22 ta' April 2007 • Nr 25

Arkivji




 

 

 

22 ta' April 2007
“Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Monaco se jtemmu l-karriera tiegħi”

B’ċerta bruda li għandi lejn uħud li jmexxu l-assoċjazzjoni ta’ l-atletika f’pajjiżna ħsibtha ħafna għandix xi darba f’għomri nerġa’ ninżel sal-Matthew Micallef St. John Track. Ir-raġuni ta’ kif jittieħdu ċertu deċiżjonijiet minn xi ndividwi f’dan il-Kumitat iħalluk mistgħaġeb u mħasseb. Hija ħasra kbira għax il-parti l-kbira ta’ dawn l-inħawi jagħtuk x’tifhem mill-ewwel li huwa post mill-isbaħ bi trankwillità u serenità liema bħala. Huwa post li filwaqt li tkun qed timxi jew tiġri mad-dawra tat-track jirrillassak minn ġurnata xogħol.
Almenu din hija l-impressjoni tiegħi tal-post fil-ħinijiet ta’ wara nofsinhar għall-ħabta tal-5pm. Ix-xemx tibda tbatti mill-qilla tagħha u allura kien l-aktar ħin ideali biex wieħed iqatta’ tmiem il-ġurnata l-Marsa.
Inpoġġi u nistennih fuq it-tarġa ta’ fuq eżatt kif tidħol mill-grada tal-post imsemmi. Nara mal-100 ruħ jitħarrġu f’dak il-ħin. Uħud minnhom jgħaddu riħ minn quddiemi għal darba, darbtejn, tlieta….Oħrajn nissoponi li ħdejhom, nemla taqta’ l-arloġġ.
Finalment, nara ġej lil Mario Bonello. Lil Mario ili nafu snin twal minn żmien il-kulleġġ De La Salle. L-isem u l-istatura tiegħu tibqa’ waħda sinonima ma’ l-atletika Maltija.
Mario jgħidli li jkun aħjar jekk nidħlu fil-gym. Għarqan kif kien ma riedx jissogra li jibqa’ għaż-żiffa ħafifa li bdiet għaddejja fil-mument u jibla’ xi riħ. Naqbdu nimxu. Wara minuta li konna ilna diġà fih, ngħidlu li x’ħin ikun komdu nistgħu mmorru fil-gym. X’gym?....
Mario jinfaqa’ jidħak u jgħidli li konna qegħdin fil-post pjanat. Ninħasad. Il-kamra tas-suppost gym iġġeddidli l-memorja ta’ 15-il sena ilu meta ta’ tifel żgħir, kont nattendi fl-iSkolasport tal-futbol. Għadha l-istess kważi f’kollox, kemm fl-inkallazzjoni ta’ l-art u anki tal-ħajt attrezzat b’żebgħa mwaqqgħa u għanqbut ta’ l-iprem kwalità ma’ kull rokna. Ninnota li l-apparat fil-gym li jużaw l-atleti nazzjonali tagħna huwa uniku. Almenu jien qatt ma rajt bħalu. Ma nafx x’tip ta’ ngwanti u qalb ta’ iljun atleta jrid ikollu biex jissogra jmiss ma’ dawn l-opri majestużi.
Sakemm nagħmel ftit passi biex insib post qgħadt b’seba’ għajnejn li ma nolqotx xi magna u nispiċċa f’emerġenza għat-titqieba tat-tetnu. Inpoġġi fuq parti ta’ waħda mill-opri. Kien l-aktar post diċenti. Mario ma tantx ħabbel rasu. Imbotta speċi ta’ kaxxa viċin tiegħi. Mid-dehra kienet ilha ma tiċċaqlaq minn postha żmien. Il-marka tal-qies tagħħa ħallietha warajha. Ipoġġi fuqha.
Għadni ma staqsejtux jekk kellux jarmi x-shorts li kien bih dakinhar. Riħa ta’ grottli qarsin li trid toqgħod attent li ma tmurx tibla xi nifs f’daqqa u tibqa’ tal-kolp. Il-kamra ma tħalli l-ebda lok għal ftaħir, ksuħat. Dawn l-affarijiet jirbħu l-priorità fuq kollox. Nibdew…Lil Mario Bonello nsaqsih kif jaħseb li hu Mario Bonello.
“Bniedem iffissat fuq l-atletika. Jien tip ta’ persuna li ma naqta’ qalbi qatt u ma ngħid le għal xejn. Forsi dan il-fatt huwa l-parti negattiv tal-karattru tiegħi għax ġieli nispiċċa ma nagħtix priorità lill-aktar affarijiet importanti f’ħajti. Eżempju klassiku kien fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru pajjiżna fl-2003.
“Kont spiċċajt ngħin ħafna fl-organizazzjoni medika li ma kellha xejn x’taqsam miegħi. Inzertjat li b’xi mod kont xi ftit involut u spiċċajt dħalt fiha sew. L-akbar konċentrazzjoni kelli nitfagħha fuq it-tlielaq li kelli niġri b’konsegwenza li wara ħassejt li ma ħriġtx l-aqwa tiegħi fl-aktar mument importanti.”
Mario jimmeraviljani kif jirnexxilu jlaħħaq ma’ kollox. Kemm ili nafu nibqa’ ma nifhimx kif dejjem żamm u baqa’ konsistenti ma’ l-appuntamenti kollha li jkollu.
“Il-ġurnata tipika tiegħi tibda mill-5.30am. Inqum kmieni filgħodu u nagħmel sessjoni ta’ taħriġ sas-7am. Nieħu l-kolazzjon u nwassal lit-tifel l-iskola. Kif nispiċċa mix-xogħol nerġa’ nagħmel sagħtejn oħra ta’ taħriġ. Fil-ftit ħin li jkun għad fadal fil-ġurnata nipprova nlaħħaq ma’ dak kollu li nkun involut fih fil-mument.
“Jien ma bdejtx fl-isport mill-atletika. L-ewwel sport tiegħi kien il-basketball meta kont immur il-Kulleġġ De La Salle. Dak iż-żmien kellna lil Edgar Borg, l-għalliem ta’ l-Edukazzjoni Fiżika. Kien bniedem ta’ dixxiplina kbira u jien dejjem qistu bħala ta’ eżempju għall-età tagħna. Kont nagħmel parti mit-tim Nazzjonali wkoll.
“Darba minnhom kont f’logħba basketball ta’ l-Ewwel Diviżjoni kontra Birkirkara u bdejt inħoss li t-tul tiegħi mhux jgħini aktar għal din il-logħba. Bil-mod il-mod bdejt dieħel fl-atletika u ta’ 18-il sena ħsibt li kelli nibqa’ f’dan l-isport. Infatti, għamilt suċċess fl-atletika ħafna aktar milli fil-basketball.”
Mario twieled fit-28 ta’ Jannar 1974. Miżżewweġ lil Katia u għandhom żewġt itfal, Andria u Nikolai. Huwa iben Anthony u Doris u ż-żewġ ħutu bniet jisimhom Roberta u Charlene.
Ta’ 33 sena mhux faċli ssib atleta li jibqa’ daqshekk konsistenti. Nistaqsih meta se tkun il-ġurnata li jinżel is-siparju fuq il-karriera tiegħu.
“Illum wasalt biex noħroġ mill-atletika. Ili ngħid li se nieqaf xi erba’ snin imma issa konvint li l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Monaco se jtemmu l-karriera tiegħi. Meta noqgħod naħseb li din il-ġurnata hija fil-viċin jaqbadni d-dwejjaq. Meta xi ħaġa ssir parti minnek u mbagħad tinqata’ minnha ma jkunx faċli tgħaddi mingħajra. Imma nixtieq nibda nikkowċja. Diġà bdejt nagħmel dan xi ftit imma f’dan l-isport nixtieq nara aktar professjonalità.”
Noħodha b’ċertezza li fl-atletika Maltija hawn xi affarijiet li jdejquh. Ikolli raġun.
“L-iktar ħaġa li qed iddejjaqni f’dan l-isport tagħna hu l-fatt li sfortunatament għad m’għandniex mentalità professjonali. L-affarijiet qed isiru wisq b’mod dilettantesk u biex nilħqu ċerti livelli ma nistgħux nibqgħu naħdmu b’dan il-mod.
“Is-sistema tagħna dejjem kienet li jekk joħroġ xi atleta tajjeb merħba bih imma m’aħna nagħmlu xejn biex atleta tajjeb nagħmluh aħna. Meta mbagħad jitfaċċa xi atleta nirraġunaw li jekk jibqa’ konsistenti, tajjeb u jekk ma jibqax, m’hemmx x’tagħmel. Sfortunatament dik hija l-atitudni tagħna.
“Jien ngħid li sentejn ilu f’Andorra kellna l-aħjar tim li qatt kellha Malta u minn dak inhar sa llum diġà bdejna naraw lil ħafna atleti bdew jintilfu. U dan fuq perjodu ta’ sentejn.
Huwa fatt li għandna tim tat-tfajliet b’saħħtu ħafna. Iżda nemmen li hawn ħafna aktar tfajliet li għandhom potenzjal u m’aħniex nisfruttaw it-talent tagħhom.”
Fi żmienu kien hawn atleti oħra ta’ klassi. Jgħaddi kemm jgħaddi żmien, ħadd ma jinsa l-ismijiet ta’ Xandru Grech u Diedre Farrugia. Insaqsih x’inbidel fl-atletika minn dak iż-żmien sa llum u x’relazzjoni fadallu ma’ sħabu l-antiki.
“Fi żmien tiegħi l-affarijiet kienu differenti. Dak iż-żmien, bħal Xandru Grech u Diedre Farrugia, konna bdejna minn età żgħira u domna f’dan l-isport għal snin twal. Jien ngħidlek li għadna sa llum kapaċi nagħtu tiġrija tajba lil kulħadd. Jien naħseb li l-atleti ta’ llum.
“Illum il-ġurnata Diedre qegħda l-Ingilterra. Allura ilni ma naraha ftit. Imma meta niltaqgħu dejjem noqogħdu ngħidu meta se nerġgħu nibdew inqumu fil-5am għat-taħriġ.
“Ma’ Xandru għadni niltaqa’ kultant u flimkien noqgħodu nġeddu l-memorji tal-passat. Miegħu qattajt żminijiet sbieħ minn ħajti u dħakna ħafna flimkien.
“Niftakar żewġ episodji partikolari. Waħda hi meta konna msifrien u kelli cassette player li bih jien irqadt wara 10 minuti. Filgħodu tajtx kemm kien irrabjajt għax fuqu ħadem bil-kontra u flok raqad ħareġ jiġri barra fit-toroq.
“Każ ieħor kien meta konna msifrin fi żmien xi Tazza tad-Dinja u hu daħal biex jorqod u jien għidtlu li xtaqt nara parti minn logħba li kien hemm tintlagħab fil-mument.
“Il-konsegwenzi kienu li jien irqadt wara kwarta u hu tant kemm daħal fl-atmosfera tal-logħba li raha kollha u ma seta’ jorqod b’xejn wara. Xandru jibqa’ bniedem tal-ġenn b’karattru ħelu ħafna.”
Id-diskussjoni bejn it-tnejn bdiet tieħu laqta umoristika sakemm staqsejtu kemm tjiebu l-faċilitajiet ta’ l-atletika minn żmienhom sal-lum.
“Il-faċilitajiet li għandna huma l-istess faċilitajiet li kien hawn fis-Snin 80, 70 u anki 60. L-unika differenza minn dawk iż-żminijiet hija t-track. Sakemm ma ngħidlekx li morna lura għax kultant ngħid li dak iż-żmien meta kienu jintużaw kienu ġodda. Illum jinsabu fi stat ta’ mandra sħiħa.”
Jitfaċċaw l-atleti nazzjonali Nikolai Portelli u Karl Farrugia. Ħsibthom ġew biex jinbxuh jew isellmulu. Ma kienx il-każ.
“Din hija ċ-changing room ukoll. Hawnhekk inbiddlu aħna.” Jurini li ddispjaċut. Mario ikompli…
“Jien bniedem li ngerger u nilmenta ħafna imma kif għidtlek qabel aħna dilettanti wisq. Anki fil-fondi li tingħata l-assoċjazzjoni ninsabu lura ħafna. Tasal fi stat li tgħid li jien vera qed nikkritika imma jekk ikolli nagħmel xi ħaġa nista’? Fil-każ tiegħi ngħidlek li le għax m’għandix ħin.
“Allura tasal tgħid li kieku ma jagħmlux imqar il-ftit dawk li qed jippruvaw jagħmlu xi ħaġa kieku m’hawn xejn. Imma r-realtà hija li llum ħadd ma jagħmel xejn għal xejn. Riżorsi m’għandna xejn. Issa jekk min qed jaħdem hux jagħmel biżżejjed jew le ma nafx. Jien naħseb li jekk irridu naslu x’imkien irridu nibdew billi noħoloqu sistema li fil-preżent m’għandniex.
“Issa erġajna bdejna Skolasport. Fejn qatt xi darba smajna b’xi atleta li ħareġ minn hawn.? Almenu jien ma nafx b’wieħed.
Jekk mhux se niċċaqalqu, sa 10 snin oħra se nibqgħu kif qegħdin illum. Jien nixtieq li nibdew nagħmlu proper scouting fl-iskejjel. Irridu nagħtu ħafna aktar importanza lill-atleta għax sfortunatament f’ħafna drabi jħossuhom maqtugħin waħedhom.
“Hawn ukoll ċerti kowċis li jridu jitgħallmu kif jibżgħu għall-atleti li jkollhom. Eżempju jista’ jkollok kowċ li jkollu atleta mweġġa’ bl-aħħar ċans li jikkwalifika għal xi ħaġa u jisfurzah biex jiġri xorta. U jista’ jkollok kowċ li fl-istess każ jgħid lill-atleta tiegħu li l-aħjar ħaġa jkun li ma jisfurzax. Jien ngħidlek li t-tieni għażla hija l-unika waħda professjonali u ta’ ġid. Il-piki jidħlu dejjem u dan għax sfortunatament għandna ftit postijiet bħala nazzjon meta niġu biex insiefru.”
Imma f’karriera ta’ tant snin, liema kienu l-isbaħ u l-aktar esperjenzi negattivi ta’ Mario?
“Kelli żewġ esperjenzi sbieħ. L-ewwel waħda kienet fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ta’ l-Islanda meta rbaħt midalja tal-fidda bħala ndividwali fil-200 metru. Għalkemm ma kien hemm ħadd jarani ħlief ommi u missieri, kien mument sabiħ li ma ninsiex.
“Però l-ikbar mument kien meta rbaħt l-iSportiv tas-Sena fl-1999. Kien għeluq is-snin tiegħi wkoll dak inhar. Li tirbaħ dan l-unur mill-atletika mhux xi ħaġa faċli l-aktar meta tara dak kollu li qed jagħmlu ċerti atleti fil-preżent u li dejjem jibqgħu maqtugħin minn atleti ta’ sport ieħor.
“L-aktar waħda negattiva kienet fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Malta. Kont għamilt erba’ xhur nitħarreġ għalihom fl-Italja. Tlaqt kollox apposta. Ġejt Malta u xahar qabel kellhi injury f’irkoppti u spiċċajt niġri bl-injections. Kont ġejt ir-raba’ fil-200 metru u ddispjaċini ħafna għax naf li kelli mmur aħjar. Imma kont irbaħt żewġ midalji fir-relay xorta. Meta l-injury kienet għaddietli spiċċajt għamilt l-aqwa riżultati ta’ ħajti.”
Nitolbu l-opinjoni tiegħu dwar x’irid ikollu atleta tajjeb.
“Konsistenza, impenn u l-għan għalfejn u għalxiex irid jasal. Jien fiż-żmieni niftakar atleti li kienu aħjar minni imma ma waslux daqsi għas-sempliċi raġuni li ma kellhomx l-impenn neċessarju. Vera li jekk atleta jitwieled bit-talent jiswa ħafna imma biex tasal sa l-aħħar trid ħafna xogħol iebes u determinazzjoni.”
Naf illi Mario huwa bniedem li kważi dejjem ikun preżenti l-Marsa. Kienet interessanti li nsaqsih liema jaħseb li huma l-aħjar atleti tal-pajjiż fil-preżent u x’inhi r-raġuni ta’ l-għażla tiegħu.
“Minn naħa ta’ l-irġiel Darren Gilford u Nikolai Portelli. Minn naħa tan-nisa Charlene Attard u Diane Borg. L-erbgħa li huma għandhom determinazzjoni kbira f’dan l-isport u fiżikament jinsabu f’forma eċċellenti. Nemmen li l-erbgħa li huma twieldu bit-talent. Fihom għandhom taħlita ta’ kollox.
“Imma fl-atletika mhux bilfors irid ikollok dan kollu għax il-furtuna ta’ l-injuries u t-tip ta’ kowċis li jinzertawlek jilagħbu parti importanti wkoll.
U min kienu l-aktar persuni li nfluwenzawh fil-karriera tiegħu?
“L-ewwel persuna li nfluwenzatni u ħalla impatt fuq il-karriera kien il-mibki Joe Bajada. Niftakar li fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-1991 jien kont it-tieni l-aqwa sprinter li kien hawn. Niftakar li ftit qabel kienu tella’ grupp ta’ atleti għal training camp fi Trapani.
“Lili ma qallix u ħallini Malta. Waħdi bdejt ngħid; kif jista’ jkun li ħalla lili barra? Ma’ dak u ma’ l-ieħor bdejt nistaqsi x’kienet ir-raġuni għal dan kollu. Joe Bajada kien wassalli risposta li nibda nsiefer miegħu meta nibda nieħu l-atletika b’mod serju.
“Kellu raġun għax dak iż-żmien vera ma tantx kont nagħti kas. Kien dan il-każ li biddilli l-mod kif inħares lejn dan l-isport. Minn dak inhar bdejt nitfa’ l-akbar attenzjoni.
“It-tieni persuna li bidlitli ħafna affarijiet f’ħajti kien il-kowċ Taljan, Antonio La Guardia. Bdejt nitħarreġ miegħu fl-1996 u grazzi għalih li għamilt il-qabża fil-kwalità.
“Illum il-ġurnata huwa l-kowċ Nazzjonali Taljan ta’ l-atletika u għadni bil-kuntatt miegħu. Laqqagħni ma’ ħafna persuni oħra kbar fid-dinja ta’ dan l-isport.”
Minn bniedem intiż u espert fl-atletika xtaqt nieħu l-opinjoni ta’ min jaħseb li hu l-aqwa atleta li qatt ra f’ħajtu.
“Michael Johnson huwa l-aqwa atleta li qatt rajt fid-dinja. Għalija huwa fenomenu. Ċerti riżultati li għamel u kellu hu kienu fenomenali. Il-ħinijiet li għandu fil-100, 200 u 400 metru huma affarijiet kbar. Meta tqabbel lilu ma’ l-atleta tat-tieni fil-lista tara li hemm qabża fenomenali.”
Mario ta ħafna lill-isport Malti. Żgur li kien hemm ħafna mħuħ wara dan kollu.
“Nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi tal-paċenzja li ħadu bija tul ħajti. Il-mara, it-tfal, u l-ġenituri jiġu l-ewwel u qabel kollox. Dejjem tawni appoġġ kbir però qatt ma sfurzawni f’xejn.
“Qatt ma għamlitilhom differenza niġix l-ewwel jew it-tieni f’tellieqa u dan għeni aktar biex nibqa’ ikkonċentrat.
Nixtieq nara aktar ġenituri li jkollhom il-mentalità li għall-uliedhom l-isport huwa importanti daqs l-istudju.
“Ma nistax ninsa nies bħal Alfred Bajada u Saviour Spiteri li ilhom jgħinuni minn żmien l-iskola.”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt