22 ta' April 2007 • Nr 25

Arkivji




 

 

 

22 ta' April 2007
Id-droga taħt il-lenti ta’ l-ispiżjar

Julia Farrugia tintervista lill-ispiżjar Mario Mifsud

B’ġaggaga bajda mħaxkna miegħu Mario Mifsud ikompli b’ħidmietu bħala spiżjar. Imma Mifsud mhux spiżjar kwalunkwe.
Waqt li jmekkek fil-Laboratorju għas-Servizzi Forensiċi niskopri dak l-element ta’ bniedem b’kilba kbira biex b’ħidmietu jiskopri l-aħħar xejriet fit-traffikar tad-droga f’pajjiżna. Dan għaliex il-lenti tiegħu ilha għal dawn l-aħħar snin tgħarrex fuq id-droga li tkun sekwestrata jew fuq it-traċċi li jitħallew wara xi overdose.
Mario Mifsud għandu warajh mogħdija li tieħdu lura 26 sena fil-qasam forensiku.
Lura fl-1981 kien jaħdem il-Laboratorju Forensiku fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Kien jagħmel xogħol ta’ tekniku fil-laboratorju u xogħol ieħor importanti marbut mal-post tar- reat.
Wara li laħaq spiżjar kien jispeċjalizza fl-analiżi tal-bombi, dak iż-żmien suġġett komuni fis-snin imdallma tat-Tmeninijiet, imma aktar tard fl-1994 mar jistudja l-forensika f’Londra meta f’Malta, sal-lum, dan il-kors għadu għal kollox nieqes mill-Università ta’ pajjiżna. Kien eżatt sena wara li x’ħin ġie lura sab ma’ wiċċu l-akbar test.
“Kienu nstabu seba’ tunellati ħaxixa moħbija f’container. Kien l-akbar test waħdi. Minn dak iż-żmien sal-lum id-droga baqgħet taffaxxinani mmens.”
F’leħen ir-raġel inħoss bħal kilba, bħal meta xi ħadd ikun maħkum minn vizzju. Iżda f’dan il-każ l-istorja hi differenti. L-ispiżjar Mario Mifsud għandu jbaqbaq ġo fih taqbida kontinwa. L-akbar xewqa li għandu hi li l-Awtoritajiet jieħdu numru ta’ miżuri bil-għan li l-problema tad-droga tittaffa. Ma joqgħodx jomgħodha.
“Malta waħda mill-pajjiżi fejn l-isteroids mhumiex kontrollati. Dan ifisser li bodybuilders u oħrajn qed jieħdu dawn id-drogi perikolużi mingħajr preskrizzjoni.”
Mario Mifsud jinsisti li l-isteroids ipoġġu sitwazzjoni delikata għaliex dawn jilagħbu b’mod goff u mgħaġġel fuq l-ormoni tal-bniedem.
“Jien ninsisti li l-isteroids jibdew jingħataw biss bi preskrizzjoni u bil-karta l-ħadra biex ikun hawn kontroll fuq dak li għaddej fis-suq. Ġieli kellna steroids għall-annimali u ngħataw lin-nies!”
Jekk din ta’ l-aħħar taħsdek u taqtgħek minn ġewwa dan għadu mhu xejn.
“Hemm min qed iħallat l-ecstasy mal-Viagra. L-ecstasy hi droga li tnaqqas mill-imġiba sesswali. Biex minn għalihom iġibu lura dak l-effett hemm ħafna li jieħdu l-Viagra. Fir-realtà din mhi xejn għajr splużjoni ta’ kimika mħallta flimkien b’riskji kbar.”
Mifsud jinsisti: “Għandna problema serja. Hawn ħafna każijiet fejn il-persuni qed iħalltu kokaina, ecstasy u steroids f’daqqa biex l-effett ikun aktar qawwi.”
Il-problema ta’ poli-drug use, meta persuna tieħu aktar minn droga waħda, hi waħda mifruxa sew.
Fil-Laboratorju għas-Servizzi Forensiċi saru sejbiet importanti. Fost dawn jibqa’ jissemma każ partikolari fejn Mario Mifsud irnexxielu jagħmel skoperta unika.
“Kienu ġejjin esperti mill-Unjoni Ewropea biex nibdew naħdmu fuq sistema ġdida li xogħolha kien li x’ħin jiskopri droga ġdida fis-suq jibgħat messaġġ ta’ twissija lill-pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea. Kont fortunat. Ħbatt ma’ droga ġdida. Kienet sejba ta’ madwar 500 pillola. Is-sustanza, għad li ma kinitx kontrollata, kienet perikoluża għax meta tittieħed kienet tinbidel f’anfetamina, stimulant li jagħtik l-enerġija.”
L-ispiżjar Mifsud jispjega li din id-droga għandha riperkussjonijiet serji għaliex tinbiegħ bħala ecstasy. Min jeħodha ma jħossx l-istess effett u peress li jħossha li mhix qawwija biżżejjed jieħu aktar. Il-problema tkun li l-effetti jibdew ħerġin wara.
“ Wara, minn riċerka li għamilt, skoprejt li l-Italja fl-2000 kienu għamlu sejba ferm akbar ta’ madwar 20,000 pillola imma ma rrapurtawhiex. Malta, grazzi għal din is-sejba, ingħatat credit kbir u jekk Alla jrid dokument li għamilt għandu jidher fil-Journal of Forensic Science u din mistennija tkun l-ewwel paper internazzjonali tiegħi.”
Nitkellmu dwar ix-xejriet internazzjonali, dwar il-laboratorji klandestini, il-postijiet fejn jinħadmu l-varjanti differenti tad-drogi li hawn fl-idejn. Mifsud jispjega li peress li l-Ewropa qed tissikka idejha u tagħmel aktar restrizzjonijiet fuq id-drogi, il-manifatturi trasferew ħafna mill-produzzjoni f’pajjiżi Asjatiċi bħaċ-Ċina. “Imma fi ftit tas-snin oħra l-laboratorji klandestini jiċċaqilqu lejn l-Afrika u l-attività tibda ssir ferm aktar viċin Malta.”
Dwar ħidma klandestina hemm biex jinkitbu enċiklopediji sħaħ. Malta mhix eċċezzjoni.
Hawn min qed jixtri drogi minn fuq l-internet. Id-drogi tat-tip BZP għandhom l-istess effett bħal ecstasy. “Din il-ġimgħa qbadna minnhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dawn fis-16 ta’ Ġunju 2006 saru llegali li jiddaħħlu jew jintużaw f’pajjiżna minħabba li identifikajnihom bħala perikolużi.” Mhux il-pajjiżi kollha ħadu azzjoni bħal Malta. Madankollu f’Ġunju li ġej se ssir laqgħa internazzjonali bil-għan li aktar pajjiżi jemendaw il-Liġi b’tali mod li dawn il-pilloli jsiru llegali.”
Nistaqsieh x’inhuma l-akbar problemi fl-opinjoni tiegħu f’dan il-kamp. Fejn fallejna fil-ġlieda kontra d-droga?
“Hemm bosta problemi. Ewlenija fosthom hi l-kwistjoni tat-taħriġ. Kemm il-Pulizija kif ukoll dawk li jaħdmu mal-vittmi, bħal Sedqa u Caritas, għandhom jingħataw taħriġ frekwenti ħafna dwar
dan is-settur. Id-droga mhix xi ħaġa mejta. Qed tiżviluppa u tinbidel kuljum b’modi differenti u għalhekk importanti li kulħadd ikun jaf l-aħħar xejriet x’inhuma.”
F’ħin minnhom Mario Mifsud iqum minn fuq is-siġġu u jerħilha lejn bank fuq in-naħa l-oħra tal-kamra.
“Qed tarahom dawn?”
Quddiemi, fuq il-mejda, jpoġġili erba’ boroż tal-plastik issiġillati. Fihom hemm provi differenti. F’waħda hemm siringa, f’oħra hemm kuċċarina, fit-tielet waħda hemm qafla li l-vittma ssikkaha ma’ jdejh biex sab il-vina u f’oħra hemm bott mimli kalmanti.
“Ħadd mhu qed jagħti kashom dawn?” isaqsini b’vuċi issa ftit aktar għolja.
“Qed isir ħafna taħliet. Kif qed nindirizzawhom dawn il-problemi?
“Hawn ħafna aktar abbużi fosthom bil-methadone. Ikun hemm każijiet fejn min imur għall-methadone iżommha f’ħalqu u ma jiblagħhiex u meta joħroġ mill-klinika jobżoqha u jbigħha. Isiru l-methadone parties!”
L-ispiżjar jieqaf għal ftit u dlonk tfeġġ mistoqsija li l-ħsieb warajha jkompli jtaqqal fuq id-doża ta’ qabel.
“Esplorajna jekk f’Malta fi żmien 20 sena oħra hux se jkollna soċjetà b’aktar problemi mentali kawża tad-droga li qed tittieħed bħalissa?”
Hu fatt magħruf li l-użu tad-droga jwassal għal dipressjoni u problemi fis-saħħa mentali. S’issa f’pajjiżna għadu ħadd ma esplora xi problemi tista’ tispiċċa fihom is-soċjetà Maltija.
Ir-raġel hu tal-fehma li l-partijiet kollha mdaħħla fil-ġlieda kontra d-droga jingħaqdu flimkien b’komunikazzjoni akbar bejniethom. Dan bħalissa mhux qed isir.
Id-diskursata tkompli anke fuq suġġetti differenti. Nistaqsieh x’inhuma l-aktar tipi ta’ droga ecstasy komuni fl-idejn. “L-ecstasy ta’ l-ewro u tal-kangaroo,” jgħidli Mario Mifsud. F’ħin minnhom ir-raġel inewwilli ktieb oħxon b’eluf ta’ pilloli differenti fuqu. Kull pillola għandha timbru differenti: min b’disinn ta’ ditti tal-ħwejjeġ famużi, min b’sempliċi inizjali u oħrajn b’marki diversi.
Jerġa’ jfakkarni kif id-droga hi xi ħaġa li tikber u tinbidel ma’ kull ġurnata u għalhekk huma importanti testijiet regolari dwar id-droga li tinstab fis-suq. Fil-laboratorju jsiru wkoll testijiet dwar il-purità tad-droga. Isiru wkoll eżerċizzji simulati. Fi proċess għal ta’ l-apposta ssir analiżi ta’ kemm pillola ddum biex tinħall fl-istonku.
Il-biżat?
“Il-problema tad-droga tinkwetani. Anke meta nħares lejn in-neputijiet. Ngħid: min se jirbaħ il-logħba? Il-kliem tiegħi ta’ twissija, jew se jkun hemm min se jwaqqagħhom?”
Forsi l-istess biżat jingħelbu minn xewqat anke ftit ambizzjużi.
“Nixtieq li f’Malta jidħlu l-amnesty bins.”
Jinduna li ma fhimtux u jispjegali.
“Hi sistema li ġieli tintuża barra minn Malta. Ikun hemm ġranet fejn il-pubbliku jingħata bħal amnestija, maħfra. Mingħajr ma jkun arrestat, meta l-individwu jidħol fi club partikolari u jkollu d-droga fuqu imur f’bins għal ta’ l-apposta u jarmi d-droga hemm. B’dan il-mod aħna nkunu nistgħu nieħdu stampa aktar ċara u usa’ ta’ x’tip ta’ droga jkun hemm fl-idejn f’dak il-mument partikolari. Tgħinek tifhem aħjar ix-xejriet ta’ dak il-mument.
“Jiena ngħid, ejja nippruvawha. Nagħmluha tliet darbiet fis-sena. Hekk insaħħu wkoll ir-riċerka li hija fundamentali.”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt