li qed ifissru bħala “tradiment” fil-vot li ttieħed nhar l-Erbgħa li għadda f’Cardiff u li wassal biex il-UEFA tiddeċiedi favur li l-kampjonat Ewropew tal-futbol fl-2012 isir fil-Polonja u l-Ukrajna.
L-attakk lejn Mifsud deher ċar fil-gazzetti prinċipali Taljani kollha, partikolarment il-Corriere della Sera, La Gazzetta dello Sport u Il Messaggero.
Ikkuntattjat darbtejn il-bieraħ minn din il-gazzetta Joe Mifsud qal li hu għad irid jara dak li nkiteb dwaru fl-Italja u wara jikkunsidra jagħmilx libell kontriehom.
Meta tlabnieh jikkummenta dwar l-attakk mill-media Taljana Joe Mifsud baqa’ jinsisti li “dik biċċa tagħhom u mbagħad naraw.”
Skond l-Istampa Taljana sa lejlet il-votazzjoni l-vot ta’ Malta kien meqjus bħala vot favur l-Italja.
Il-gazzetti Taljani allegaw li kollox inbidel bla mistenni 24 siegħa wara f’dak li qed jiddeskrivu bħala “lejla ta’ intriċċi.”
Skond il-gazzetta Il Messaggero allegatament biddlu l-vot tagħhom ukoll Ċipru u r-Rumanija li kellhom rappreżentanti li huma ħbieb ħafna tal-multi-miljunarju mill-Ukrajna Grigorij Surkis li hu membru fl-eżekuttiv ta’l-UEFA.
Il-gazzetti Taljani sostnew li f’Cardiff sar ħafna “xogħol diplomatiku” min-naħa ta’ Surkis, tant li l-Italja, li kellha ċerti ħames voti, spiċċat biex kisbet biss il-vot tal-Ġermaniż Mayer-Vorfelder, it-Tork Erzik, l-Ispanjol Villar u tal-President tal-UEFA Michel Platini.
Skond l-esperti tal-futbol internazzjonali, il-vot ta’ Mifsud kien riflessjoni tal-lealtà tiegħu lejn l-eks President tal-Fifa Lenart Johannson li hu wkoll s-Segretarju Onorarju tal-UEFA. Jidher li Johannson ma qabilx mal-pjan ta’ Platini li l-kampjonat UEFA isir fl-Italja.
Din il-gazzetta l-bieraħ għamlet kuntatt ukoll mas-Sotto-Segretarju Taljan għall-Isport Giovanni Lolli li qal li għalkemm l-Italja hi ddispjaċuta għall-fatt li ma ntgħażlitx biex tospita l-logħob fl-2012, il-ħbiberija ma’ Malta tibqa’ waħda konkreta.
“Fil-verità nemmen li l-Ewropa l-lum għandha realtà ġdida fejn il-pajjiżi l-ġodda fl-UE huma politikament b’saħħithom,” qal Giovanni Lolli li żied kif pajjiż bħall-Polonja hu “tajjeb daqs kull pajjiż ieħor Ewropew.”
Ma’ din il-gazzetta kkummenta wkoll il-kelliem uffiċjali tal-President tal-Federazzjoni Taljana tal-Futbol (Figc) Antonello Valentini, li spjega kif għalkemm il-kwistjoni dwar it-telfa Taljana hi trawma għal min kien jemmen fiha, “il-Figc m’għandhiex intenzjoni li timpika ma’ Malta.”
Valentini sostna wkoll li “il-kapitlu hu magħluq” u l-kwistjoni hi issa “interna” għat-Taljani biex jaraw x’mar ħażin u x’lezzjonijiet għandhom jittieħdu fiċ-ċirkostanzi.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt