22 ta' April 2007 • Nr 25

Arkivji




 

 

 

22 ta' April 2007
B’geyser jixxokkja, tistenna lil tal-Community Chest Fund

Julia Farrugia

F’appartament mikri u mneżża’ minn xinxilli u lussu żejjed, familja ta’ tlieta, omm u żewġt ibniet, waħda ta’ sentejn u oħra ta’ tminn snin jgħixu b’mod mill-aktar sempliċi.
Imma kif tirfes fil-kamra ewlenija ta’ l-appartament tinnota numru ta’ nuqqasijiet. Maria Galea, l-omm, tispjegali x’inhuma l-akbar problemi.
Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet il-mara bdiet għaddejja mill-proċess ta’ separazzjoni. “Fil-Milied, fiż-żmien li kulħadd għaddej bil-ferħ u x-xiri tal-festi, konna għaddejjin minn passjoni kbira,” issostni Maria.
“Għamilt tliet xhur sħaħ mingħajr ċenteżmu għax daqshekk domt biex bdejt nirċievi r-relief. F’dawk it-tliet xhur ma stajtx nagħmel rasi fuq l-imħadda. Ġieli ma kellniex flus biex uliedi u jien nieklu.”

L-omm li għad għandha biss 29 sena tfisser l-uġigħ li ġġib magħha sitwazzjoni bħal din.
“Kien hemm żmien fejn it-tifel marad u ma kellix flus biex nixtrilu l-mediċina.”
Maria tistqarr li dan il-perjodu kien wieħed iebes għaliha. “Tħossok tmur lura. Mentalment, fiżikament u anke emozzjonalment.”
Fid-19 ta’ Frar ta’ din is-sena l-qassis tal-parroċċa taha daqqa t’id lil din iż-żagħżugħa u mlielha l-applikazzjoni biex tieħu għajnuna mill-Community Chest Fund.
Nies oħra li jgħinu fil-parroċċa tawha ikel bħal għaġin u gallettini mill-fond ta’ l-ikel imqassam mill-Unjoni Ewropea.
Mill-applikazzjoni tal-Community Chest Fund issa għaddew 9 ġimgħat. Minkejja dan l-omm għadha ma semgħet xejn. Imma x’talbet eżatt il-mara?
Iddaħħalni fil-kamra tal-banju. Fuq ix-xellug jispikka geyser li b’mod kontinwu jqattar u jagħti xokkijiet ta’ l-elettriku. Qtar ta’ lewn oranġjo fuq il-banju jindika s-sadid li ħiereġ minnu. L-omm tgħix kontinwament fil-biża’ li xi ħadd minn uliedha jkorri u għalhekk kuljum titfi l-geyser u tixegħlu biss ftit qabel il-ħasil x’ħin ma jkunx hemm it-tfal fl-inħawi.
“Il-geyser mhux lussu” tinsisti Maria.
“Għandna bżonn ukoll fridge. Dik li għandna fl-appartament hija msadda u ma tkessaħx biżżejjed. Il-biża’ hi li fis-sajf ikollna narmu l-ftit affarijiet li jkollna fiha għax jaqtgħu minħabba li t-temperatura ma tkunx tajba,” tkompli l-omm.
Fi Frar li għadda l-mara talbet li tingħata wkoll food processor biex tagħsar l-ikel għat-tarbija tagħha kif ukoll televiżjoni għax dak li kellha ma kienx jaħdem. Imma sal-lum l-omm għadha mingħajr risposta u ma tafx jekk l-organizazzjoni hux se tgħina jew le. Tispjegali li snin ilu l-Community Chest Fund kienet tatha oġġett għat-tarbija imma din id-darba għadha ma tafx x’se jkun id-destin tagħha.
Din il-gazzetta nvestigat x’inhu l-proċess li tadotta din l-istituzzjoni filantropika.
Skond tweġibiet li ngħatajna mill-istituzzjoni nnifisha jirriżulta li bejn l-2005 u dan ix-xahar il-Community Chest Fund irċeviet 6,429 talba għall-għajnuna, medja ta’ 233 talba fix-xahar.
L-organizzazzjoni għandha bord għal ta’ l-apposta li janalizza l-applikazzjonijiet tagħha. Skond il-Community Chest Fund fil-bord hemm ukoll social workers u nies kompetenti li jivverifikaw fid-djar stess jekk il-każ hux ġenwin jew le. Imma minn ta’ l-inqas żewġ persuni li gawdew minn benefiċċji minn dan il-fond ikkonfermaw magħna li l-ebda social worker ma mar jivverifika fid-dar tagħhom! Fost dawn persuna li ngħatat flus biex tixtri kompjuter u persuna oħra li ngħatat pushchair għat-tarbija.
Imma problema li qed tiltaqa’ magħha l-familja Galea hi d-dewmien biex ikunu jafu jekk hux se jingħataw xi ħaġa mill-oġġetti li talbu. Meta din il-gazzetta staqsiet lill-Community Chest Fund kemm hu d-dewmien medju biex persuna tinqeda, l-organizzazzjoni wieġbet li l-medja hi bejn erba’ u sitt ġimgħat. F’dan il-każ il-familja ilha diġà ilha aktar minn xahrejn tistenna.
Hemm problema oħra. Forsi anke frott l-eluf ta’ talbiet li tirċievi l-Community Chest Fund, l-organizazzjoni adottat sistema li biha ħafna drabi tagħti biss oġġett wieħed lil min japplika għall-għajnuna.
L-għaqda kkonfermat magħna li bħalissa għandha madwar 178 każ pendenti quddiema. Nifhmu li l-każ ta’ Maria Galea hu wieħed minn dawn. Il-Community Chest Fund issostni li kull sena jintlaqgħu qrib il-85 fil-mija tat-talbiet li tirċievi. “Il-kumplament ma jiġux aċċettati minħabba xi raġuni valida.”

* l-isem inbidel biex jipproteġi l-identità tal-mara u tat-tfal

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt