22 ta' April 2007
“Mhux se nagħmel l-istess żball ta’ Sant” – Gonzi
Fil-laqgħa ta’ l-eżekuttiv ta’ nhar il-Ħamis li għadda Lawrence Gonzi għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista bl-ebda mod mhu se jersaq qrib Josie Muscat u eskluda kull tip ta’ kollaborazzjoni.
Fil-laqgħa kien hemm diskussjoni miftuħa fuq ir-riżultat tal-kunsilli lokali li saru iktar minn xahar ilu iżda waqt id-dibattitu qamet ukoll il-kwistjoni ‘Josie’.
Il-Kap Nazzjonalista iżda għamilha ċara li bl-ebda mod il-PN ma kien se jfittex xi tip ta’ rapport ma’ l-eks Membru Parlamentari Nazzjonalista Josie Muscat li xahar ieħor se jħabbar it-twaqqif ta’ partit politiku ġdid.
“M’jienix se nagħmel l-istess żball li għamel Alfred Sant b’Mintoff fl-1996,” sostna Gonzi.
Fl-1996 Alfred Sant kien aċċetta li Dom Mintoff jikkontesta mal-partit minkejja li kien jidher ċar li Mintoff kellu l-programm elettorali personali tiegħu tant li kien l-uniku kandidat Laburista li kien jagħmel meetings għal rasu f’Bormla. L-istorja ta’ wara l-elezzjoni ta’ l-1996 illum jafha kulħadd u donnu li Gonzi ma jridx li din tirrepeti ruħha.
It-tħabbira f’Diċembru li għadda li Josie Muscat kien qed jikkunsidra li jwaqqaf partit politiku ġdid ħasdet lil ħafna fil-PN.
Issa li l-proġett politiku ta’ Josie Muscat dalwaqt ikun varat hemm ħafna fil-PN li qed jinkwetaw dwar l-impatt li jista’ jħalli Muscat fuq l-elettorat tradizzjonali tal-PN, speċjalment fit-Tieni u t-Tielet Distrett fejn Muscat igawdi popolarità qawwija.
Għalkemm il-pjattaforma politika ta’ Muscat għadha mhux magħrufa, jidher li se jkun qed jappella għal dawk li huma diżillużi mill-politika, speċjalment dawk in-Nazzjonalisti li huma mxebbgħin mill-PN iżda jsibuha diffiċli jivvutaw Labour.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt