TONI
Qisu l-bieraħ. Xi ftit tas-snin ilu kienu mietu tliet ħaddiema meta kienu jaħdmu f’sistema tad-drenaġġ. Dakinhar Malta kollha xegħlet u kulħadd ħalef li dawn l-imwiet qatt aktar ma jiġru. Iżda f’Malta kulħadd jinħasad għall-mument u wara kollox jintesa. Minn dakinhar sal-lum weġġgħu mijiet ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u mietu għexieren.
Nemmen li tagħmel x’tagħmel ħaddiema fuq ix-xogħol dejjem se jibqgħu jweġġgħu u jmutu. Jista’ però jiġi evitat li jweġġgħu anqas u jmutu anqas. Iżda hi kwistjoni ta’ kultura u t-tliet protagonisti f’dan l-argument, min jimpjega, min jaħdem u l-gvern, dejjem jieħdu riskji aktar minn kemm hemm bżonn.
F’dinja fejn il-kompetizzjoni kummerċjali dejjem tiżdied u ssir aktar feroċi, min iħaddem dejjem irid jara kif se jnaqqas mill-ispejjeż. Il-miżuri protettivi fuq ix-xogħol x’aktarx ikunu l-ewwel li jara żejda. Il-ħaddiema Maltin ma humiex wisq akkaniti li jilbsu lbies protettiv li jirritahom waqt ix-xogħol.
Mhux hekk biss, minkejja li sigħat twal ta’ xogħol iwasslu għal għejja perikoluża, meta l-Unjoni Ewropea insistiet għall-implimentazzjoni tal-Work Directive li ħadd ma għandu jaħdem ġimgħa ta’ xogħol itwal minn 48 siegħa, inkluż overtime, din sabet reżistenza kemm mill-impjegaturi u anki mill-ħaddiema. Minn ta’ l-ewwel għax irid ikabbar il-produzzjoni, minn tat-tieni għax irid jaqla’ aktar flus biex ikun jista’ jlaħħaq ma’ l-ispejjeż ta’ ħajja dejjem togħla. Ċirku vizzjuż tassew.
Il-Gvern min-naħa tiegħu mhux xi eżempju xintillanti f’dan il-qasam. Ħames snin ilu twaqqfet b’pompa kbira l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (l-Awtorità). Meta suppost l-istandards qegħdin jikbru, iċ-ċifri u l-istatistiċi fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa fuq ix-xogħol juru mod ieħor.
Minkejja li din l-Awtorità kellha ġġib bidla fil-kultura f’dan ir-rigward, bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra l-ammont ta’ persuni li weġġgħu fuq ix-xogħol li rreġistraw għall-assistenza soċjali għall-korriment kien ta’ 1,014. Dan ifisser żieda ta’ 9.2 fil-mija fuq is-sena l-oħra. Flok sejrin ’il quddiem, sejrin lura. Iżda biex wieħed jara x’interess għandhom il-politiċi f’xi qasam soċjali partikolari għandu jħares x’ikun ivvota fi flus il-Gvern f’xi baġit partikolari.
Fil-Budget ta’ l-2007 ma jidher li ġie vvotat ebda ammont speċifiku għall-Awtorità biex tkun tista’ taħdem. Iżda nsibu ammont insinjifikanti ta’ Lm421,000 għal dak li jissejjaħ Social Welfare Standards. Ammont li jrid jinqasam bejn l-Awtorità tas-Saħħa u awtoritajiet oħrajn. Il-kritika proprja li ssir f’dan il-qasam hu, li jekk il-Gvern tassew irid ikun effettiv irid jgħin lill-Awtorità finanzjarjament biex tkun tista’ tipprovdi l-mezzi preventivi neċessarji.
Apparti dan, il-Gvern lanqas ma juri eżempju ħaj ta’ kif għandhom jitħarsu l-ħaddiema tiegħu fi proġetti tiegħu. Rapport li deher dan l-aħħar fil-Maltastar.com, minn ma nafx kemm-il post żar il-ġurnalist, sab li f’wieħed biss il-ħaddiema qegħdin jaħdmu b’ilbies xieraq fuq xi proġett tal-gvern.
Apparti dan ġieli tinkiser il-liġi taħt għajnejn il-Gvern u l-Awtorità u xorta ma jsir xejn. Eżempju ċar huwa t-tneħħija ta’ materjal magħmul mill-asbestos biex nagħmlu wisa’ u nakkomodaw l-ambaxxata Amerikana.
L-aktar inċident komiku kien meta kellha tiġi sospiża seduta Parlamentari minħabba rwejjaħ esaġerati. Irwejjaħ li sal-lum għadu ħadd ma spjega x’inhuma u x’kienet il-kawża tagħhom.
Iżda fit-tul huwa fl-interess ta’ kulħadd li jweġġgħu anqas ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Nofs il-ħaddiema li jweġġgħu kollha huma taħt il-35 sena, jiġifieri relattivament żgħażagħ. Jekk ikunu qegħdin isofru minn diżabbiltà, jitilfu posthom fis-suq tax-xogħol.
Apparti dan l-Istat jitgħabba b’piż finanzjarju akbar milli kieku kellhom imutu, għaliex ikollu jħallas aktar benefiċċji għall-korriment mingħajr ma hu qiegħed jieħu xejn lura u kif ukoll spejjeż meħtieġa għal kura fit-tul jekk mhux ukoll permanenti. Jiġifieri anke minn aspett finanzjarju, jaqbel li jweġgħu ħaddiema anqas, għax dak li nippruvaw niffrankaw minn naħa, ikollna nonfquh min-naħa l-oħra.
Konnessi ma’ inċidenti fatali fuq ix-xogħol hemm ukoll il-Qrati u l-assigurazzjonijiet. Il-Qrati saru ħafna aktar sensittivi minn qabel. Saru jagħtu somom sostanzjali bħal f’pajjiżi oħrajn. Nisimgħu b’somom ta’ mijiet ta’ eluf ta’ liri. Iżda sabiex ħaddiem jieħu dak li ħaqqu, idum is-snin ikarkar. Għalhekk ma nafx wasalx iż-żmien, li bħalma għandna t-Tribunal Industrijali, ikollna wkoll Tribunal għall-Kumpens Industrijali, li jkun aktar speċjalizzat, l-ispejjeż ikunu anqas u forsi kwistjoni tiġi deċiża b’aktar ħeffa minn kawża ċivili ordinarja. Min ikun tilef parti minn ġismu jrid jiekol ukoll u ma jistax jibqa’ jistenna s-snin.
Anke l-assigurazzjonijiet għandhom sehem importanti x’jilagħbu. Huwa fl-interess tagħhom li jagħmlu eżami doppju biex jaraw li l-klijent tagħhom qed josserva r-regolamenti għall-ħarsien tas-saħħa fuq ix-xogħol u anki juża t-teknika tajba fejn jidħol il-bini jew qiegħed isir xi prodott.
Inħoss li l-assigurazzjonijiet, qabel ma joħorġu polza, għandhom ikunu aktar diliġenti, u mhux ma jħallsux jekk isibu li kien hemm xi ksur ta’ regolamenti wara li jsir l-inċident.
Nemmen li għandhom minn qabel jaċċertaw li kollox se jsir sew. Xejn xejn iservu ta’ double check. Li ħafna drabi jiġri hu li qabel ma titħallas l-assigurazzjoni tistenna r-rapport ta’ l-Awtorità Dwar is-Saħħa u toqgħod fuqu, meta x’aktarx lanqas l-Awtorità ma tkun għamlet xogħolha sew qabel ma seħħ l-inċident.
Ftit jafu li t-28 ta’ April 2007 l-ILO għamlitu bħala jum ta’ tifkira għal dawk l-eluf ta’ ħaddiema li madwar id-dinja kollha jkunu mietu jew weġġgħu fuq ix-xogħol. Naħseb taqblu miegħi li għandna għalfejn infakkru dan il-jum.
PEPPI
Xi ħames snin ilu kien ċempilli wieħed u qalli li xtaq ikellimni għax ‘kien weġġa’ ħafna fil-fabbrika fejn jaħdem.’
Iltqajna u beda l-istorja. Qalli li hu ilu snin jistenna biex jilħaq supervisor tas-sezzjoni iżda qabżu wieħed li skond din l-istorja kien poġġut ma’ xi maniġer f’xi sezzjoni oħra. Qalli li din id-deċiżjoni weġġgħetu ħafna għax kien ilu jaħdem hemm 13-il sena u kien iqis il-fabbrika qisha tiegħu. Biex jipprova dan ħareġ idejh u wrini tlett iswaba’ mtajrin. Qalli: “Dawn taf għalxiex? Biex inlaħħaq il-production neħħejt il-guard li għandha l-magna biex ngħaġġel iktar u qtajthom barra.”
Beda jiħmar. Iżda l-ironija kienet li r-rabja tiegħu kienet aktar fuq li ma laħaqx supervisor milli li fl-istess fabbrika tilef tlett iswaba’. Meta qalli li kien weġġa’ fuq il-post tax-xogħol kien qed jifhem li weġġa’ f’qalbu. U nifhmu. Iżda donnu li kieku għamluh supervisior kien ikun kuntent anke mingħajr is-swaba’. Ikolli ngħid din hi l-mentalità ta’ ħafna minna.
Jekk union tlaqqa’ lill-ħaddiema u tgħidilhom li se jiżdiedu fil-pagi iċapċap kulħadd. Iżda jekk il-union tħabbar li fil-ftehim kollettiv is-sidien se jinvestu f’aktar apparat għas-sigurtà tagħhom ma tridx wisq biex tisma’ min jgħid: “Aħjar jaħasra tawhomlna żieda dawn għax jiena mara u tlett itfal għandi…”
Jekk is-sieħeb jew sieħba jweġġgħu gravi jew imutu, x’jibqgħalhom għall-familja? Niftakar darba mort ngħin grupp ta’ ħaddiema waqt azzjoni industrijali għax riedu xi żieda.
Meta dħalt fil-fabbrika fejn kienu jaħdmu sibt li kienu jibilgħu qisu trab iswed irqiq li wara erbat ijiem locked out quddiem il-fabbrika kienu għadhom joħomtu dan it-trab iswed. L-istrajk ordnat mill-union ma kellu xejn x’jaqsam mas-saħħa fuq il-post tax-xogħol.
Niftakar xi ħaddieħor jirrakkuntali kif wara l-iffirmar ta’ ftehim li fih il-ħaddiema tbiegħdu minn periklu fuq saħħithom bdew igergru għax issa neħħewlhom id-danger money.
Uħud mit-traġedji fuq il-post tax-xogħol segwejthom mill-qrib u iltqajt ma’ diversi nisa li żwieġhom mietu fuq ix-xogħol. It-traġedja hi kbira. Niftakar omm tibki lil binha ta’ 17-il sena li daħal jaħdem għas-sajf u wara jumejn ħa xokk elettriku u taha l-akbar xokk ta’ ħajjitha meta semgħet li qatt mhu se tarah aktar. It-trawma tibqa’ hemm anki wara ħafna snin.
L-għada li mietu l-ħaddiema waqt li kienu qed jaħdmu xi xogħol fid-drenaġġ kien hawn ‘għajta’ kbira fil-pajjiż biex kulħadd jieħu ħsieb jipproteġi ruħu. L-għada kont ħriġt niffilmja u sibt ħafna nies imdendlin f’diversi siti ta’ kostruzzjoni xorta mingħajr ilbies protettiv.
Il-ħasra hi li hawn Malta iktar joħorġu tickets għax ma twaħħalx il-liċenzja mal-windscreen milli jekk ma tilbisx l-elmu f’rasek. Imma mbagħad ngħid biċ-ċitazzjonijiet se nimxu?
Waqt li kont qed nitkaża bil-ħaddiema bla lbies protettiv ridna wkoll naraw kemm id-djar tagħna huma safe. Ġibna espert biex niffilmjaw dar tipika. Spiċċaw iffilmjaw il-flat fejn kont noqgħod. L-espert ħallieni b’ħalqi miftuħ bl-ammont ta’ perikli għas-saħħa u s-sigurtà li sab kważi f’kull rokna ta’ l-appartament. Veru kien każ ta’ min jitkaża jaqa’ fil-każa.
Naħseb li f’Malta għamilna passi fid-direzzjoni t-tajba iżda jonqos ħafna għax naħseb li qed niġġieldu kontra kultura. Nibża’ li ibni jispiċċa jieħu d-droga bil-lejl imma ma ninkwetax li filgħodu jista’ jkorri jew imut serjament fuq il-post tax-xogħol.
Fuq ix-xogħol ma hemmx għalfejn tkun traġedja ta’ ġurnata iżda taf tkun traġedja wara 10 snin li tkun fottejt dahrek jew għajnejk. Ninħaraq l-aktar meta niltaqa’ ma’ wħud li jgħidulek li wara li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol ħelsu minnhom bil-pulit għax issa riedu jimpjegaw nies mhux imweġġgħin, friski biex jaħdmu u jfottu s-sinsla ta’ daharhom.
Hu sew li l-liġi issa tagħmilha ċara li s-sid irid jipprovdi ilbies protettiv u ambjent kemm jista’ jkun bla periklu iżda hi anki r-responsabbiltà tal-persuna li tilbsu f kull ħin u f’każ ta’ inċident li bi traskuraġni ta’ wieħed mill-ħaddiema jispiċċa jkorri jew imut ħaddieħor, il-ħaddiem għandu jkun responsabbli.
Iżda s-saħħa fuq il-post tax-xogħol trid tibda minn meta nkunu għadna l-iskola. Irridu nkunu konxji ta’ saħħitna u nifhmu li wara li nitilfuha nsiru nafu xi tfisser. Hemm bżonn li s-saħħa u s-sigurtà jiġu l-ewwel qabel kollox u l-prinċipji għandhom jitrabbew magħna mit-twelid.
Ma rridx ninsa li hemm ukoll is-saħħa mentali li rrid inkun ipokrita biex nippriedka dwarha għax nemmen li fix-xogħol li nagħmlu jien u sħabi m’aħna konxji qatt li l-moħħ jista’ jimrad fuq ix-xogħol ukoll.
U l-ebda ‘safra biex idderri’ mhu se tfejqek kif ġieb u laħaq!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt