Michael Falzon u Kevin Attard tellgħu t-tieni wirja astratta bejniethom. Hi wirja li mill-ewwel ma jolqtuk huma l-kuluri jgħajtu tagħha mħalltin b’armonija ma’ xulxin f’linji mserrpa jew kaxxi.
Spiss l-ispettatur ikollu dubju kemm l-artist jinvesti ħin fix-xogħol tiegħu minħabba li jkun astratt. Michael għal din il-wirja għażel li juża dan il-ġeneru apposta minkejja li jħobb ipitter l-uċuħ tan-nies u s-siġar ukoll.
“L-astratt jagħtik il-libertà. Barra minn hekk għandek sfida akbar għax m’hemm xejn xi jgħinek. Stampa sabiħa b’wiċċ ta’ tifla faċilment tiġi apprezzata. Għal din il-wirja għażilt li nuri l-astratt biss għax nemmen li aħjar ma tħallatx ġeneri differenti,” spjega l-artist.
Bħalissa l-artist għaddej minn fażi wkoll li bl-arti tiegħu ma ddejjaqx nies anzi li jserrħu qalb lil dak li jkun li jarahom.
“Għalkemm swied il-qalb jista’ jidher bil-kulur mhuwiex ċar,” kompla jgħid Falzon.
Meta wieħed iżur il-wirja jinnota li l-artist ħalla ktejjeb bid-disinji oriġinali tiegħu magħmulin bil-lapes. Dawn id-disinni huma l-aktar interessanti għax ma fihomx kulur allura faċilment iġegħlu l-ispettatur isaqsi meta Falzon jiddeċiedi jdaħħal il-kulur fix-xogħlijiet tiegħu.
Fil-fatt l-artist meta joħloq dawn id-disinni spiss ikun diġà ddeċieda l-kuluri imma jżomm lilu nnifsu liberu li jesperimenta bl-effetti li tħalli ż-żebgħa fuq it-tila. Normalment iżomm ma’ l-ideat oriġinali imma mhux l-ewwel darba li telaq ’il bogħod. Rigward kulur ukoll semma li ġieli jkun fil-kampanja u “jieħu grazzja ma’ xi kulur” u mbagħad jibni l-kompożizzjoni tiegħu fuqu iżda ġieli jagħti l-każ li l-ewwel joħloq il-forma u jsib il-kulur għaliha wara.
Il-wirja tinsab fl-Art Academy Gallery fi Triq il-Kostituzzjoni, Mosta. Tibqa’ għaddejja sas-27 ta’ April fil-ħinijiet tal-ħwienet mid-9am san-12.30pm u mill-4pm sas-7pm.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt